Il­-Qala, Għawdex… u s-­siġar

March 24, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 24 ta’ Marzu, 2014

Il­-Qala, Għawdex… u s­-siġar

 Alfred E. Baldacchino

Ir-­Rabat, Ħaż-­Żebbuġ, il-­Mellieħa, Bormla, l-­Isla, Ħal ­Luqa, Santa Luċija, Ħaż-­Żabbar, il­-Foss tal-­Imdina, il­-Fgura, Ħ’Attard, Blata l-Bajda, tas-Sliema, il-­Mellieħa, il-­Ħamrun, il­-Belt, it-­Tokk  u n-­Nadur Għawdex, insomma jekk nibqa’ sejjer, insemmi l-­irħula u l­-ibliet ta’ Malta u ta’ Għawdex kollha. Imma forsi xi ħadd jistaqsi x’hemm komuni jew speċjali f’dawn il-­postijiet. Matul is­-snin li għaddew, numru ta’ siġar ġew maqlugħa jew imbiċċra f’dawn il­-postijiet. Saħansitra f’xi wħud minnhom inqalgħu toroq sħaħ ta’ siġar, bħal ngħidu aħna Ħaż-Żebbuġ, il­-Mellieħa, u anki l­-Fgura. F’inħawi oħra is­-siġar inżabru, kif jingħad, b’mod li aktar jixbħu arbli tad­-dawl jew sinjali tat-traffiku, milli siġra ħajja fil­-kobor, fis­-sbuħija, u fil-­hena kollha li din toffri.

U għal liema raġuni dawn is-­siġar sfaw hekk imżebilħa? Ir­-raġunijiet li jissemmew, xi kultant huma anki milqugħa minn mexxejja soċjali, anki poliltiċi u dawk ta’ Awtoritajiet pubbliċi, bħal ngħidu aħna l­-MEPA l-Awtorità li hija responsabbli għall-­ħarsien tagħhom. U wieħed hawn irid jirringrazzja lill-­MEPA tal­-permessi li tat biex dan seta’ jsir.

Fost dawn ir-­raġunijiet, nisimgħu li dawn jgħattu l­-veduta ta’ uħud, jew jiġbdu lejhom għasafar li mbagħad iħammġu taħthom, jew li jwaqqgħu l­-weraq u jħammġu t­-triq, jew li jagħmlu l­-ħsara lill-bankina, jew li jġibu n­-nemus, anki intqal li dawn jgħattu l-­veduta ta’ xi ħadd u dan ma jkunx jista’ jara l­-murtali tal-­kulur tal­-festa, jew xi preżentazzjoni bid-­dawl fuq is-­swar ta’ Sant’ Anġlu. Insomma, raġunijiet li juri n-­nuqqas ta’ apprezzament, nuqqas ta’ edukazzjoni, u egoiżmu bla qiegħ.

Kull waħda minn dawn is­-siġar darba kienet imħarsa mir­-regolamenti tal­-2001 sakemm il­-Mepa, li hija responsabbli mill-­ħarsein tal-­ambjent, dehrilha li dawn kellhom ħarsien żejjed u biddlet il­-liġijiet fl-­2011. Tgħid riedet togħġob lil xi ħadd, jew kienet imġiegħla minn xi ħadd biex jogħġob lil xi wħud?  Min jaf għaliex l-­Awtorità li qegħda hemm biex tħares l­-ambejnt f’isem il­-poplu li jħallasha, dgħajfet ir-­regolamenti għall­-ħarsien tas­-siġar biex dawn ikunu jistgħu jinqalgħu b’anqas inkwiet. U qed naraw ir­-riżultat ta’ din id­-deċiżjoni bil-­kbir.

Minkejja d-­diskors sabiħ li għandha l­-Mepa fil­-viżjoni tagħha dwar l-ambjent, il­-qerda tas­-siġar f’pajjizna għadha għaddejja b’ritmu mgħaġġel, kemm direttament kif ukoll indiretament, sa minn meta biddlet ir-regolamenti għall­-ħarsien tagħhom. Anki bl-­importazzjoni ta’ speċi barranin, bla kontrol ta’ xejn, uħud minnhom anki invażivi. U bejnietna (ma jmurx jismagħna l­-Ministru tal-­Finanzi) dan kollu qed isir u mħallas bi flus pubbliċi: jew mill­-Gvern ċentrali, jew mill­-Gvern lokali, kif kien isir qabel. U dan minkejja li l-­MEPA llum qiegħda taħt ir-­responsabbiltà tal-Prim Ministru.

Ftit huma dawk, u dawn minn fost il-­pubbliku, li jsemmu l­-għajnuna li jgħatu s­-siġar. L-­akbar għajnuna hija li dawn jgħatu l-­ossiġenu u jneħħu d-diossidu tal-­karbonju mill-­arja. U nafu kemm l­-arja hija mniġġsa l­-aktar bit-­tfigħ tad-­diossidu tal­-karbonju fl-­arja minn kull tip ta’ karozza u magna oħra li taħdem billi taħraq iż-­żejt. Dan ħafna ma japprezzawhx. Lanqas ma japprezzaw li dawn jilqgħu s-­sħana, jgħatu d-­dell, kemm lil min joqgħod taħthom, kif ukoll lil dawk id-­djar fil-­qrib tagħhom. U barra minhekk, jilqgħu l­-irjiħat u ­xita għad-djar ta’ warajhom u b’hekk tintuża anqas enerġija biex tkessah jew issaħħan id­-dar skont l-­istaġun.  Lanqas napprezzaw li dawn iżommu l-ħamrija f’postha u ma jħalluhiex titkaxkar max­-xita u tittajjar mir-­riħ. U anki jgħinu biex jinħażen l­-ilma tax-­xita u ma jħalluhx iżid fis-saħħa u jagħmel il­-ħsara fi triqtu għall­-baħar. U xi ngħidu għall­-fatt li l­-kulur ħadrani tagħhom, iż­-żifna tal-­weraq u l-­effett estetiku li jagħtu huma ta’ għajnuna wkoll biex iserraħ l­-imħuħ ta’ minn jarahom u japprezzahom. Sfortunatament issib li bil-barka ta’ minn suppost iħarishom, dawn is­-siġar mill-­urban, sena wara sena, jitbiċċru u jinqalgħu biex jissodisfaw il­-mentlità miskina ta’ xi wħud. Il­-prezz tal-­għibien tagħhom jħallsuh is-­soċjetà u l­-ambjent. U l­-awtoritajiet, x’jimportahom.

U mal-­lista’ ta’ postijiet ta’ bliet u rħula Maltin u Għawdxin fuq imsemmija, issa milli jidher sejjer jiżdied il­-Qala, f’Għawdex. Rajt il-­kummenti li hemm għaddejjin bħalissa fuq il-­Facebook dwar is­-siġar fil-pjazza tal-Qala, għall-raġunijiet bħal dawk imsemmija aktar ’l fuq biex dawn jinqalgħu, għalkemm kien hemm uħud li ma jaqblux ma’ dan. Skont is-Sindku tal-Qala, il-M­epa diġà ħarġet il-permess biex jinqalgħu s-siġar tal-palm.  Mingħand il­-Mepa ma nistenniex aħjar u llum wieħed isibha fuq quddiem nett biex tapprova jew tirregola xi attività li twassal għall-qerda tal-ambjent, kif wieħed jista’ jara u jisma’ kważi kuljum. Imma sa issa ma hemmx permess biex is­-siġar l-oħra tal-pjazza fil-Qala, jinqalgħu. Qed jintqal li xi ħadd, naħseb li dan ma jkunx interessat li juri ismu, beda jiġbor il-firem tal-Qalin biex dawn is­-siġar ikunu jistgħu jinqalgħu. U hekk il-Mepa tkun tista’ taħsel idejha u tgħid li la l­-gvern lokali u r-­residenti jridu hekk, allura hija ma tistax tagħmel mod ieħor! X’pajjiż miskin hux.

Image

Is-siġar li jgħatu l-ħajja lill-pjazza tal-knisja fil-Qala Għawdex. Dawn hemm minn irid jeqridhom.

Wara dan il-manuvrar kollu biex is-siġar tal­-pjazza tal-Qala jinqalgħu, fuq sit ġdid Save Qala Trees fuq il­-Facebook intqal li Dun Sultana mill­-parroċċa tal-­Qala, qal li s-siġar huma propjetà tal-Knisja u din mhux sejra tgħati permess biex is­-siġar jinqalgħu.

Minn sena ’l hawn deherli li lmaħt xi dawl innemnem fit­-tarf ta’ mina twila mudlama li llum twassal għall-qerda tas-siġar minn pajjiżna. Il-fomm ta’ dan id­-dawl huwa l­-programm elettorali tal-partit fil-gvern illum. F’paġna 101, taqsima 56, jgħid hekk: Inħarsu kontinwament is­-siġar eżistenti fl-ibliet u l-irħula Maltin u ninċentivaw it-tħawwil ta’ aktar siġar, partikolarment dawk indiġeni.  Veru li kif jgħidu, bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Imma naħseb li l-Kunsill Lokali tal-Qala Għawdex jaf b’din il-wegħda aktar u aktar meta, kif nista’ nifhem jien, fil­-biċċa ’l kbira tiegħu huma jirrapreżentaw il­-partit fil-gvern.

Ikun interessanti wieħed jara kif is­-siġar tal-pjazza tal-Qala Għawdex sejrin jispiċċaw. Wieħed ikun jista’ jara jekk il­-kelb tal-għassa tal­-ambjent tiegħek u tiegħi, fadallux aktar snin; fejn sejjer ixaqleb il­-miżien tal-Kunsill Lokali tal-Qala, jekk il­-keffa tal-voti personali tkunx itqal minn dik tal-ħarsien tas­-siġar tagħna lkoll; u kemm hija b’saħħitha l-wegħda miktuba tal­-partit fil-gvern. Nistennew u naraw il­-viżjoni soċjali sa fejn twassal f’dan il-pajjiż miskin.

 aebaldacchino@gmail.com

Advertisements