Laudato Si’ – Tifhir lilek Mulej

June 29, 2015

NewsBook

L-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 2015

Laudato Si’ – Tifhir lilek Mulej

Alfred E. Baldacchino

L-ittra Enċiklika  tal-Papa Franġisku Laudato Si’ bid-data tal-24 ta’ Mejju, 2015, fiha sitt kapitli u tispiċċa b’żewġ talbiet: waħda għal din l-art tagħna, u l-oħra għall-ħolqien.

Din ġiet imnedija nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ġunju 2015 u titkellem dwar il-ħarsien tad-dar tagħna lkoll – id-dinja tagħna.

L-Enċiklika  tiftaħ bil-kliem mill-għanja ta’ San Franġisk t’Assisi lill-ħolqien: Tifhir lilek Mulej, (Laudato Si’) liema kliem ifakkarna li d-dar tagħna lkoll hija bħal oħtna li magħha naqsmu din il-ħajja. Jfakkarna wkoll fl-omm ħelwa tagħna li tiftaħ idejha biex tħaddanna magħha, li titmagħna bi frott, bi fjuri mlewna u bi ħwawar.

L-Enċiklika  ġiet imħabbra u mfissra mill-Kardinal Peter K.A. Turkson – Kardinal mill-Ghana. Dan mill-ewwel fiehem li din l-Enċiklika  tal-Papa Franġisku hija mdawwla mit-tagħlim ta’ San Franġisk t’Assisi, dwar il-tħassib tiegħu għan-natura, għall-ġustizzja tal-foqra, impenn fis-soċjetà, u paċi magħna nfusna. Kull persuna li tgħix fuq din l-art hija fiċ-ċentru tal-Enċiklika.

papa-franġisku

Il-Papa jgħid li l-problema tal-ambjent mhix waħda maqtugħa għaliha waħeda, għaliex ma nistgħux inħarsu lejn din il-problema biċċa biċċa.

Irridu nħarsu lejn l-għixien u l-valuri tal-ħajja soċjali tagħna. U nistaqsu lilna nfusna għal liema raġuni qegħdin hawn fuq din il-pjaneta u għal xiex qed ngħixu f’din il-ħajja. Għalfejn qed naħdmu u niġġieldu mal-ħajja? Għal xiex għandna bżonn din il-pjaneta?

Il-Kardinal Turkson jgħid li l-Enċiklika  tispjega kif il-bniedem sa issa għadu kapaċi li jħares din id-dar tagħna, dar ta’ kulħadd.

L-Enċiklika ta’ Papa Franġisku tgħallem kemm l-ekoloġija hija importanti u meħtieġa. Hija importanti bħala nisġa li għandha tkun il-mera tagħna f’kollox, l-aktar biex turina r-relazzjoni tal-persuna tagħna ma’ Alla, mas-sistema ekoloġika, magħna nfusna, ma’ persuni oħrajn, u mal-ħolqien.

Din in-nisġa li aħna parti minnha, għandha twassel għall-relazzjoni mill-qrib ma’ dawk fqar u mal-pjaneta li tant hija fraġli.

Irridu naċċettaw li kull ħajja fid-dinja għandha rabta mill-qrib ma’ kollox. Irridu nsibu mogħdijiet oħra kif inħaddmu l-ekonomija u nħarsu lejn il-progress. Il-Papa jistieden ’l-bniedem biex iħares lejn il-bżonn biex isib mogħdijiet oħra kif iħaddem it-teknoloġija, li lkoll huma tajbin fihom infushom. Fuq kollox irridu ngħatu valur mistħoq lill-ħajja ta’ kull kreatura.

Jinħass ħafna l-bżonn ta’ djalogu sinċier u onest, b’risponsabbiltà politika internazzjonli u nazzjonali. Irridu nibnu kultura kif inħarsu lejn l-iskart.

Hemm bżonn ħsieb ta’ stil ġdid ta’ ħajja. L-ambjent huwa l-ġid ta’ patrimonju kollettiv ta’ kulhadd. L-umanità hija kollha responsabbli għall-ħarsien tiegħu: fuq livell individwali, dak lokali, dak reġjonali, dak nazzjonali u dak internazzjonali.

Nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Ġunju 2015, l-E.T. Mons. Archisqof Charles Scicluna fisser l-Enċiklika tal-Papa Franġisku lil numru sabiħ ta’ semmiegħa li nġabru fis-seminarju f’tal-Virtu fir-Rabat. Fost is-semmiegħa kien hemm ukoll il-Ministru tal-Ambjent, Leo Brincat, li dak inhar stess f’ġazzetta ewlenija kiteb, fost oħrajn, u qal li din l-Enċiklika  tmur aktar ’l bogħod minn turija sempliċi ta’ fidi. Hija, qal, sejħa għall-raġuni u sens komun.

Mons. Archisqof wiegħed li sejjer jagħmel ħiltu kollha u jgħati l-għajnuna tiegħu lil dawk ta’ rieda tajba biex naħdmu flimkien ħalli  jintlaħqu l-għanijiet tal-Papa Franġisku kif imfissra fl-Enċiklika  Laudato Si’. U dan għall-ġid komuni tal-umanità, tal-ambjent, u tad-dar tagħna lkoll, id-dinja tagħna.

L-Enċiklika  tal-Papa Franġisku qajmet Tzunami madwar din id-dar tagħna. Tzunami li wera li l-bniedem madwar id-dinja qiegħed ifittex ragħaj, mexxej li jmexxih biex jilħaq l-għan ewlieni tal-eżistena tiegħu f’dan il-ġnien riġal ta’ Alla.

U mhux ta’ b’xejn li hemm minn iddarras jisma’ dan il-kliem minn għand ragħaj ta’ merħla hekk kbira. Mexxej li huwa ta’ theddida għall-kilba ta’ dawk li jridu jistagħnaw minn fuq il-ġid tal-umanità b’mod li mhux biss ifaqqru d-dar tagħna, imma jfaqqru anki l-biċċa l-kbira tal-umanità.

Il-Papa li ma għandu l-ebda interess kummerċajli jew materjali. Ma għandu bżonn l-ebda vot biex iżomm il-poter biex jaħtaf dak li huwa ta’ kulħadd. Għandu l-għan mhux biss għal dawk li jemmnu fil-Ħallieq, imma għal kull kreatura li tgħix f’din il-pjaneta. Għan li huwa ta’ ġid għal kulħadd. Għan li jwassal għall-ferh individwali u kollettiv. Għan soċjali li jwassal biex kulħadd igawdi minn rigal li tana Alla. Għan biex dan ir-riġal jintuża b’mod sostenibbli u mhux b’mod egoist fejn wieħed jaħtfu u jagħmlu tiegħu. Għan li jwassl biex kulħadd jgħati sehmu biex din il-pjaneta  li tweżinna, ma nkomplux inkissruha kif sfortunatament qed nagħmlu. Għan biex iwassal mhux biss biex nifhmu li aħna parti minn din l-ekosistema naturali, imma biex aħna wkoll nagħtu sehemna biex ma neqirdux lilna nfusna.

Id-dinja – id-dar tagħna lkoll – bina u mingħajrna tibqa għaddejja. Huwa aħna li għandna bżonnha. U din l-Enċiklika  tal-Papa Franġisku turi t-triq kif dan nistgħu nagħmluh, ma għandniex xi ngħidu, jekk aħna rridu.

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

A prayer for our Earth – Talba għal din l-art tagħna – Pope Francis

June 25, 2015

A prayer for our Earth

Pope Francis

18 ta’ Ġunju 2015

The Pope’s prayer on occasion of the launching of the encyclical letter Laudato Si’ on the care of our common home, Planet Earth.

prayer

Talba tal-Papa mat-tnedija tal-ittra enċiklika Laudato Si’  dwar l-għożża tad-dar komuni

Talba-għad-Dinja-Tagħna