IR-RAPPORT TAL-MEPA DWAR IŻ-ŻONQOR


IR-RAPPORT TAL-MEPA DWAR IŻ-ŻONQOR

Alfred E. Baldacchino

It-Tnejn 15 ta’ Ġunju, 2015.

Nhar it-Tnejn, 15 ta’ Ġunju 2015, iltaqa’ l-Kumitat Permanenti tal-Kamra tad-Deputati dwar l-ambjent u l-ippjanar tal-iżvilupp. L-għan tal-laqgħa kien sabiex jiġi diskuss il-Preliminary Site Evaluation Report bid-data ta’ November 2014, dwar l-iżvilupp f’Ta’ Żonqor, li ġie mħejji mill-Uffiċjal Eżekuttiv Prinċipali tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar. Dan ir-rapport kien ġie mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tad-deputati fis-25 ta’ Mejju 2015 mill-Prim Ministru.

Jiena kont mistieden għal din il-laqgħa fejn tkellimt fuq in-nuqqas ta’ tagħrif li ma kienx hemm fir-rapport u li mingħajru ma setgħetx tittieħed l-ebda deċiżjoni fl-interess soċjali u ambjentali. Il-punti ewlenin li tkellimt fuqhom huma dawn:

  1.  Dan ir-rapport fejn il-MEPA qed tagħti ħjiel li ż-Żonqor huwa tajjeb għall-bini tal-Università Amerikana, ma jgħid xejn dwar l-impatt negattiv kif il-wesgħa miftuha tal-inħawi (open spaces) sejra taffettwa b’mod negattiv is-saħħa tal-popolazzjoni, kemm tal-madwar kif ukoll tal-pajjiż. Dan l-iżvilupp mingħajr dubju jkollu kemm impatti mill-aspett fiżiku kif ukoll minn dak psikoloġiku, rekreattiv, xjentiku, edukattiv. Ir-rapport iqis biss l-aspett kummeċjali li fir-rapport ma jgħid xejn kontrih.
  2.  L-impatt tat-traffiku kemm fuq ir-residenti tal-post kif ukoll fuq l-inħawi tal-madwar lanqas mhu ta’ importanza milli jidher; ma jissemma xejn.
  3. Il-parti tar-rapport dwar l-ekosistema insejjaħlu miskin. Possibbli li fiż-żona msemmija fir-rapport ma tezizti l-ebda fawna xejn: molluski, rettili, insetti, u invertebratri oħra, kif ukoll għasafar, mammiferi, xejn. Minkejja li wħud minn dawn huma msemmija fid-direttivi tal-ambjent tal-Ewropa. Għal MEPA dawn ma jidhrux li huma ta’ xi importanza nazzjonali.
  4. Fir-rapport hemm referenza għall-kaċċa u l-nsib, u nqis il-kumment fuq dawn hu magħmul b’mod dispreġġattiv (para. 4.7). Hawn jingħad li minħabba l-kaċċa u l-insib il-post iddegrada aktar. Mingħajr ma nidhol fil-mertu ta’ dan il-kumment, jekk xejn dan juri li l-post huwa importanti għall-avifawna: għasafaar kemm residenti, tal-passa kemm fir-rebbiegħa kif ukoll fil-ħarifa, kif ukoll dawk li jqattgħu x-xitwa fil-post li juri kemm-il post huwa sinjur ekoloġikament.
  5. Imma fir-rapport tal-MEPA dan mhux importanti, ħlief id-degrazzjoni li għamlu l-kaċċaturi u n-nassab li qed tintuża biex tiġġustifika li l-post ma għandux valur ekoloġiku u hekk jista’ jinbena.
  6. In-nuqqas ta’ professjonalità tar-rapport. l-aktar fil-parti tal-biodiviersità, toħrog mill-fatt li l-ħaxixa Ngliża, tant invażiva li tikber anki wara tlett xhur fuq is-swar restawrati, tingħad li tikber biss iż-Żonqor u mkien f’Fort San Leonard. Dan inqisu li ntqal biex jiġġustifika li ż-Żonqor ma jimpurtax jekk jiġi żviluppat.
  7. In-nuqqas tal-għarfien tal-importanza tal-MEPA dwar il-biodiversità tal-post toħroġ minn Tabella 1, Stampa 2, f’paġna 6, fejn din turi l-klassifikazzjoni tal-għatja tal-art. Din ġiet inkluża biex turi l-faqar tal-post. Imma din turi biċ-ċar l-importaza tal-biodiversità tal-post, naturalemnt jekk wieħed ikun jaf jinterpreta. U dan minkejja li fir-rapport jingħad li dan il-post huwa mmirat għall-ħarsien minħabba raġunijiet ekoloġiċi (para 4.9). U ma ssemmew l-ebda speċi li jinstabu f’dan il-post li jagħmluh ta’ importanza ekoloġika. Ma naħsebx li kien jaqbel.
  8. Il-MEPA semmi ukoll xi passaġġi fiż-Żonqor li huma mimlija skart u materjal. Is-soluzzjoni ta’ dan huwa li dan il-post jiġi restawrat u mhux jintuża biex jiġġustifika li dan il-post għandu jiġi żviluppat. Anżi jekk dan jitħalla waħdu jirrestawra ruhu waħdu mingħajr ħtieġa ta’ ebda għajnuna mill-MEPA, jew minn xi żvilupp!
  9.  Jiddispjaċini ngħid li dan ir-rapport huwa miktub tant dilettantesk li jiżvija kemm il-Gvern, kif ukoll lil dawk li għandhom għal qalhom l-interess nazzjonali, dak ekoloġiku, u dak soċjali, kif ukoll dak kummerċjali. Inħoss li aktar qiegħed magħmul biex iġib il-boċċa ħdejn il-likk, kif wara kollox jixhed il-para 1.3.
  10. Fl-aħħarnett nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-MEPA, għall-Programm Eelettorali tal-Gvern fuq l-Ambjent, Taqsima 9, paġna 93, fejn fost oħrajn jgħid:

Il-mira tagħna (tal-Gvern) hija cara: irridu nkunu ma’ ta’ quddiem nett għax hekk jixirqilna. Irridu nħallu wirt san lil ta’ warajna biex huma jkunu ahjar minna.

U jkompli f’paġna 100: “Nimplimentaw strategija cara  bbazata fuq best practices Ewropej li tpoggi l-ambjent fil-qalba tad-decizjonijiet, filwaqt li nimmiraw biex it-tkabbir ekonomiku jaghti kunsiderazzjoni xierqa lill-izvilupp sostenibbli u ambjentali.”

Wieħed hawn jistaqsi kif jista’ jintlaħaq dan il-għan mingħajr ma jkun hemm il-kontribut tad-Direttorat tal-Ambjent li, skont l-uffiċjal tal-MEPA, kif qal waqt il-laqgħa, kien hu li ma riedx jikkonsultah, għax ikkonsulta dawk li kienu jgawdu l-fiduċja tiegħu, u li xtaq li ma jsemmihomx!  U forsi għalhekk li d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Ambjent għadu fil-limbo, u issa nafu uffiċjalment li dan mhux biss ma jistax jitkellem, imma lanqas biss jiġi kkonsultat.

Dan ir-rapport imur kontra din il-wegħda tal-Gvern.  Tant huwa fqir u dilettantesk li ma jagħmel l-ebda ġieh la lil minn kitbu, u lanqas lil ebda Awtorità li hija fdata biex tħares l-interessi soċjali u ambjentali ta’ dan il-pajjiż. Għalkemm illum mill-MEPA jiddispjaċini ngħid li wieħed jistenna kollox

aebaldacchino@gmail.com

 

 

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.