IL-WERŻIEQ


NewsBook

it-Tnejn, 4 ta’ Awwissu, 2014

IL-WERŻIEQ

Alfred E. Baldacchino

Hekk kif is-sajf jagħmel tiegħu, u x-xemx tibda’ tisreġ u ma tmurx torqod qabel tard filgħaxija, jibda’ jinstema ż-żarżir tal-werżieq. Fl-eqqel tas-sħana matul il-jum, isimgħu jżarżar, tant li hemm uħud li jsibuh bħala żarżur. Dan l-insett mad-daqqa t’għajn taħsbu xi dubbiena kbira, iżda ma għandu x’jaqsam xejn mad-dubbien. Huwa jkun fl-aqwa tiegħu matul il-ġranet sħan ta’ Awwissu. Ngħid għalija l-għaxqa tiegħi nisimgħu jżarżar matul l-istaġun tal-ġranet sħan tas-sajf l-aktar fil-ħin meta l-aħjar ħaġa li wieħed jista’ jagħmel hija li jieħu ngħasa ta’ sagħtejn wara nofsinhar biex imbagħad iżidhom mas-sigħat tal-frisk ta’ filgħaxija.

Il-werżieq ikompli jheddilni u jgħinni biex il-ħsibijiet tiegħi jkomplu jimirħu u jissiefħu mdawra bis-sbuħija tan-natura u jnessili l-kruha tal-qerda tal-bniedem.

Werżieq mara miġbuda miż-żarżir tar-raġel, tindiehes miegħu.

Werżieq mara miġbuda miż-żarżir ta’ raġel, tindiehes miegħu.

 

Isimgħu jżarzar b’qalbu ħierġa, biex jittanta xi sieħba u jiġbidha lejh u hekk jagħtu mħabbithom lil xulxin. Ma jaqta’ qalbu qatt. Saħansitra jkompli jżarżar xi drabi fil-ġranet l-aktar sħan meta anki x-xemx tkun marret torqod. Arah b’dawk l-għajnejn kbar kbar, imbegħdin minn xulxin waħda fuq kull ġenb bi tliet għajnejn żgħar żgħar bejniethom.

L-isem xjentifiku tal-werżieq ġej mill-kelma iżarżar bil-Latin. Fih madwar 2.5 ċm, ta’ kulur kannelli jagħti fil-griż, biex jintilef qalb l-ambjent naturali tiegħu. Il-par ġwienah ta’ quddiem ikunu trasparenti qishom b’xibka fuqhom u b’tikek suwed imferxxa. Il-fetħa tal-gwienah fiha madwar 7 ċm. Għandu wkoll bħal ilsien twil biex ikun jista’ jtaqqab u jarda’ mill-parti tarja taz-zkuk u l-mgħaseb.

Huwa l-werżieq raġel biss li jżarżar. Dan jagħmlu billi jissikka u jerġa’ jitlaq partijiet minn żaqqu, u billi żaqqu hija fil-biċċa ’l kbira vojt, din tkabbar il-ħoss. U barra minhekk, il-werżieq jista’ jżarżar mhux l-istess ħoss billi jdawwar żaqqu. Ħafna drabi jkun hemm numru ta’ wrieżaq kollha jżarżru u mhux faċli li tgħid minn fejn ġej il-ħoss.

Wara li titgħammar, il-mara taqta’ xquq żgħar fil-friegħi tas-siġar u ġo fihom tbid mijiet ta’ bajd. Dawn ifaqqsu tard fis-sajf jew kmieni fil-ħarifa. Ix-xgħat jaqgħu fl-art fejn iħaffru taħt il-ħamrija. Filwaqt li l-wrieżaq ix-xjuħ jgħixu biss madwar xagħar, xagħar u nofs, ix-xgħat li jfaqqsu mill-bajd jgħixu għall-numru ta’ snin taħt l-art, fejn jinżlu minn 30 ċm ’l isfel jerdgħu l-meraq mill-għeruq tal-pjanti. Dawn idumu hemm bejn tnejn sa ħames snin.

Meta jasal iż-żmien ix-xagħat iħaffer mina minn fejn joħroġ fuq il-wiċċ tal-art. Huwa jitla’ ma’ xi zokk jew magħseb fejn joħrog mill-qoxra tiegħu u jinbidel f’werżieq adult. Ta’ spiss wieħed jista’ jara din il-qoxra vojta għadha mdendla ma’ xi zokk.

U l-bniedem kif iħares lejh dan l-insett li kull ma jagħmel huwa li jsebbaħ l-ambjent naturali tagħna bil-mużika tiegħu? Il-bniedem illum ma jiddardar xejn li bil-mod il-mod qed joqtol lilu nnifsu bl-użu bla kontrol ta’ kimika, saħansitra anki fl-ikel li jiekol. Aħseb u ara kemm sejjer jiddejjaq li joqtol dan l-insett li mad-deher ma għandu l-ebda qligħ minnu. Naraw ta’ spiss irġiel ibexxu kimika matul il-ġnub tat-toroq kemm fil-kampanja, kif ukoll fl-ibliet, biex jeqirdu l-ħaxix li huma jgħidulu ħażin. U ma għandniex xi ngħidu li meta tintbexx din il-kimika toqtol mhux biss il-ħaxix iżda toqol kull ma jmiss magħha. U jekk tinqatel il-pjanta li jkunu qed jgħixu fuqha numru ta’ ħlejjaq oħra, dawn jinqerdu wkoll. Imma sakemm l-użu tal-kimika twassal għal qligħ ta’ flus, allura ma hemm xejn ħażin, kif jgħidu minn ibexx. Saħansitra ġieli jkun hemm il-barka politika għal din il-qerda.

Forsi xħin qed taqra’ dan, barra t-tieqa tista’ tisma’ iż-żarzir tal-werżieq li forsi ftit tajt kasu qabel. Tista’ tisma’ ftit mill-mirakali tal-ħajja li aħna naqsmu ma’ dawn il-ħlejjaq.  Jekk forsi qed taqra u x-xemx diġà marret torqod, forsi tiftakar biex tipprova tisimgħu meta jisbaħ. Isimgħu u għidli x’taħseb!

Il-Werżieq – Cicada orni – Cicada

ara wkoll: Il-Grillu   http://wp.me/pL6Mk-Lr

aebaldacchini@gmail.com

 

Advertisements

2 Responses to IL-WERŻIEQ

  1. Tassew ħasra li dawn il-kreaturi bil-mod il-mod qed inħalluhom jgħibu minn pajjiżna. Issa nħeġġeġ lil Alfred jikteb xi ħaġa fuq il-grillu ta’ bil-lejl, insett li sfortunatament sar rari meta sa ftit snin ilu kien daqshekk komuni.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: