Il-bebbux żgħir imlembet


Il-bebbux żgħir imlembet

Alfred E Baldacchino

is-Sibt, 12 ta’ Awwissu 2017

 

Il-bebbuxu li nistgħu nsejħulu l-bebbux żgħir imlembet minħabba l-għamla tiegħu, huwa speċi ta’ mollusk fil-klassi Gastropoda, kelma Griega li tfisser stonku u sieq. Il-Gastropoda tiġbor fiha l-bebbux u l-bugħeriewen ta’ kull daqs u ta’ kull għamla: minn mikroskopiċi sa mdaqqsin. F’din il-klassi nsibu eluf ta’ speċi: kemm bebbux u bugħeriewen tal-art u tal-ilma. Fost dawk tal-ilma nsibu l-imħar.

Madwar 24,000 speci ta’ Gastropoda huma magħrufa li jgħixu fuq l-art.

Waħda mill-familji f’din il-klassi hija dik tal-Cochlicellidae: familja li tigbor fiha bebbux żgħir tal-art. Dawn il-bebbux għandhom qoxra tawwalija u ġejja għall-ponta; tixbaħ lembut dejjaq ġej għall-ponta rqiqa.

Mijiet ta’ bebbux żgħir imlembet reqdin għax-xhur sħan tas-sajf.

Il-qoxra imlembta tal-bebbuxu, biż-żokra fil-parti l-wiesgħa tagħha.

Il-qoxra tal-bebbux żgħir imlembet li jkun għadu żgħir ikollha din il-ponta tniggeż.  Il-qoxra tkun minn 8 sa 13.7 mm tul b’diametru ta’ minn 4 sa 5 mm. Din tkun iddur imkebba għal minn 8 sa 11-il darba, ta’ lewn isfar bajdani, ta’ spiss b’sinjali, tikek jew dbabar kannella kemmxejn ileqqu, madwarha. L-aħħar dawra fil-qoxra tkun aktar wiesgħa mill-oħrajn u tkun xi minn daqqiet kważi nofs it-tul tal-qoxra kollha. Taħt dan it-tarf il-wiesa’ jkollha forma ta’ żokra ovali li kważi hija mgħottija b’xoffa. Minn din iż-żokra joħrog il-bebbuxu li jkun ġewwa mħares minna.

Fil-gżejjer Maltin, il-bebbuxu li jgħix ġol-qoxra huwa ta’ lewn ħamrani ċar. Fuq dahru l-bebbuxu għandu sinjal iswed matulu, bi dbajja kannella fl-iswed u numru ta’ tikek żgħar suwed.

Il-bebbuxu żgħir tal-art imlembet barra mill-qoxra tiegħu.

Dan il-bebbux żgħir tal-art imlembet huwa indiġenu għan-nofsinhar u l-punent tal-Mediterran. Imma ġie mdaħħal f’numru ta’ pajjiżi, bħal ngħidu aħna fil-lvant tal-Mediterran, bħall-Greċja, it-Turkija, l-Iżrael, u l-Eġittu. Iddaħħal ukoll fil-Gżejjer Brittaniċi u l-Irlanda. Saħansitra anki fl-Awstralja, fejn kif jiġri bi speċi imdaħħlin f’ambjent fejn ma jkunux jinstabu b’mod naturali, sar invażiv, jiġifieri beda joktor fis-selvaġġ b’impatti negattivi fuq l-ambjent naturali u l-fawna u l-flora tal-post.

Il-bebbux żgħir tal-art imlembet jgħix fuq ħamrija kalkarja ramlija, u jħobb inħawi niexfa qrib il-kosta miftuħa u għax-xemx, bħal għaram ramel, għalkemm jinstab f’numri akbar taħt arbuxelli u sġajjar u f’mergħat li ma jżommux ilma. Minħabba s-sħana tas-sajf huwa jorqod matul dawn ix-xhur billi jitla’ ma’ puntali, zkuk niexfa, friegħi tas-siġar u oġġetti oħrajn bil-ponta.

Fost il-fawna u l-flora li jqattgħu ix-xhur sħan tas-sajf reqdin, il-bebbux żgħir tal-art imlembet qatt ma jista’ jeħlisa min-nirien ta’ madwaru.

Hemm minn jaħseb li dan il-bebbux jagħmel xi ħsara lill-agrikultura. Dan għaliex meta huwa jkun rieqed u jinqala’ iħalli warajh bħal ġerha. Iżda din ma tagħmel l-ebda ħsara lill-pjanta li jkun rieqed fuqha.

Il-bebbux żgħir imlembet huwa komuni fil-gżejjer Maltin. Iżda dan ma jfissirx li ma għandniex nieħdu ħsiebu. Dan jiddependi mill-ambjent li jgħix fih. U nafu kif l-ambjent sejjer lura u qed jinqereda kuljum. Bħal dawn il-ġranet qed ikollna ħafna ħruq ta’ ambjenti naturali, kemm minħabba s-sħana naturali, kif ukoll minħabba nirien li jitqabbu u jaħarbu bla ħsieb, kif ukoll sfortunatament minn dawk li jitqabbu bil-ħsieb, li kollha kemm huma jqabbdu minn kull fejn jgħaddu jiġru u jsibu ħaxix niexef.

Dan l-aħħar xahar kellna ħafna minn dawn. Rajna nirien jaħkmu Binġemma, il-Mosta fil-parti tal-Wied tal-Isperanza, għelieqi f’Ħaż-Żebbug, u fil-ġimgħat li ġejjien bil-ħafna ħruq tan-nar marbut mal-festi, wieħed ma jeħodhiex bi kbira li jkun hemm aktar nirien.

Meta jkollna dawn in-nirien mhux la wieħed jgħid li l-ħsara mhux kbira daqs kemm wieħed stenna minħabba dak li jara, għaliex il-ħlejjaq ta’ flora u ta’ fawna li jgħixu qalb il-ħaxix niexef jew fil-ġnub tiegħu, jew inkella li jkunu reqdin għall-ġranet sħan tas-sajf, ma jkunx possibbli għalihom li jaħarbu jew li jeħilsu minn dawn in-nirien. Il-lembut żgħir tal-art huwa wieħed minn dawn l-annimali li ma jeħilsuhiex u dawk kollha li jkunu qed jistennew ix-xhur tax-xita biex jerġgħu jqumu u jkomplu joktru, kollha jinqerdu f’ħakka t’għajn. U magħhom jinqerdu wkoll fawna u flora oħra.

Għalhekk wieħed għandu jagħmel minn kollox biex dawn il-ħlejjaq li jaqsmu din l-art magħna ma jiġux meqruda minn pajjiżna aktar u aktar b’nuqqas ta’ ħsieb.

aebaldacchino@gmail.com

Ismijet xjentifkċi

Il-bebbux żgħir imlembet  – Cochlicella acuta – Pointed Snail

 

Advertisements

4 Responses to Il-bebbux żgħir imlembet

  1. Vincent Gauci says:

    Sa fejn naf jien dan il-bebbuxu mlembet jiekol il-bebbuxu tal-ġeneru Helix, li fix-xitwa tant jagħmel ħsara lil uċuħ tar-raba.

  2. paul says:

    Dan jissejjah wkoll zigromblu? Jew dan hu xi razza ta bebbux iehor?

    • Hemm numru ta’ bebbux li jistgħu jissejħu żigromblu. Imkien ma sibt dan l-isem għall-bebbuxu li tkellimna fuqu, anżi ma sibt l-ebda isem bil-Malti għalih.

      L-isem bebbux żgħir imlembet huwa isem li użajt jien.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: