It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4

December 29, 2014

NewsBook

L-Erbgħa, 31 ta’ Diċembru, 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4

Alfred E. Baldacchino

Żvilupp sostenibbli

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II fisser li l-iżvilupp sostenibbli huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk hija responsabbiltà tqila li wieħed jaħkem fuq il-kreazzjoni b’dan il-mod li jkun veru qiegħed jaqdi l-ġenerazzjonijiet ta’ għada. L-użu tar-riżorsi tan-natura jridu jsiru skont prinċipji u bi ħsieb meqjus mhux biss għall-ħtieġa tal-bniedem tal-lum, imma anki għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. B’dan il-mod, ir-responsabbiltà tal-bniedem fl-ippjanar u l-immaniġġar tar-riżorsi, ma għandhomx ikunu mfassla la fuq żmien qasir, u lanqas fuq qliegħ personali, imma l-bniedem għandu jżomm quddiem għajnejh li l-ħolqien qiegħed hemm għall-ġid tal-umanità kollha.

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II bit-tagħlim tiegħu saħaq dwar ir-rwol u r-responsabbiltà tal-bniedem għall-ambjent. Dan jinstab fid-diskors magħruf tiegħu tal-1 ta’ Jannar tal-1990, fl-okkażżjoni tal-Jum Dinjija tal-Paċi. Il-Papa saħaq li l-pajjiżi flimkien għandhom iwettqu dak miftiehem fuq linji internazzjonali u li jagħmlu jew jgħinu b’mod eħfef il-bdil meħtieg fil-qasam soċjo-ekonomiku fis-soċjetajiet tagħhom.

Fid-diskors ewlieni tiegħu fuq dan is-suġġett, biex aktar iħeġġeg l-għaqda u l-qbil, il-Q.T. il-Papa tkellem fuq ir-rispett lejn in-natura, l-eġoiżmu kollettiv, in-nuqqas ta’ ħsieb lejn ħaddieħor, id-diżonestà, il-kriżi ekoloġika li tikxef il-faqar tal-karattru morali u l-valuri ta’ etika tal-bniedem, it-tbagħbis fl-ekosistema, il-qerda bla rażan tal-annimali u tal-pjanti, u l-esploitazzjoni bla kontroll tar-riżorsi naturali, filwaqt li saħaq il-ħtieġa ta’ progress meqjus, ekonomiku, industrijali u xjentifiku. Ma niddejjaq xejn ngħid li dawn l-impatti negattivi illum mhux biss ma humiex miġġielda, imma huma użati fuq livell politiku biex wieħed isaħħaħ il-ħakma tal-poter tiegħu.

7.-Gwanni-Pawlu-II---stil-ta'-ħajja

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II għafas fuq il-fatt illi l-paċi fid-dinja hija mhedda mhux biss bil-ġirja għall-armi qerrieda, bil-ġlied reġjonali, bl-inġustizzi li ma jaqtgħu xejn bejn il-ġnus u n-nazzjonijiet, imma anki bin-nuqqas ta’ rispett lejn in-natura, bil-ħtif u s-serq tar-riżorsi naturali, u bit-telfin dejjem jiżdied tal-kwalità tal-ħajja. Dan l-istil ta’ ħajja jostor sens ta’ dgħufija u joħloq dubji fuq il-kapaċità tal-individwu, u “huwa l-ġuf ta’ eġoiżmu kollettiv, nuqqas ta’ stima għal oħrajn u diżonestà”.

Barra minhekk, numru ta’ forzi li jħajjru u jwasslu għall-kriżi ekoloġika, jikxfu l-karattru morali. Illum nafu, bi prezz qares, illi “ma nistgħux imbagħbsu parti mill-ekosistema mingħajr ma ngħatu każ kemm tal-impatti negattivi ta’ dan it-tbagħbis f’oqsma oħra, kif ukoll anki fuq is-saħħa u s-sliem tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”

Ħarsa ħafifa madwar id-dinja turina r-riżultat ta’ din il-mentalità fejn wieħed iħossu kburi li jiftaħar fuq in-nuqqas ta’ moralità. Teħid ta’ ħajja għall-gost, qtil fil-ġuf, u anki ta’ dawk li jitqiesu bħala li huma piż żejjed għas-soċjetà, ix-xewqa tat-tneħħija tal-ħajja mgħejjuna mil-liġi. Insomma għall-materjaliżmu ma hemm xejn ħażin u xi jwaqqfu. Ma jkux wisq ’l bogħod mill-verità meta wieħed jgħid li l-ħażin sar tajjeb u t-tajjeb sar xkiel li jwaqqaf il-progress u għalhekk għandu jitwarrab. Il-ħajja saret għodda li tintuża biex wieħed jaħtaf u jisker fir-rgħiba.

Fl-artiklu li jmiss inkomplu nibnu fuq l-ewwel, it-tieni, it-tielet, u dan l-artiklu, u naraw xi jgħidu r-reliġjużi fuq din il-problema morali.

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3     http://wp.me/pL6Mk-Of

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3

December 12, 2014

NewsBook

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Diċembru, 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3

Alfred E. Baldacchino

Ir-responsabbiltà kbira

Minn dak miktub sa issa, fl-ewwel u fit-tieni  parti, naħseb li mhux diffiċli li wieħed jara d-differenza ta’ dan it-tagħlim minn dak li konna mgħallma fl-imgħoddi. U naħseb li jkun hemm uħud li jaqblu miegħi meta ngħid li t-tagħlim tal-imgħoddi wassal biex inbnew imperi, intilfu ħafna ħajjiet, u tħarbtu u nħlew riżorsi naturali li kollha biegħdu lil dawk li wettquhom minn Alla li ħalaqhom.

Wieħed illum jista’ ukoll jifhem u jara t-tagħlim ta’ numru ta’ mexxejja tal-Knisja Kattolika fuq din ir-responsabbiltà kbira li l-bniedem għandu.

Skont il-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-bniedem huwa l-kreatura l-aktar għolja, il-kreattura li “Alla ħalaq fuq xbihetu” (Ġenesis 1:27). In-natura, li llum ngħidulha l-biodiversità, tpoġġiet taħt il-ħakma tiegħu. Il-bniedem huwa kkmandat biex “jimla’ d-dinja u jrażżanha, u jaħkem fuq l-annimali”. Il-bniedem mhux biss huwa l-mexxej, u dak li jħares l-ekosistema, imma wieħed li huwa fdat bil-ħarsien ta’ propjetà li mhux tiegħu. Ir-rwol tiegħu huwa li jieħu ħsieb dak li jkun fdat lilu u jerġa jgħaddih lura mingħajr mittiefes lis-Sid.

Ġie spjegat ukoll li din id-dinja mhux tagħna. “id-dinja hija ta’ Alla” (Salm 24:1). Din ġiet mgħoddija lilna biss bil-wegħda li aħna ma nħarbtuhiex. Din ir-responsabbiltà għall-ħajja hija wkoll imsejsa fuq it-tagħlim ta’ reliġjonijiet ewlenin tad-dinja u l-mexxejja tagħhom.

Meta l-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Nairobi indirizza lill-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda (United Nations Environment Programme), silet kliem mill-Ġenesi biex juri t-triq u jmexxi lill-fidili fir-responsabbiltà tagħhom lejn il-ħolqien li ħalaq Alla. Il-Q.T. il-Papa tkellem dwar id-dmir tal-knisja lejn il-ħarsien u t-titjib tal-ambjent tagħna, li huma marbutin mal-kmand ta’ Alla. Alla ħalaq kollox u fdahom fil-ħarsien tal-bniedem, li anki hu kien maħluq fix-xbiha tiegħu, kif insibu fl-ewwel paġni tal-Bibbja (Ġenesis 1:27).

Papa-GP-II---ftehimMingħajr dubju, wieħed jista’ jgħid li l-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II, fid-diskorsi tiegħu, qiegħed il-ġebla tax-xewka ta’ tfassil nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli. Dan il-ħsieb huwa msawwar f’Agenda 21: plan ta’ azzjoni wiesgħa li għandu jkun il-bażi f’firxa dinjija, nazzjonali u anki lokali minn organizzazzjonijet tal-Ġnus Magħquda, gvernijiet u entitajiet ewlenin, f’kull qasam fejn hemm l-impatt tal-bniedem fuq il-biodiversità.

Żvilupp sostenibbli jfisser li l-mod kif il-ġenerazzjonijet tal-lum jużaw ir-riżorsi naturali, ma jċaħħdux lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada, li silfuna din id-dinja, li jużawha bl-istess mod.

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II fisser li l-iżvilupp sostenibbli huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk responsabbiltà serja li wieħed jaħkem fuq il-kreazzjoni b’dan il-mod li jkun veru qiegħed jaqdi l-ġenerazzjonijiet ta’ għada. L-esplojtazzjoni tar-rikkezzi tan-natura jridu jsiru skont prinċipji u bi ħsieb meqjus mhux biss għall-ħtieġa tal-bniedem tal-lum, imma anki għall-ġenerazjzonijiet ta’ għada. B’dan il-mod, ir-responsabbiltà tal-bniedem fl-ippjanar u l-immaniġġar tar-riżorsi, ma għandhomx ikunu mfassla la fuq żmien qasir, u lanqas fuq qliegħ personali, imma għandhom iżommu quddiem għajnejhom li l-ħolqien qiegħed hemm għall-ġid tal-umanità kollha.

Imma tagħlim fuq l-iżvilupp sostenibbli minn mexxejja reliġjużi nitkellmu fuqu darb’oħra.

Ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX