TKOMPLI L-QERDA FIL-ĠNIEN HOWARD… imma għaliex?

June 9, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 9 ta’ Ġunju, 2014

TKOMPLI L­-QERDA FIL-ĠNIEN HOWARD… imma għaliex?

Alfred E. Baldachino

Kull darba li nitla’ nittawwal il-Ġnien Howard, dejjem niltaqa’ ma xi impatt negattiv ġdid. Xi kultant inħoss li f’dan il-pajjiż hawn xi direttiva jew xi politika uffiċjali biex l-ambjent naturali jew il-biodiversità ta’ pajjiżna tinqered, u minn jeqridha jitħallas minn flus pubbliċi.

Fit-2 ta’ Marzu 2014, tpoġġa ritratt fuq sit Rabti li wera ammont ta’ żrar li tferrex taħt is-siġar taż-żnuber fil-Ġnien Howard, ir-Rabat. Wara li tliet Rabtin marru l-uffiċċju tal-Prim Ministru, il-MEPA waqqfet dan ix-xogħol. Il-Kunsill Lokali (tal-Imdina) ġie ordnat li fi żmien xahar ineħħi dan iż-żrar li sar mingħajr permess. Il-K.L. Mdina appella minn din id-deċiżjoni. Issa għaddew tliet xhur u kollox għadu kif kien. Dan wassal biex inbdiet talba biex dan jitneħħa: http://www.thepetitionsite.com/takeaction/665/188/518/?taf_id=11173325&cid=fb_na

Il-MEPA għadha qed tistudju, taħsibha, tixtarr, twieżen din il-problema u għadha ma ħadet l-ebda passi. Nafu li l-MEPA tħalli deċiżjonijiet bħal dawn minn ġurnata għal oħra sakemm forsi ssib kif taħsel idejha u ma tieħu l-ebda deċiżjoni, bħalma ġara fil-­każ taċ-ċimiterju f’Wied il-Qasab fin-Nadur Għawdex. Wieħed ma jistax ma jgħidx li l-MEPA ssibha bi tqila biex turi  interess fil-ħarsien tal-ambjent, qasam fejn falliet bil-kbir, saħansitra anki fi kwistjonijiet żgħar.

Il-kisi ta' parti mill-Ġnien Howard biż-żrar

Il-kisi ta’ parti mill-Ġnien Howard biż-żrar

Fl-aħħar mawra tiegħi r-Rabat, bħas-soltu mxejt matul il-ġnien; bdejt mill-ġnien tas-Salib, dak iż-żgħir, u pass pass wasalt sa fuq it-Tomba, li għal dawk li ma humiex midħla tal-Ġnien Rabti, hija l-aktar parti ’l ġewwa li tħares lejn l-Imtarfa, fuq l-istazzjon tal-ferrovija l-antik.

Fil-ġnien is-siġar tal-palm, dawk tal-kanizzati u dawk tat-tamal, kollha kienu meqruda mill-bumunqar aħmar tal-palm. Baqa’ biss il-fdal taz-zokk tagħhom: momument għal dik il-politika li minkejja li kellha l-parir biex ma jiġux impurtati siġar mill-Eġittu u minn Sqallija, xorta tat il-barka biex dawn jidħlu Malta. Baqa’ waħda biss, fil-kantuniera tat-Tomba tħares lejn il-Domus Romana u konvint li meta nerġa nitla’ r-Rabat, tkun għebet mal-oħrajn.

L-aħħar siġra tal-palm li baqa' fil-Ġnien Howard. L-oħrajn kollha mietu u nqatgħu

L-aħħar siġra tal-palm li baqa’ fil-Ġnien Howard. L-oħrajn kollha mietu u nqatgħu

 Dort dawra mejt mat-Tomba fejn matul dawn l-aħħar ġranet fix-xfar tal-wesgħa kien ikun hemm numru ta’ fjuri slavaġġ, fosthom is-suffejra ta’ Malta, endemika għall-gżejjer Maltin (ara ritratt). Il-biċċa l-kbira tagħhom għebu, mqaxxrin, u ma niskantax jekk kienu anki mbexxin bil-kimika velenuża biex ma jerġgħux jitilgħu aktar. Lanqas naħla ma tista’ tirgħa u ddakkar il-fjuri slavaġġ, minkejja li din ittina’ l-għasel u ddakkar il-frott. U dan fi ġnien.

Suffejra tar-raba' li kienet tikber madwar it-tomba.

Suffejra ta’ Malta li kienet tikber madwar it-Tomba.

Jiena u ħiereġ lura mit-­Tomba għan-naħa tad-Domus Romana, inħsadt. Ftit ġimgħat ilu kien hemm numru ta’ pjanti slavaġġ bħal ngħidu aħna ġarġir abjad, ħarira ħamra, fjurdulis, u oħrajn li kollha, mingħajr ħlas, kienu jlibbsu l-inħawi bil-kuluri u jwieżnu insetti dakkara, fosthom in-naħal. Dawn għebu għax kollha ġew maħruta u ma kien baqa’ xejn minnhom. Imħallas mill-K.L. Mdina, bi flus pubbliċi, ma għadniex xi ngħidu. Imma l-isbaħ, u li vera turi l-mentalità miskina ta’ dan il-pajjiż, wara li qerdu kull fjura u werqa Maltija li kienet qed tikber f’dawn il-mixtliet, x’taħsbu li ħallew? Penisetum (Fountain Grass), pjanta invażiva li qed tintuża mill-kuntrattur tal-Gvern fit-toroq u li sabet ruħha fil-Ġnien Howard; minkejja li din hija invażiva u qed tinfirex madwar il-gżejjer Maltin kemm fit-toroq, kif ukoll fl-ambjent naturali. Din tħalliet hemm!

Ġarġir Abjad kien isebbaħ il-=mixtliet fil-ġnien. Inqered kollu.

Ġarġir Abjad kien isebbaħ il-mixtliet fil-ġnien. Inqered kollu.

U hawnhekk sfortunatament niddejjaq ngħid li dan il-pajjiz milli jidher ma jista’ jinfeda qatt. Il-valur li jingħata lill-biodiversità huwa valur ta’ flus biss. Jekk wieħed jixtri pjanta jew siġra, dan itiha valur. Imma jekk pjanta tikber waħeda, allura din ma għandiex valur u tista’ tinqered, u titbexx bil-kimika valenuża biex ma terġax titla’. U mhux talli hekk, talli din il-qerda għandha l-approvazzjoni uffiċjali u tithallas minn flus il-poplu.

 

2012.12.28---it-Tomba---karozzi,-siġar-imutu,-u-penisetum
It-Tomba, fil-Ġnien Ħoward, taħt ir-responsabbiltà tal-K.L. tal-Imdina
– Karozzi, siġar tal-palm qed imutu jew mietu. u pjanti invażivi tal-Penisetum.

 L-akbar xokk ta’ din il-metalità miskina ta’ dan il-pajjiż kien in-numru ta’ karozzi li bdew deħlin biex jistrieħu fuq it-Tomba. Tista’ timmaġina karozzi fi ġnien? Qaluli li kien hemm tieġ l-Imdina u hekk il-K.L.Mdina jħalli is-serħan tal-karozzi fil-Ġnien Howard. Jista’ wieħed jimmagina kieku l-K.L. Mdina jħalli karozzi fil-foss fil-passaġġi fejn sar ġnien għall-familja? Jew iħalli l-karozzi kollha tat-tieġ jidħlu l-Imdina u jitħallew quddiem il-Katidral? Jew aħjar jitqiegħdu fuq iz-zuntier tal-Katidral? U aktar u aktar jiddaħħlu ġewwa l-Katidral? Ara kieku kif ir-residenti tal­-Imdina u l-Maltin iqumu għal minn ikun ta dan il-permess. Mhux talli hekk talli l­-ebda karozza ma tista’ tidħol ġol­-Imdina, ħlief dawk tar-­residenti. Imma li l-karozzi jitqiegħdu ġo ġnien fir-Rabat, jidher li kollox sew għall-K.L. Mdina!

2014.05.23 - Calendula-suffruticosa-subsp.-fulgida3

L-anqas naħla ma tista’ ddakkar fjura u tagħmel l-għasel

Li jinkwetani huwa li milli jidher ma hemm l-ebda entità politika li hija responsabbli biex twaqqaf dawn l-oxxenitajiet. Suppost li hemm Ministeri li huma responsabbli mit-trasport; mill-ġonna; mill-Kunsilli Lokali, u anki mill-MEPA. Din tal-aħħar issa ħaditha drawwa li meta jkun hemm il-qerda tal-ambjenbt tħares in-naħa l-oħra sakemm xi ħadd minn fuqha jiġbdilha l­attenzjoni. Ara ż-żrar issa għadu hemm tliet xhur minkejja l-protesti tan-nies u nuqqas ta’ permessi. U la ma hemm l-ebda azzjoni ministerjali, allura wieħed jista’ jgħid li dawn għandhom il-barka ta’ min imexxi. Kont anki naħseb li r-Rabat hemm kunsill lokali wkoll, imma mid-dehra sejjer żball. Wara kollox kappell ma jmejjilx lill-ieħor.

Mill-esperjenza li għandi u mill-kuntatti li għandi mal-Kunsilli Lokali ma nsibhiex diffiċli biex ngħid li l-Kunsill tal-Imdina ma jħabbatha miegħu ħadd fuq in-nuqqas ta’ apprezzament tal-ambjent: il-foss tal-Imdina, il-Ġnien Howard, u issa smajt l-għajdut li qed ikun hemm xi ħsibijiet biex jinqalgħu dawk is-siġar ta’ taħt it-Tomba li jwasslu sa Għajn Ħamam biex din il-wesgħa tintuża għall-karozzi. Wieħed għad irid jara x’se jiġri imma, għalkemm jekk din tasal sa għand il­MEPA wieħed jista’ jgħid mill-ewwel x’se jiġri.

Il-fdalijiet tas-iġra tal-palm fil-ġnien Howard, ir-Rabat. Pedestal lest għal minn daħħal il-bumunqar aħmar f'dawn il-gżejjer.

Il-fdalijiet tas-siġar tal-palm fil-ġnien Howard, ir-Rabat. Pedestal lest għal minn daħħal il-bumunqar aħmar f’dawn il-gżejjer.

Kif jgħidu mhux il-flus u l-poter jagħmluk matur u konxju għall-weġgħat tas-soċjetà u tal-ambjent. Anzi ħafna drabi huma dawn li jwasslu għal dawn il-weġgħat, aktar u aktar meta wieħed isib ruħu jgħum fihom.

aebaldacchino@gmail.com

alfredbaldacchino.wordpress.com

 

 

Advertisements