Għajdut, drawwiet u twemmin fil-gżejjer Maltin


It-Tlieta 30 ta’ Jannar 2018

Għajdut, drawwiet u twemmin fil-gżejjer Maltin

Alfred E. Baldacchino

Meta  l-bniedem rifes fuq dawn il-gżejjer għall-ewwel darba, dawn kienu sinjuri fil-biodiversità, jiġifieri, fil-flora u l-fawna u l-ambjent naturali tagħhom. Madwar dan is-seher il-bniedem bena daru. Minħabba li mhux dejjem kien jifhem dawn l-għeġubijiet tan-natura li saħħruh, madwarhom sawwar numru ta’ stejjer fuq kif kien jifhem u kif kien jara dan il-wirt naturali.

Minbarra li l-biodiversità qdietu billi tatu l-ikel, tatu kenn fuq rasu u l-ilbies biex jitgħatta, il-bniedem użaha wkoll biex jipprova jħares lil saħħtu u jbiegħed minnu l-ħażen u l-ispirti ħżiena. Il-biodiversità għenitu wkoll biex ibassar it-temp, u anki bħala mod ta’ pjaċir. Dawn l-għajdut u d-drawwiet dwar il-biodiversità li l-bniedem sawwar f’moħħu baqgħu neżlin bil-fomm minn xjuħ għat-tfal. Sal-lum niltaqgħu ma’ ħafna minn dawn l-għajdut, drawwiet u twemmin li huma kollha msawwra mal-biodiversità, uħud marbuta mal-mitoloġija u anki mar-reliġjonijiet.

Is-sriep

Is-sriep minn dejjem kellhom rabta kemm mar-reliġjonijiet, mal-għajdut u anki mat-twemmin. Dan mhux f’pajjiżna biss imma wkoll madwar id-dinja.

Il-bniedem kien iħares lejn is-sriep bħala ħlejqiet li kellhom setgħa maġika u sopranaturali. Dan għaliex is-sriep jimxu mingħajr ma għandhom saqajn, u fuq kull tip ta’ materjal, ħaxix u saħansitra anki jgħumu fl-ilma. Huma jaqbdu l-priża mingħajr għajnuna ta’ ebda driegħ. Matul ħajjithom ibiddlu l-libsa qadima tagħhom billi joħorġu minnha u jidhru bi lwien aktar sbieħ. Huma jgħibu matul il-ġranet kesħin tax-xitwa u jerġgħu jitfaċċaw fir-rebbiegħa. Uħud minnhom għandhom is-saħħa li joqtlu anki l-bniedem, jew inkella jġibu l-mard b’gidma waħda.

Kulturi differenti tal-bniedem wasslu biex bdew iħarsu lejn is-sriep b’mod ferm differenti, dejjem skont il-kultura li l-bniedem jitla’ fiħa. Hemm minn għandu stima kbira lejhom; u hemm minn jistmerrhom.

Ngħidu aħna, fil-qedem l-Ażteki fl-Amerika Ċentrali kienu jaduraw is-serp  għaliex kienu jqisuh bħala l-imgħallem tal-ħajja. Anki xi kulturi Afrikani kienu jaduraw serp, il-piton tal-Afrika, u kienu jqisuh delitt li xi ħadd joqtol wieħed minnhom. L-Aboriġini Awstaljani kienu jqisu serp li jinstab fl-Awstralja bħala rabta mal-ħolqien tal-ħajja[1].

Is-simbolu tal-mediċina moderna

Fil-mitoloġija Griega, Merkurju, il-messaġġier tal-allat, kien iġorr għasluq li madwaru kellu żewġt isriep. Din il-kultural Griega kienet tħares lejn is-serp b’rabta ma’ poteri mediċianli. Dan għaliex skont il-kultura Griega, il-mediċina issejset meta l-alla grieg tal-mediċina Askepju kien ra serp li kien jieħu pjanti mediċnali biex ifejjaq serp ieħor lura għall-ħajja. Dan wassal biex illum is-simbolu tal-mediċina moderna huwa magħmul minn żewġt isriep mdawra ma’ għasluġ.

Ir-Rumani, bħall-Griegi, kienu jqisu serp ta’ Askepju bħala simbolu tas-saħħa u kienu jeħduh magħhom biex jitilquh ħdejn il-banjijiet fil-pajjiżi kolonji tagħhom. Kien serp li kien imħares mir-Rumani.

Imma kulturi oħra, bħal dik tagħna, Ġudeo-Kristjana, iħarsu lejn is-serp b’mod differenti kompletament. Wieħed ma jkunx qed jgħid xejn ħażin meta jgħid li dan in-nuqqas ta’ rispett f’din il-kultura tagħna jiġi muri lejn il-ħlejjaq kollha li ħalaq il-Ħallieq. Dan narawh mill-ewwel rakkont miktub dwar il-waqa’ tal-bniedem u t-telfa tal-Ġenna tal-Art. Kollu tort ta’ serp li minħabba fih il-bniedem safa’ mkeċċi mill-ġnien tal-Eden.

U b’din il-kultura ta’ nuqqas ta’ apprezzament, is-sriep huma mistmerra. Dan it-twemmin f’pajjiżna, kompla ssaħħaħ bla dubju ta’ xejn bir-rakkont fl-Atti tal-Appostli dwar il-miġja ta’ San Pawl fil-gżejjer Maltin – rabta diretta marbuta mar-religjon u ma’ San Pawl, li kif jingħad ġabilna l-fidi f’pajjiżna.

Naqraw fl-Atti tal-Appostli[2] li fis-sena 60 wara Kristu, waqt tempesta kbira, il-ġifen li fuqu kien hemm San Pawl, inkalja l-art f’pajjiżna. Kif naqraw fl-Atti miktuba minn San Luqa, San Pawl u dawk kollha miegħu fuq il-ġifen, għamu lejn l-art u kollha salvaw. Kif hemm miktub, biex jisħnu ftit mill-kesħa, tqabbad xi nar. Meta San Pawl tefa’ xi għesieleġ fin-nar ħarġet lifgħa u qabdet ma’ idu.

Lifgħa – bħal dik li jingħad li qabdet ma’ idejn San Pawl.

Meta n-nies indiġeni raw li San Pawl ma ġralu xejn, min dakinhar ’l hawn, il-Maltin bdew jemmnu li minħabba li San Pawl ma waqax mejjet wara li qabdet miegħu lifgħa, allura dan neħħa l-velenu mis-sriep. Din nisimgħuha anki f’xi prietki u paneġierki fil-festa ta’ San Pawl. Dawn jagħtu aktar saħħa lil dan it-twemmin.

Dan huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ edukazzjoni u tagħrif xjentifku ta’ min jaħseb hekk. U dan wassal ukoll biex is-sriep intrabtu max-xitan, mal-ħażen u mad-dnub. U dan mhux f’pajjiżna biss, imma anki fl-Irlanda, li huwa pajjiż Kattoliku bħalna, fejn hemm it-twemmin li San Patriżju tefa’ is-sriep kollha f’għadira kbira. Fl-Irlanda ma hemmx sriep.

Il-lifgħa, u tlett isriep l-oħra li huma indiġeni għall-gżejjer Maltin, ma humiex endemiċi, jiġifieri ma jinstabux biss fil-gżejjer Maltin. Imma jistabu wkoll fil-pajjiżi Mediterranji tal-madwar.  U dawn is-sriep indiġeni qatt ma kienu velenużi; qatt ma kellhom il-boroż f’ħalqhom li jkun fihom il-velenu b’saħħtu daqshekk li jista’ joqtol bniedem[1] [3].

Hemm min jgħid li s-serp li gidem lil San Pawl kien wieħed li kien daħal Malta ma’ xi merkanzija. Hemm min isostni li l-ispeċi ta’ dan is-serp għebet mill-pajjiż. Oħrajn huma tal-fehma li s-serp kien il-lifgħa li d-dbabar tal-kuluri tagħha jixbħu xi serp velenuż mhux Malti[4]. Hemm saħansitra minn jemmen li l-gżira li fuqha inkalja l-ġifen ta’ San Pawl ma kinetx Malta, imma gżira oħra Melita fl-Adriatiku, fejn jinstab serp velenuż.

Sal-lum il-ġurnata l-biċċa kbira tal-Maltin jistmerru u jobgħodu s-sriep u jaħarbuhom jew joqtluhom jekk jiltaqgħu magħhom.

Wara l-miġja ta’ San Pawl it-twemmin dwar is-sriep velenużi, li għadda bil-fomm minn xjuħ għat-tfal, wassal ukoll biex xi wħud jemmnu li San Pawl mhux biss neħħa l-velenu mis-sriep tal-gżira, imma jemmnu wkoll li sriep oħra li jinġabu minn barra minn Malta ma jibqgħux velenużi u jmutu hekk kif jaslu f’pajjiżna. M’iniex tal-parir li jekk jinġieb xi serp velenuż hawn Malta xi ħadd itiħ sebgħu biex jara dan hux minnu!

Il-fantasija, it-twemmin u l-għajdut fuq San Pawl u s-sriep velenużi ma waqafx hawn.

Kif jingħad ukoll, sakemm dam hawn Malta San Paul kien joqgħod ir-Rabat fil-grotta li llum magħrufa bħala ta’ San Pawl. U sakemm dam hemm kellu wkoll is-setgħa fuq il-gdim minn sriep velenużi, tant li l-blat tal-franka li minnu kienet magħmula l-grotta sar magħruf bħala Terra melitensis. Biċċiet minn dan il-blat kien jitfarrak fi trab fin, li kien jitpoġġa ġo vażetti tal-fuħħar jew tal-irħam. It-trab kien jixxarrab bl-ilma, u wara li din l-għabra kienet titħawwad sewwa, kienet tissaffa minn vażett għall-ieħor u mbagħad kienet tiġi mgħarbla b’karta żejtnija. Minn naqal li kien jibqa’ kienu jsiru tazzi, vażuni u oġġetti oħra li kif kien jingħad kienu jgħinu biex ifejqu lil dawk li kienu jkunu taħt xi effett ta’ velenu kif ukoll kontra l-mard. Kien hemm talba kbira għal din it-Terra melitensis. Dan kollu kien taħt il-kontroll tal-Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann jew tal-Awtorità tal-Knisja[3].

Il-qlajjiet, it-twemmin marbuta mar-reliġjon ma għandhom l-ebda tmiem.  Dejjem marbuta mal-miġja ta’ San Pawl f’dawn il-gżejjer, ir-riq ta’ dawk li kienu twieldu nhar il-festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl kien ukoll meqjus u użat għall-kura tal-gdim tas-sriep u anki l-infjammazzjoni[3].

Il-wiża’

Il-wiżgħa

Il-wiżgħa hija rettilu ieħor, mill-familja tal-gremxul. Fil-gżejjer Maltin insibu żewġ speċi: il-wisgħa tad-dar, u l-wiżgħa tal-kampanja. Dawn, bħal ma jagħmlu s-sriep, ibiddlu l-qoxrithom, għaliex din ma tikbirx magħhom u allura joħorġu minnha.

Imma filwaqt li s-sriep joħorġu mill-qoxra l-qadima tagħhom u jħalluha kważi sħiħa warajhom, dik tal-wiża’ titqaxxar ftit ftit sakemm taqa’. Din tkun qoxra fina ħafna u tinqasam ftit ftit biex tgħin lill-wiżgħa toħroġ mill-qoxra l-qadima b’qoxra ġdida. Ġieli jidhru xi wiża’ li fuqhom ikollhom il-fdalijiet ta’ din il-qoxra qadima u fina. U anki hawn, minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni u tagħrif xjentifiku, hemm minn jaħseb u jemmem li l-wiża’ għandhom xi rabta mal-mard tal-ġilda l-aktar mal-ġdim. Dan minħabba xebh bejn id-dehra tal-ġilda ma’ dawk li jkollhom il-ġdim u dawk li jsofru mill-marda tal-ġilda magħrufa bħala psoriasis li l-effetti tagħha jidhru bħala rqajja ħomor, bil-qxur li jqabbdu l-ħakk.

Tant kien b’saħħtu dan it-twemmin li n-naturalista Ġużeppi Despott ma kienx ikollu għajuna mit-tfal biex iġibhulu xi wiża’ biex jistudja fuqhom.

Il-gremxul

Il-gremxul ukoll huma rettili. U bħar-rettili l-oħra tal-gżejjer Maltin hemm ukoll qlajjiet u twemmin fuqhom. Ħafna huma tal-fehma li l-gremxula ta’ Filfla għandha żewġt idnub [1][8].

gremxula

Hawnhekk ta’ min jgħid li l-gremxul u l-wiża’ meta jkunu mhedda jew jiġu attakkati minn xi għadu jistgħu jwaqqgħu denbhom. Meta denbom jinqata’ mill-parti tal-ġisem, dan jibqa’ jitkagħweġ. Hemm min jgħid li dan ikun qed jidgħi, imma d-denb jibqa’ jiċċaqlaq biex l-għadu, waqt li jkun qed iħares lejn id-denb maqtugħ jitkagħweġ, jagħti ħin biżżejjed biex il-gremxula jew il-wiżgħa tkun tista’ taħrab. Id-denb jista’ jinqata’ ukoll waqt xi ġlied li jkun hemm bejn il-gremxul dwar it-territorju jew għal xi sieħba. Il-gremxula jew il-wiżgħa terġa ttella denb ġdid, imma jista’ jiġri li d-denb mhux dejjem jinqata’ barra sħiħ u ġieli jibqa’ mdendel jew imwaħħal bi ftit mal-ġisem. Hekk meta jitla’ d-denb il-ġdid il-gremxula tista’ tagħti ’l wieħed x’jifhem li għandha żewġt idnub.

Fuq il-gżira ta’ Filfla hemm gremxula, bħal dik ta’ Malta imma tant ilha maqtugħa minn dawk li jgħixu fuq il-gżejjer Maltin l-oħra li hija meqjusa bħala razza għaliha. Kif nafu, il-gżira ta’ Filfla kienet tintuża mill-Ingliżi li kienu jisparaw fuqha biex jitħarrġu. U għalhekk ma kinetx tkun xi ħaġa stramba li xi gremxul kienu jitilfu denbhom f’dak it-tifrik. Xi studjuż li kien mar jistudja dawn il-gremxul ra xi waħda b’żewgt idnub u ġriet il-kelma u ssaħħaħ it-twemmin li l-gremxul ta’ Filfla għandu żewġt idnub.

Tant issaħħaħ dan l-ghajdut li niftakar darba, madwar 35 sena ilu, kont qed nara programm fuq l-istazzjon nazzjonali tat-TV; kien programm ta’ kwiżż, fejn skola kienet teħodha kontra oħra dwar tagħrif ġenerali. Niftakar li l-preżentatur, li kien għalliem, staqsa lil wieħed mill-kompetituri x’kellha speċjali l-gremxula ta’ Filfla. L-istudent fil-pront qal li l-gremxula ta’ Filfla hija endemika għall-Filfla, tweġiba li ma setgħetx tkun aħjar. Imma l-preżentatur ma kienx kuntent u reġa staqsa lill-istudent: “imma din x’għandha speċjali?” L-istudent baqa’  mbellaħ u ma kellux tweġiba. Skont l-għalliem preżentatur, it-tweġiba kellha tkun li l-grexmula ta’ Filfla għandha żewġt idnub! Minkejja r-rabja li nibtet fija, indunajt li kien hemm xaqq dawl għall-edukazzjoni xjentifika f’dan il-pajjiż.

     Il-kamaleonte

Ir-rettili tal-art tal-gżejjer Maltin kollha għandhom xi qlajja fuqhom jew xi twemmin, jew kienu jintużaw b’xi mod, ħlief wieħed: il-kamaleonte. U hemm raġuni għal dan, għaliex il-kamaleonte nġab hawn Malta fis-seklu dsatax, bejn l-1846 u l-1865,[1] u mhux bħar-rettili l-oħra indiġeni Maltin li kienu jgħammru fuq dawn il-gżejjer minn qabel rifes il-bniedem fuq din l-art.

 

Ix-xaħmet l-art

Ix-xaħmet l-art

Rettilu ieħor li jinstab fil-gżejjer Maltin huwa x-xaħmet l-art. Fuq dan jgħidu li għandu kimika naturali li tfejjaq. Minħabba f’hekk ix-xaħmet kien jinxtara mill-ispiżjara li kienu jieħdu x-xaħam minnu biex jużawh għall-fejqan tan-nies[3][5].

F’Malta kien maħsub li x-xaħam mehud mix-xaħmet l-art kien tajjeb biex jerġa jtella’ x-xaħar ta’ dawk li jkunu qriegħu[3].

Iż-żrinġ

Iż-żrinġ tal-gżejjer Maltin

Saħansitra iż-żrinġ, l-amfibju indiġenu ewlieni tal-gżejjer Maltin, kien ukoll jintuża bħala mediċina tradizzjonali. Soppa magħmula miż-żrinġijiet kienet tingħata lit-tfal morda.[3]

Il-fkieren tal-art

Illum il-ġurnata wieħed ma għadux isib fkieren tal-art indiġeni fil-gżejjer Maltin. Dawk li naraw huma kollha miġjubin minn barra minn Malta.

                                    Fekruna tal-art

Imma fdalijiet tal-qoxra tad-dahar ta’ dawn il-fkieren tal-art instabu ma’ fdalijiet tal-bniedem, kemm f’Għar Dalam, kif ukoll f’għar ieħor f’Għawdex[3].  Dawn il-fdalijiet huma ta’ żmien Neolitiku, żminijiet ta’ madwar 9000 sa 8000 qabel Kristu, meta huwa maħsub li l-bniedem beda jkabbar l-annimali slavaġ miegħu.

Demm frisk minn dawn il-fkieren kien jintuża biex ifejjaq kemm is-suffejra (jaundice) u attakki tal-qamar (epilepsy).

L-irġiel li kienu jsofru minn dan il-mard kienu jgħidulhom biex jieħdu demm frisk minn fekruna tal-art mara u jagħmlu sinjal tas-salib fuq il-ġogi tas-saqajn u tal-idejn. Mill-banda l-oħra, n-nisa kellhom jagħmlu dan bid-demm ta’ fekruna tal-art, imma fekruna raġel.

Ix-xorb tad-demm tal-fekruna tal-art kien ukoll maħsub li jfejjaq l-attakki tal-qamar, l-aktar jekk jinxtorob mill-ewwel wara xi attakk.

Fawna oħra

L-għajdut u t-twemmin fuq il-miġja ta’ San Pawl li jeżistu fil-gżejjer Maltin ħafna drabi ma għandhom xejn x’jaqsmu ma’ San Pawl.  U dawm ma humiex marbuta mal-fawna biss iżda hemm ukoll dawk li huma marbuta mal-flora. U anki dawn nibtu minħabba xebh, u minħabba nuqqas ta’ tagħrif xjentifiku.

Friefet u baħrijiet

                                                       Baħrija

Meta konna żgħar, ngħid għalija jien, kienet tkun l-għena tiegħi niġri fil-mergħat mimlijin ġarġir isfar, niġri wara l-friefet, nittanta kull gremxula jew serp li kienu jażżardaw jittawlu minn xi toqba fil-ħajt tas-sejiegħ. U mhux jien biss kelli din id-drawwa.

Niftakar li l-iskola primarja kienu jgħidulna biex meta noħorġu fi tmiem il-ġimgħa ma’ tal-Mużew (u dak iż-żmien min ma kienx imur il-Mużew?) biex magħna nieħdu vażett u nġibu ftit mrieżep, jew żrinġijiet, jew anki xi friefet li konna naqbdu, biex inpoġġuhom fuq il-mejda fir-rokna tal-klassi, li konna nsejħula il-mejda tan-natura.

Għadhom stampati f’moħħi dawk il-friefet b’labra ġo nofs daharhom, imqabbda ma’ xi biċċa sufra, iferfru ġwinhajhom qabel ma jtiru l-aħħar titjira tagħhom lejn il-Ħallieq. U l-istess kienu jagħmlu l-imrieżep ġo vażetti bl-ilma ħadrani, jieħdu ftit arja mill-wiċċ tal-vażett, kif kienu jagħmlu wkoll xi żrinġijiet żgħar. Imma fil-bidu tal-ġimgħa dawk li jkunu ħallewna konna malajr nerġgħu nibdluhom ma’ oħrajn maqbudin ġodda. Dan kien, kif kienu jgħidulna, biex nitgħallem nħobbu  n-natura!

Id-dar mill-banda l-oħra konna nsimgħu qanpiena differenti. Kif nafu l-friefet u l-baħrijiet fuq ġwinjahom għandhom qxur żgħar ħafna, forma ta’ għabra fina, li jtihom dawk l-ilwien kollha. Għalhekk kien ikollna twissijiet biex meta naqbdu l-friefet ma mmissux subgħajna mċappsa b’dik l-għabra fina li l-friefet ikollhom fuq ġwinhajhom, ma xagħarna. U dan għaliex jekk nagħmlu hekk kien jaqgħalna xagħrna!

U xkienu jgħidulna għall-baħrijiet, dawk il-freiefet li jtiru matul il-lejl u li konna narawhom ma’ xi lampa fit-triq, jew li xi waħda minnhom kienet tidhol ġewwa d-dar jekk tara d-dawl ġewwa. Dawn kienu l-ħabbara tal-mewt jew ta’ xi aħbar ħażina.

Ma setgħax jonqos li mit-tagħlim tal-mejda tan-natura fil-klassi, kulhadd kien ikun imħajjar iġemma’ dawk il-ħlejqiet sbieħ u mlewna. U ma setax jonqos li anki jien kont inżomm xi ftit minn dawn id-dar, u saħansitra kont niġbor ix-xgħat tal-friefet u l-baħrijiet.

Niftakar li fil-kamra tas-sodda kien ikolli kaxex tal-kartun taż-żraben b’numru ta’ xgħat ta’ friefet u ta’ baħrijiet, kollha jieklu sakemm jasal iż-żmien tagħhom biex jinbidlu f’fosdqa  u joħorġu bħala farfett jew baħrija, skont l-ispeċi tagħhom.

Darba kelli madwar 30 xgħat tal-baħrija tat-tengħud. Dawn kien ikun fihom madwar 7 ċm tul kull wieħed. Darba ħarbuli mill-kaxxa tal-kartun u kollha bdew telgħin mal-ħitan tal-kamra tas-sodda. U ġieli dawn meta kienu jsiru fosdqa u jinbidlu fil-baħrija magħmula, wara li jinbidlu ġewwa l-fosdqa, kienu jaħarbu u jduru mhux biss mal-kamra tas-sodda imma mad-dar kollha.

Ġieli kelli xi xagħat tal-baħrija ta’ ras il-mewt. Jgħidulha hekk għax fuq daharha għandha ras ta’ mewt kannella safranija fuq dar bellusi kannella fil-blu. Tista’ timmaġina lin-nanti, Alla jtiha l-glorja tal-ġenna, li meta kienet tinduna b’dawn kienet dlonk timla taġen bi ftit weraq taż-żebbuġ imbierek, tqabbdu, u ddur mad-dar tlissen talb biex ibiegħed kull ħażen u kull imrar mid-dar. U waqt li kienet iddur u titlob kienet tpoġġi t-taġen fuq rasna biex ikun aktar effettiv. U din kienet drawwa ta’ dawk tal-età tan-nanna. Kemm kienu juruna mħabba innoċenti li għenitna biex nikbru u nsiru rġiel u nisa tajbin.

Xi kultant nistaqsi lili nnifsi: imma minn fejn kienu jġibhom dawn il-qlajjiet. Li kieku kellhom xi ftit tal-verità kieku jien illum lanqas għandu xagħra waħda, u kieku miet xi tliett darbiet sa issa.

Fossili tal-kelb il-baħar

Fossila ta’ sinna ta’ kelb il-baħar li ta’ spiss wieħed jiltaqa’ magħha fil-blat Malti. Għal uħud din hija magħrufa bħala lsien San Pawl.

Tant kellu sehem qawwi San Pawl fuq dawn l-għajdut u t-twemmin li r-rabta ta’ dawn il-qlajjiet mar-reliġjon għamlithom aktar b’saħħithom. Kien jaħsbu li San Pawl ħalla kopja ta’ lsienu fil-ġebla Maltija. Spiss għadna nisimgħu bis-sejbiet ta’ lsien San Pawl fil-ġebla Maltija. Dawn ma huma xejn ħlief fossili ta’ snien ta’ klieb il-baħar. Kif nafu, il-gżejjer Maltin iffurmaw taħt il-baħar u f’dak iż-żmien ta’ maxdwar 23 sa 5.3 milljun sena ilu fforma s-saff li fih insibu ħafna fdalijiet fosillizzati ta’ speċi ta’ fawna tal-baħar, bħar-rizzi, l-arzell u anki snien tal-klieb il-baħar, fost oħrajn.

Ir-rabta ma’ San Pawl u l-lifgħa, wasslet ukoll għal twemmin, li dawn is-snien tal-klieb il-baħar huma xbiħa ta’ lsien San Pawl, tant li sal-bidu tas-seklu dsatax dawn  kienu għadhom jintużaw kontra xi mard, u ma għandiex xi ngħidu anki kontra gdim velenuż [3].

Ilsien San Pawl jew kif inhu magħruf ukoll bħala “għajn is-serp”, kien jitpoġġa madwar għonq it-tfal biex itellgħu s-snien u kien jitpoġġa b’tali mod li jmiss mal-ġilda. Inkella kien jitpoġġa fl-ilma jgħali  li wara (meta jibred) kien jinxtorob. Ilsien San Pawl mitħun kien ukoll jitpoġġa direttament fuq xi ferita[3].

L-għasafar

L-għasafar huma fost il-ħlejjaq li saħħru l-bniedem bil-ħajja, il-kuluri u l-għana tagħhom, minkejja li dan mhux dejjem kien muri b’mod pożittiv u wassal għall-qerda ta’ uħud minnhom.

Twemmin fost dawk li joħorġu għall-kaċċa tal-għasafar huwa dwar il-qaddis patrun tagħhom – San Ubertu. Jingħad li San Ubertu li twieled f’Ardennes, illum il-Belġju, waqt li kien għall-kaċċa ġie wiċċ imb wiċċ ma’ ċerv li kellu salib ileqq f’nofs qrunu. Dan wassal biex San Ubertu biddel ħajtu u daħal fil-Knisja Kattolika fejn wara xi żmien laħaq anki Isqof. Dan it-twemmin insibuh wkoll hawn Malta fejn anki hawn għaqda tal-kaċċaturi li ġġib dan l-isem [6].

Hemm numru ta’ qwiel u superstizzjonijiet fost il-kaccaturi. Fost is-superstitzjonijet hemm dik li jekk xi kaċċatur jispara u joqtol Merill, li llum huwa l-għasfur nazzjonali, dan jistenna xorti ħażina ħafna għal żmien twil. U l-ebda skuża li dan mgħarfux ma tbiddel dan [6].

Il-fenek salvaġġ

Il-fenek salvaġġ ukoll huwa annimal ieħor li jiġi kkaċċjat fil-gżejjer Maltin. U anki fuq dan hemm xi twemmin li ilu għaddej minn fomm għall-fomm sa mis-seklu 15. Jingħad li l-Madonna dehret lill-kaċċatur li daħal jistrieħ f’għar ir-Rabat qrib il-Buskett[6]. Fuq dan l-għar, illum insibu l-Knisja u l-Kunvent ta’ San Duminku fir-Rabat, li nbena fuq l-għar fejn jingħad li dehret il-Madonna.

Il-flora Maltija

Il-gżejjer Maltin huma sinjuri ħafna fil-flora indiġena. Jilħqu madwar elf speċi differenti. U dawn ma setgħux ma kienux ta’ seher għall-bniedem li għex magħhom f’dawn il-gżejjer. Dawn kienu ta’ għajnuna kbira għall-bniedem, kemm biex tawh għata u kenn fuq rasu, teżor ta’ ikel u ta’ ilbies, u anki għenuh biex jikkontrolla l-mard u jtebbeb saħħtu. Fi ftit kliem, il-flora indiġena kienet u għadha ta’ għajnuna ekonomika, ekoloġika u soċjali.

U m’għandiex xi ngħidu dan wassal ukoll għal numru ta’ għajdut, drawwiet u twemmin li ma jispiċċaw qatt. Wieħed mill-aktar twemmin popolari huwa dwar il-pjanta indiġena, li fl-imgħoddi kienet tikber anki Malta imma li llum tinstab tikber biss fuq il-Blata tal-Ġeneral – għerq is-sinjur.

Għalkemm uħud jaħsbu li għerq is-sinjur huwa fungu, dan mhux korrett għaliex din hija pjanta parassita li tgħix fuq l-għeruq ta’ pjanti li ma ddejjaqhom xejn l-imluħa fl-ambjent, bħall-bjanka. Għerq is-sinjur jikber ħafna fuq din il-blata, li hija għolja madwar 60 metru minn wiċċ il-baħar. Il-gran mastri fi żmien l-Ordni, biex iħarsu din lil-pjanti fuq il-Blata tal-Ġeneral, kienu mhux biss illixxaw kemm setgħu il-ġnub biex ħadd ma jkun jista’ jitla fuqha mill-baħar, imma kienu ukoll ħallew għassa madwarha.

Il-magħseb ta’ din il-pjanta huwa aħmar u fuqu jkollu fjuri żgħar ta’ lewn aħmar dagħmi. Minħabba dan il-kulur ta’ għerq is-sinjur, dan kien jintuża fil-mediċina tradizzjonali – tant li fis-seklu sittax fl-Ewropa kien magħruf bħala l-fungu ta’ Malta. Tant kellhom stima lejn din il-pjanta l-Kavallieri ta’ Malta li ta’ spiss kienu jibagħtu ftit minnha bħala rigal lill-mexxejja fl-Ewropa.

Kien maħsub li minħabba li l-pjanta hija ta’ kulur kannella ħamrani, u dan il-kulur kien jiskura meta din tinxef, li din kienet tajba biex tfejjaq problemi tad-demm. Barra minn hekk, minħabba l-forma fallika tagħha, kien ukoll maħsub li din setgħet tgħin ukoll fi problemi sesswali, tant li l-Kavallieri kienu ukoll jużaw il-mgħaseb niexfa biex jerġgħu jġibu lura s-saħħa wara xi battalja.

Kif għadna hemm numru minn dawn l-għajdut, qlajjiet u twemmin, l-aktar l-użu tal-pjanti indiġeni Maltin fil-mediċina tradizzjonali. Wieħed jista’ jaqra fuq uħud minn dawn fil-ktieb Siġar Maltin – tagħrif, tnissil, ħarsien, għidut li bħalissa qiegħed għand l-istampatur [7].

aebaldacchino@gmail.com

 

 

 

 

One Response to Għajdut, drawwiet u twemmin fil-gżejjer Maltin

  1. victor CASSAR says:

    INTERESSANTI, EDUKATTIV u JKABBAR L- IMAGINAZZJONI . PROSIT TASSEW

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.