Fjuri indiġeni Maltin 1– Il-Ħannewija

August 16, 2013

logoSocjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija 2013

Il­-Ħannewija (Achantus mollis)  Bear’s breeches

 Alfred E. Baldacchino

 Il­-ħannewija hija pjanta indiġena fir­-reġjun tal­-Mediterran u tinfirex mill­-Portugal u l­-majjistral tal­-Afrika sal­-Kroazja. Hija pjanta indiġena wkoll fil­-gżejjer Maltin, fejn tħaddar is­-sena kollha u tikber minn sena għall­-oħra minn riżoma, li tixbah għerq taħt l­-art.

L­-isem xjentifiku ta’ din il-­pjanta Acanthus mollis ġej mill-­Grieg u mil-Latin. Acanthus tfisser xewka, minħabba l­-weraq modifikati (sepals) iniggżu li jdawru l-­fjura, filwaqt li mollis ġejja mil­-Latin minħabba l­-weraq lixxi tagħha.

Weraq, fjuri,  u żerriegħa

Il­-ħannewija togħla bejn 30 u­ 80 ċm, saħansitra 180 ċm bit-­tul tal-­fjuri. Hi tifrex madwar metru wiesa’. Il-­weraq jinħassu rotob meta tmisshom, u jikbru mill­-qiegħ tal­-pjanta. Huma ħodor skuri jleqqu, u matul parti mix­-xifer tagħhom sa nofs il-­werqa jkollhom qtugħ qishom swaba’. Il-weraq huma madwar 40 ċm twal b’25 ċm wiesa’ u jikbru fuq għonq twil.

Il­fjuri-tal­ħannewija

Il­-fjuri tal-­ħannewija

Il-­fjuri sbieħ tagħha, li jistgħu jdumu jwarrdu għal madwar ħmistax­-il ġurnata, huma vjola u bojod u jikbru fuq magħseb dritt u twil. Wieħed jista’ jara dawn il-­fjuri minn madwar Marzu sa Ġunju. Ġo fihom hemm erba’ għenuq irġiel li fil-­ponta tagħhom iġorru t­-trab tad­-dakkra, u li jixbhu pniezel żgħar. L-­istess fjuri jġorru l-­ovarji nisa li jagħtu bidu biex isawru ż­-żerriegħa. Il-­fjuri jkunu mdakkra permezz tan-­naħal u tal-­bombli (bumble bees) li huma kbar u b’saħħithom biżżejjed biex jidħlu fil-­fjura sabiex jilħqu l-­għasel fil-­qiegħ tagħha.

Dan il-­bukkett fjuri jikber fuq magħseb tond għoli bejn 30 sa 40 ċm, li jista’ jkollu fuqu sa 120 fjura. Il-­fjuri li fihom 5 ċm, huma f’għamla ta’ tubu, bil­-petali bojod b’vini vjola fir-­roża. Dawn ikunu mdawra bi tliet werqiet, ħodor jew vjola skur, dik tan-­nofs tkun tniggeż aktar mit-­tnejn l-­oħra. Kull waħda minn dawn għandha par xofftejn: ta’ fuq tkun vjola.

Il-­frotta tal-­ħannewija hija ovali forma ta’ bajda, bil-­parti l-­aktar wiesgħa n-­naħa tal­-magħseb. Meta din tinxef tinqasam u tinfetaħ biex iż-­żerriegħa tkun tista’ titferrex. Xi drabi jkunu sparati ‘l barra.

Ambjent naturali

Il-­ħannewija tħobb postijiet kennija b’ħamrija mrammla jew inkella ħamrijia sinjura, u tista’ tikber ukoll f’ħamrija taflija. Tikber f’postijiet xemxija, għalkemm fi klima sħuna tagħżel postijiet kważi dejjem imdella. Pjanti xjuħ lanqas jiddejqu f’ħamrija niexfa jew niedja u jifilħu wkoll għan­-nixfa. Il­-ħannewija tiflaħ temperaturi baxxi sakemm l­-għerq ewlieni jkun magħmul u jikber f’’art li toskula l-­ilma. Imma l­-ħannewija ma tħobbx ħamrija mgħarrqa fl-­ilma u lanqas tħobb tgħaddi x­-xitwa f’’ħamrija dejjem imxarrba. Tinsab tikber kemm fi nħawi dellija kif ukoll taħt siġar ħorfija, jiġifieri, siġar li jinżgħu mill-­weraq fix­-xhur xitwin.

Sakemm taqbad, il­-ħannewija tieħu madwar sentejn, iżda mbagħad tissaħħaħ sewwa u togħla. Il-­weraq jitfaċċaw mill-­art u jikbru b’saħħithom madwar xulxin, u minn nofshom jitfaċċaw il­-fjuri.

Storja u kultura

Il­-ħannewija hija pjanta magħrufa biex iżżejjen u tintuża wkoll fil­-ġonna. Hija waħda mill­-ewwel pjanti li ġew ikkultivati. Kienet tintuża ħafna mill­-Griegi u mir­-Rumani li kienu wkoll ikabbruha fil­-ġonna tagħhom. Il­-ħannewija hija mfittxija ħafna minn dawk li jużaw il­-pjanti biex isebbħu l­-art, għalkemm sfortunatament mhux f’Malta. Hija meqjusa wkoll bħala simbolu tal-­immortalità, u minħabba f’hekk tinsab imnaqqxa ukoll fuq lapidi fiċ­-ċimiterji.

Fdalijiet-Rumani-f’Jerash,-il­Ġordan,-juru-l­irjus-tal­kolonni-mnaqqxa-bil­weraq-tal­ħannewija.

Fdalijiet Rumani f’Jerash, il­-Ġordan, juru l-­irjus tal-­kolonni mnaqqxa bil­-weraq tal-ħannewija

Saħansitra  il­-weraq tagħha nebbħu wkoll lid-­disinjaturi li naqqxuha fl-­għamara, f’manuskritti mpinġija, fil-­ġojjellerija, f’xogħol tal­-metal, injam, xogħol tal-­fidda, ċeramika, stokk u disinji fuq il­-ħitan, u anki f’arkitettura klassika. Naraw li l­-werqa tal­-ħannewija hija waħda mid-disinji l-­aktar użati mill­-qedem sal­-aħħar tas-­seklu dsatax, jekk mhux aktar. Tant kellha seher fil-­passat din il-­pjanta li l­-istudjużi tal-­istorja huma tal-­fehma li l-­weraq tagħha kienu l­-qofol tad­-disinn fl­-irjus tal­-kolonni fl-­arkitettura Grec0-Rumana. Skont manuskritti Rumani, disinji tal-­weraq tal-­ħannewija l-­ewwel li ntużaw fl-­arkitettura stil Korintu fuq ir-­ras tal-­kolnonni. Din  kienet ukoll użata bi ftit tibdil fl-­arti Kristjani u f’dik Biżantina. Wieħed jista’ jara din użata b’sengħa kbira f’xi knejjes f’Firenza, fl-­Italja.

Mediċina tradizzjonali

Bħal ħafna pjanti oħra, il­-weraq u I­-għeruq tal­-ħannewija wkoll kienu użati fil-­mediċina tradizzjonali.

Taħlita magħmula mill­-ħannewija kienet tindilek fuq il­-ġogi biex tgħin il­-muskoli u l­-ligamenti jinġibdu jew jintreħew u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibu l­-post naturali tagħhom fil­-ġisem.

Il­-weraq imfarrak tal­-ħannewija kien jintuża bħala ġbara biex itaffi l­-ħruq u l­-partijiet mismuta fil­-ġisem. Kimika karatteristika tagħha kienet ukoll tintuża biex ittaffi nħawi irritati ġewwa l-­kanal tal-­ikel u postijiet sensittivi oħra tal­-ġisem.

Ir­Rumani wkoll kienu jgħallu l-­għeruq biex jagħmlu ġbajjar biex jikkuraw ħruq, għadam imfekkek, gotta u kontra t­-telf tax-­xagħar.

Tant kienet użata bħala mediċina tradizzjonali fil-­passat li f’xi kunventi qodma fl­-Ewropa għadha tinstab tikber fil­ġonna fi rqajja’ tal­-ħxejjex mediċinali.

Tnissil

Il­-ħannewija tista’ titnissel miż­-żerriegħa hekk kif din tkun saret. Din tnibbet wara xi tlieta jew erba’ ġimgħat u meta n-­nibbieta tkun kbira biżżejjed biex tintrefa’, għandha titħawwel waħda waħda f’qasira. Wara madwar sentejn tista’ titħawwel fl­-art tard fir-­rebbiegħa jew kmieni fis-­sajf. Tista’ wkoll titnissel billi jittieħdu biċċiet mir-­riżoma. Dawn il­-biċċiet għandhom jittieħdu tard fil­-ħarifa jew kmieni fix­-xitwa u wara ftit gimgħat li jitpoġġew fuq il­-ħamrija jidhru l­weraq.

Użu fil­-ġonna

Barra minn pajjiżna il­-ħannewija tintuża ħafna fil­-ġonna u anki fit-tisbiħ ta’ artijiet pubbliċi. Dan jista’ ukoll jibda’ jsir f’pajjiżna u filwaqt li ssebbaħ fejn titħawwel, tgħin ukoll biex tqajjem kuxjenza aktar b’saħħitha favur l­-apprezzament tal-­wirt naturali Malti, kif ukoll tgħin biex ma jinħlewx riżorsi u hekk dawn ikunu jistgħu jintużaw aħjar.

Barra minn Malta, il-­ħannewija, iżżejjen il-­ġonna-pubbliċi bil-­weraq kbar u l-­fjuri sbieħ tagħha.

Barra minn Malta, il-­ħannewija, iżżejjen il-­ġonna pubbliċi bil­-weraq kbar u l-­fjuri sbieħ tagħha.

Fil-­madwar tal­-Mosta il­-ħannewija tista’ titkabbar, fost oħrajn, quddiem iċ­-ċentru ċiviku ħdejn il­-knisja, u anki ngħidu aħna, fil-­gżejjer tat-traffiku mdaqqsa li hemm kif wieħed ikun dieħel jew kif ikun ħiereg mill­-Mosta, u anki matul Vjal l­Indipendenza.

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements