IS-SIĠAR TAGĦNA

July 22, 2018

Il-Ħadd, 22 ta’ Lulju, 2018

Alfred E. Baldacchino

Naħseb li ma nkunx ‘l bogħod mill-verità meta ngħid li s-siġar tagħna għaddejjin minn żmien li ma tantx hu sabiħ. Dan minħabba li ma tantx hawn tagħlim uffiċjali fuq l-apprezzament u l-ħtieġa tal-ħarsien li dawn għandhom bżonn. Aħna għandna bżonnhom għaliex, fost affarijiet oħra, huma jagħtu l-ossiġenu u jnaqqsu d-diossidu tal-karbonju li tant qiegħed jagħmel ħsara lill-ekosistema, tant li qed iwassal biex ibiddel il-klima tad-dinja, kif qed naraw u anki nħossu. Din il-bidla qed tifni u tħarbat l-ekosistema.

B’dieqa kbira naraw numru kbir ta’ siġar li qed jinqerdu minħabba n-nuqqas ta’ dan l-apprezzament. Nafu b’siġar li nqerdu għaliex jew iwaqqgħu l-weraq, jew għax iġibu l-għasafar u dawn iħammġu taħthom, jew għax qed jagħttu l-veduta u wieħed u ma jkunx jista’ jara n-nar tal-festa jew l-istatwa ħierġa u dieħla ġewwa l-knisja, jew għax qed jagħmlu l-ħsara lill-bankina, jew għax iċ-ċaqliq tal-friegħi jfixklu l-istudenti ġewwa l-klassi u issa smajna wkoll li l-għeruq tagħhom deħlin f’xi kmamar tas-sodda. X’għarukaza hux!

Min ma jaqbilx li s-siġar għaddejjin minn żmien ikrah, u n-numru tas-siġar Maltin xjuħ u maturi qiegħed dejjem jonqos, allura ma jkollix għajr ngħid li dan veru jobgħod is-siġar. Saħansitra nqerdet siġra tal-ballut li kellha qrib il-mitt sena u oħra tal-ħarrub li kellha tlett mitt sena biex floka jinbena’ garaxx.

U meta wieħed jiftakar li dan kollu sar bil-barka ta’ min suppost iħares, jgħallem u jindokra s-siġar u l-ambjent tagħna allura bilfors wieħed jgħid li s-siġar tagħna għadejjin minn żmien ikrah.

Suġġerimenti dwar is-siġar u l-apprazzementi tagħhom dejjem għamilt u se nerġa nagħmel. L-għarfien u l-imħabba tas-siġar Maltin qegħdin dejjem jiżdiedu, kemm minn xi għaqdiet mhux governattivi, kif ukoll mill-pubbliku. Sfortunatament imma mhux mill-entitajiet uffiċjali.

Dan qed iwassal biex tikber it-talba għal siġar Maltin mkabbrin miż-żerriegħa meħuda minn siġar Maltin li ilhom jikbru f’pajjizna. Tant illi dawk li jkabbru dawn is-siġar mingħajr ebda għajnuna uffiċjali ta’ ħadd, mill-ewwel isibu min jixtri dawn is-siġar minkejja li jkunu għadhom żgħar.

Ma nistax nifhem għaliex milli jidher il-ministeru u l-awtorita’ tal-ambjent ma jaqblux ma’ dan. Dan għaliex sa issa għadhom ma ħadu l-ebda inizzjattiva biex jilqgħu għal din it-talba ta’ ħarsien u għajnuna biex siġar Maltin jitkabbru minn żerriegħa ta’ siġar li jikbru f’pajjiżna.

Illum insibu numru ta’ għaqdiet mhux governattivi u numru ta’ persuni kkwalifikati li kollha għandhom esperjenza u anki kwalifiċi terzjarji fit-tnissil ta’ siġar Maltin. Dawn kollha qed jagħmlu ħilithom u jkabbru dawn is-siġar. Nerġa ngħid li dawn qed jagħmlu dan mingħajr ebda għajnuna uffiċjali, u b’sagriffċji kbar, imma bi mħabba kbira lejn is-sigar u l-ambjent naturali Malti. Mhu qed jagħamlu xejn għalihom infushom jew biex jieħdu xi ħaġa lura.

Kif nista’ nifhem ukoll, il-ministeru għandu rizorsi finanzjarji biżżejjed biex jgħin u jintlaħaq dan il-għan. Mit-tagħrif ta’ dawn l-aħħar xhur, il-ministeru qassam lil xi kunsilli lokali madwar €30,000 kull wieħed, biex dawn jixtru siġar eżotiċi u wħud anki invażivi, biex isebbħu r-raħal tagħhom. Dawn ir-riżorsi finanzarji setgħu jintużaw b’aktar għaqal.

Li kieku tqassmu bil-kunidizzjoni li dawn għandhom jintużaw biex jitkabbru siġar Maltin imnissla minn dawk is-siġar Maltin li diġà jikbru fil-gżejjer tagħna u li dawn wara setgħu anki jinbiegħu bi prezz nominali lil Ministru meta jikbru, kieku kien ikollu riżultati ferm u ferm akbar milli jintużaw biex jinxtraw sigar importati. Riżultati aħjar kemm fil-qasam edukattiv u dak soċjali, ekoloġiku u finanzarju. Minbarra hekk, il-flus li kienu jmorru barra minn Malta, kienu jibqgħu hawn Malta u jkollhom aktar riżultat kbir u sostenibbli (multiplier effect).

Dawn id-deċiżjonijet għaqlin kienu wkoll jgħinu biex iwaqqfu kull biża li siġar importati ma jdaħħlux magħhom mard u speċi oħra invażivi bħal ma ġara fil-każ tal-bumanqar aħmar tal-palm, il-ħanfusa tal-qrun twil tas-siġar tat-tut u speċi oħra li qed jattakkaw u joqtlu numru ta’ siġar oħra bħall-ħarrub, tin, tut, u ċawsli. Bħalissa hemm marda qerried fl-Italja Xytella fastidiosa li allaħares tidħol hawn għax il-ħsara ekoloġika, ekonomika u soċjali li jkollha ma jkun jista’ jwaqqafha ħadd.

Ma nistax ma ngħidx li s-siġar importati bħal dawk indiġeni Maltin iwassal wkoll biex iniġġsu l-għaġna ġenetika tas–siġar Maltin li minn dejjem kienu jikbru f’pajjiżna.

Is-siġra tar-riħan bil-fjuri. Sfortunatament l-importazzjoni minn barra minn Malta ta’ din is-siġra qegħda tniġġes l-għaġna ġenetika ta’ dik Maltija.

 

Hawn numru ta’ individwi u entitajiet oħra li huma lesti u li jixtiequ li jkollhom għajnuna biex ikomplu jgħinu fit-tnissil tas-siġar Maltin u l-ħarsien u l-apprezzamnet tal-ambjent Malti tagħna ukoll. Imma din l-għajnuna ma tinstabx la mill-ministeru u lanqas mill awtorità tal-ambjent.

Il-qerda tas-siġar Maltin xjuħ u maturi u d-dħul tas-siġar importati għandu aktar għan kummerċjali milli xi viżjoni ekoloġika u għalhekk li nsibha diffiċli ħafna li nifhem lill-ministeru u l-awtorità tal-ambjent kif dawn m’humiex jieħdu ebda azzjoni professjonali biex jintlaħaq dan il-għan, li suppost huwa l-għan tal-ministeru u tal-awtorità tal-ambjent stess.

Ir-riżorsi finanzjarji li qed jintużaw b’aktar minn €8 miljun fis-sena u li bihom qed isir xogħol mingħajr ebda viżjoni ekoloġikka u bl-approvazzjoni tal-ministeru u l-awtorità tal-ambjent, jistgħu jintużaw f’għajnuna lokali mhux biss ta’ ġid għal ekosistema Maltija, inkluż is-siġar, imma anki biex jiżdied it-tagħlim u t-tisħiħ tal-kuxjenza pubblika u anki jwasslu biex jinbtu oqsma kummerċjali privati f’dan il-qasam, imsejsa fuq għanijiet ekoloġiċi professjonali.

Meta naħseb fuq kemm-il siġra indiġena Maltija jirnexxilhom ikabbru minn sena għal oħra t-tfal tal-iskejjel primarji, nistaqsi x’għandhom aħjar u aktar minna l-mixliet barranin minn fejn jiġu importati s-siġar. Forsi l-Maltin mhux kapaċi jkabbru dawn is-siġar? Forsi l-Maltin mhux intelliġenti biżżejjed biex jagħmlu dan? Jew forsi għax il-ministeru u l-awtorità tal-ambjent ma jridux li jaraw Maltin jgħatu sehemhom biex ikabbru siġar Maltin hawn Malta stess? Jew forsi għax hemm xi ħadd ieħor li ma jixtieqx li jara l-Maltin jitgħallmu u jgħinu u jagħtu sehemhom biex huma wkoll ikollhom minn fejn jaqilgħu biżżejjed biex jgħixu billi jkabbru siġar Maltin mnissla minn dawk lokali?

Naħseb li l-mixliet ta’ barra minn Malta żgur għadhom rieda akbar milli jidher li għandna aħna hawn Malta. Din il-viżjoni għandha tkun fuq nett fuq l-aġenda tal-ministeru u l-awtorità tal-ambjent jekk verament iridu jħarsu l-ambjent naturali Malti u jedukaw il-poplu biex jilħaq dan il-għan.

Il-ministeru u l-awtorità tal-ambjent jistgħu jużaw ir-riżorsi finanzjarji, li bħalissa qed jinħlew fuq l-irjus, billi jiftehmu mal-università ta’ Malta, aktar u aktar meta r-rettur qiegħed fuq il-bord tal-awtorità. Dan jista’ jwassal biex il-ministeru juża’ r-riżorsi tiegħu aħajr billi jgħin lill-università ta’ Malta toffri studji professjonali biex dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw f’dan il-qasam, bħal ngħidu aħna l-immaniġġar tas-siġar, iż-żbir, it-tisbiħ tal-art professjonali u ekoloġiku, u studji oħra ġenetiċi fuq il-flora ta’ Malta. Imma mid-dehra ma hemm l-ebda viżjoni la minn naħa u lanqas mill-oħra, sakemm ma hemmx xi deċiżjoni li dan ma għandux isir.

Hawn numru ta’ individwi li jixtiequ jkomplu bl-istudju tagħhom fuq dan is-suġġett, imma minħabba li dan l-istudju mhux offrut fl-università tagħna, ikollhom iħabbtu bibien barranin u ma għandniex xi ngħidu jridu jaraw kif sejrin jagħmlu biex iħallsu l-ispejjes li hemm bżonn.

Din hija l-viżjoni tiegħi għall-ekosistema Maltija. Biex insiru aktar professjonali, aktar nuru mħabba lejn il-biodioversità Maltija, u mhux nibqgħu nħallu d-dilettantiżmu jmexxi hu. Imma sfortunatment ikolli ngħid li l-ministeru u l-awtorità responsabbli mill-ambent qisu dan ma jinteressahomx. Kieku jinteressahom, kieku ilhom li ħadu passi fuq dan jekk iridu li l-ambjent Malti ma jkomplix jitmermer u jinqered.

Bit-€8 miljuni fis-sena, li sa issa ntefqu (€8 x 15 = €120 miljun) u b’riżorsi finanzjarji oħra li qed jonfoq il-ministeru mingħajr ebda viżjoni ekoloġika, altru li hemm riżorsi biżżejjed biex dawn l-għanijiet jintlaħqu. Imma l-ministru u l-awtorità tal-ambjent iridu li nimxu ‘l quddiem b’mod professjonali, skont obbligi internazzjnali, biex nilħqu dan il-għan? U jridu jaraw il-poplu Malti jserraħ rasu li l-ambjent naturali ta’ pajjiżna jkun imħares b’mod professjonali? Milli jidher ma tidher l-ebda rieda. U nistaqsi: dan għaliex?

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements