Il-Grillu


 

NewsBook

It-Tnejn, 12 ta’ Awwissu, 2014

IL-GRILLU

Alfred E. Baldacchino

 

Fl-aħħar artiklu tkellimna dwar il-werżieq jew kif jgħidulu xi wħud, iż-żarżur: dak l-insett li jżarżar matul il-ġranet sħan tas-sajf.

Illum naraw kif meta s-sħana tal-jum tnin u tmut,u l-għaxija titliegħeb ma’ żiffa ħelwa wara nżul ix-xemx, il-grillu jeħodha f’idejh biex f’dawk il-ħinijiet isaħħar bit-tisfir tiegħu. U l-werżieq imur jistrieħ għall-għada.

Wieħed jista’ jisma’ t-tisfira tal-grillu: insett ieħor, kollhu iswed, twil madwar 3 ċm kemmxejn ċatt u b’par antenni twal. Huwa qarib tal-ġurati. Matul il-ġurnata jkun moħbi qalb il-ħaxix, taħt xi injam, jew f’xi xaqq, u joħroġ bil-lejl. Jista’ wkoll iħaffer toqba fl-art li jagħmilha daru, jew inkella jsib xi toqbod oħra mħaffra minn xi annimal ieħor. L-irġiel għandhom ir-roqgħa tagħhom u jiġġieldu kull raġel ieħor li jipprova jidħol f’din ir-roqgħa.

grillu3

Il-grillu  biż-żewġ t’idbabar sofor karatteristiċi tiegħu.

Fuq daharu, fejn jaqbdu l-ġwienaħ, il-grillu raġel ikollu żewġt idbabar sofor. Ir-raġel huwa dak l-aktar li jsaffar, biex isaħħar xi grillu mara tersaq lejh ħalli  jkun ir-ragel tal-friegħ tagħha. U minn tard fil-għaxija sa kmieni filgħodu, isimgħu jsaffar.

Hemm ħafna li jitfixklu l-grillu mal-werżieq, saħansitra hemm minn lill-grillu jsejjaħlu werżieq. Dan ikun żbaljat. Filwaqt li l-werżieq kif rajna fl-artiklu ta’ qabel iżarżar, il-grillu jsaffar.

Min jaf meta konna żgħar kemm konna nżommu xi grillu raġel ġo xi bott b’ħafna toqob għan nifs, barra t-tieqa tal-kamra tas-sodda biex iwennisna matul il-lejl bit-tisfir tiegħu. Niftakar konna ntuh xi nofs tadama għall-ikel. Il-grillu jiekol minn kollox, sew jekk ikun ikel organiku, saħansitra ħaxix maqtugħ qed jitħassar, fungi, u anki xi weraq.

Illum bil-kemm tara grillu. L-aħħar grillu li rajt kien fuq il-fosos tal-Furjana fejn kont għal frisk ta’ filgħaxija. Dan intlemah minn żgħażugħ li dlonk ġera għal fuqu u b’daqqa ta’ sieq għaffġu ċatt. Minn jaf kemm ħassu kburi dak iż-żgħażugħ li bl-intelligenza ta’ bniedem irnexxilu jgħaffeġ insett daqshekk żgħir u neħħielu ħajtu. Imma hekk aħna mgħallmin!

Il-grillu raġel isaffar billi jħokk iż-żewġ ġwienaħ ta’ quddiem ma’ xulxin. Matul ix-xifer tal-ġewnaħ għandu vina li hija miksija bis-snin, qisha moxt. Meta l-grillu jgħaddi l-ġenb ta’ waħda mill-ġwienaħ matul is-snin tal-oħra, joħloq dik it-tisfira. U meta jagħmel hekk, iżomm il-ġwienaħ miftuħin ’l fuq biex il-ħoss jasal aktar. Meta t-tisfira tiegħu tkun waħda qawwija u soda, din tkun kemm biex jiġbed lejh xi mara, jew inkella biex iwiddeb lil xi grillu ieħor raġel biex ma jidħolx fir-roqgħa tiegħu. Tisfira qawwija u mgħaġġla tfisser li żewgt irġiel iltaqgħu u jkunu qed ilestu biex jiġġieldu. Għalhekk din it-tisfira għandha l-għan li tnaffar lir-raġel li jkun daħallu fl-għalqa.  Tisfira baxxa u maqtugħa tfisser li hemm mara fil-qrib, u l-għan tat-tisfira huwa biex tħajjar lill-mara tersaq biex jagħtu mħabbithom lil xulxin. Naraw li anki daqsxejn ta’ tisfira tal-grillu tintuża biex twassal messaġġ, mezz ta’ komunikazzjoni, li bl-istudju anki aħna nistgħu nifhmu xi jrid jgħid.

Il-grillu mara titgħammar fl-aħħar tas-sajf u tbid il-bajd fil-ħarifa. Hija għandha bħal labra twila fuq wara li tużaha biex tbid il-bajd u tpoġġihom taħt il-ħamrija niedja. Huwa stmat li din tbid madwar 200 bajda li jfaqqsu fi grillijiet żgħar wara ftit ġimgħat.

bolla tal-grillu

Bolla ta’ Malta li ħarġet fl-20 ta’ April 2005 li turi l-grillu 

Hemm xi pajjiżi, ngħidu aħna ċ-Ċina, fejn iżommu l-grillu f’xi gaġġa fid-djar, għaliex dan huwa meqjuż li jġib ir-risq. Imma anki f’xi pajjiżi tal-Mediterran wieħed jista’ jsib din id-drawwa. Barra minn hekk, fiċ-Ċina jagħmlu mħatri u jġelldu żewġt irġiel. L-intelliġenża tal-bniedem ma għandha l-ebda tmiem.

U hekk kull sena l-grillu jferraħna bit-tisfir tiegħu, dejjem sakemm ma jaqax vittma ta’ xi bexx velenuż li jinbexx bla ebda għan ħlief biex xi ħadd forsi jaqla’ euro, imħallas minn entitajiet pubbliċi.

Isem Malti: Grillu

Isem xjentifiku: Gryllus bimaculatus

Isem Ingliż: Two-spotted cricket

ara wkoll: Il-Werżieq http://wp.me/pL6Mk-Ll

 

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

3 Responses to Il-Grillu

  1. gaucivincent says:

    Artiklu informattiv. Kif qal tajjeb Alfred, jiena wkoll ili snin ma nara u nisma grillu. Ħasra, għax anki l-grillu hu parti minn wirt pajjiżi.

  2. Salv Stellini says:

    Prosit Alfred. Artiklu tassew interessanti u edukattiv.

  3. pawlu azzopardi says:

    Ir-rahal, Hal Kirkop dejjem zerzier ( z ta` zalzetta) sibnieh u fil-plural zriezer. Min jaf kemm qbadna minhom meta konna zghar u konna nonzbulhom bit-tadam u kellna l-gageg ghalihom. Qed nitkellem bejn 1962-64. Meta ghadda d-drenagg mit-triq naqsu hafna u rari tara wiehed illum.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: