Fawna indiġena Maltija 11 – Il-Gremxula ta’ Malta

August 27, 2023

Parroċċa San Lawrenz – Għawdex

Awwissu 2023

ID-DWEJRA U L-WIRT SINJUR TA’ BIJODIVERSITÀ – 2

Gremxula ta’ Malta Podarcis filfolensis maltensis Maltese Wall Lizard

Alfred E BDaldacchino

Matul żjara fid-Dwejra ma jistax jonqos lil wieħed jiltaqa’ mal-gremxula ta’ Malta, tiġri fuq l-art, jew tixxemmex fuq xi ġebla jew f’xaqq f’xi ħajt. Din hija waħda mir-rettili li joktru fil-Gżejjer Maltin.

Il-gremxula raġel jintgħaraf għax huwa mlibbes lewn aħdar sabiħ, u dan jidher aktar jixgħel matul l-istaġun tan-namra. Matul ġenbejh, ir-raġel ikollu tikek ħodor. Huwa jista’ jkun fih madwar 29ċm tul, u fir-rebbiegħa jidher jiddefendi r-roqgħa art li jkun għamel tiegħu.

Mill-banda l-oħra, il-gremxula mara kif ukoll il-frieħ huma mlibbsin aktar bi lwien kannella, għalkemm il-mara jkollha leħħa ħadranija ħafna aktar mitfija mil-lewn tar-raġel. Minflok tikek matulha, kif ikollu r-raġel, il-mara jkollha linji rqaq ħadranin.

 

Fir-rebbiegħa il-kuluri sbieħ tar-raġel jgħinuh biex jiġbed lejh mara biex jgħammarha. Din wara tbid minn tnejn sa erba’ bajdiet bojod. Kull bajda tkun bejn 10 sa 12.6mm twal u bejn 6 sa 7.5mm wiesgħa. Il-mara tbidhom fil-ħamrija jew taħt xi ġebla. Iżda l-mara tista’ tbid tqiegħda oħra ta’ bajd wara madwar 25 sa 41 ġurnata wara l-ewwel waħda.

Il-bajd ifaqqas xi 45 sa 51 ġurnata wara, u wieħed jista’ jara l-frieħ, li jkun fihom madwar 65mm tul, għal ħabta ta’ Ġunju sa nofs Awwissu.

Meta il-ġremxul iħossu mhedded minn xi predatur, hu jistgħu jwaqqa’ denbu. Dan id-denb maqtugħ, jidher jitgħawweġ u jaqbeż, u l-għan ta’ dan kollu huwa biex jaljena l-predatur li jħares lejh u hekk il-gremxula jkollha biżżejjed ħin biex taħrab. Il-ġremxula tista’ mbagħad bil-mod ittella’ denb ġdid.

Ġieli jiġri li d-denb ma jinqatax kollu waqt xi ġlieda li dawn ikollhom bejniethom. Imma l-gremxula tista’ ttella’ denb ġdid xorta waħda. Tidher li din qisu jkollha żewġt idnieb, imma ikun żbaljat minn jaħseb hekk.

Il-ġrexula tiekol invertebrati bħal xi insetti. Imma llum wieħed jista’ jaraha tiekol anki xi skart li jħalli warajh il-bnidem, bħal ngħidu aħna xi tadam, tuffieħ u anki tlaqqat xi ġelat.

Il-ġremxula ta’ Malta hija endemika – jiġifieri ma tinstab imkien aktar fid-dinja ħlief fil-Gżejjer Maltin. U mhux hekk biss, imma nsibu wkoll tliet razzez differenti oħra. Hemm waħda fuq il-blata tal-Ġeneral, oħra fuq Filfla, u oħra fuq il-Ġzejjer ta’ San Pawl. Ma għandniex xi ngħidu li dawn huma kollha endemiċi għall-gżira li jgħixu fuqha. Dik ir-razza li tinstab id-Dwejra tinstab ukoll f’Għawdex u f’Kemmuna.

Il-gremxul kollha tal-ġżejjer Maltin hu mħares bil-liġi, bħalma huma r-rettili kollha li jinsabu fil-Gżejjer Maltin, u ma jistgħux jinqabdu jew jinżammu.

aebaldacchino@gmail.com

ara wkoll

Fawna indiġena Maltija 1 – Il-werżieq

Fawna indiġena Maltija 2 -Il-Grillu

Fawna indiġena Maltija 3 – Il-farfett tal-bużbież

Fawna indiġena Maltija 4 – Il-bebbux żgħir imlembet

Fawna indiġena Maltija 5 – Il-Bomblu l-iswed

Fawna indiġena Maltija 6 – Il-farfett tal-ħubbejż

Fawna indiġena Maltija 7 – Il-Farfett tal-kaboċċi

Fawna indiġena Maltija 8 – il-werżieq

Fawna indiġena Maltija 9 – Iċ-Ċikkuġwiebi aħmar

Fawna indiġena Maltija 10 – In-Nannakola ta’ seba’ tikki