Qerda tal-biodiversità fil-foss tal-Imdina… biex isir ġnien ta’ kwalità!

September 28, 2012

Dan l-aħħar qrajna u smajna stqarrijiet minn Ministru tal-Gvern dwar ġonna ta’ kwalità u spazji miftuħa għall-familji.

Meta wieħed jaqra u jisma’ l-kummenti ta’ dan il-Ministru tal-Gvern li huwa responsabbli minn dawn il-proġetti, wieħed mill-ewwel jifhem għaliex illum il-qerda tal-ambjent naturali hija daqstant kbira. U wieħed ma jistax ma jistaqsiex numru ta’ misoqsijiet, bħal ngħidu aħna:

  1. Bliema immaġinazzjoni jista’ xi ħadd jgħid li sejjer jagħmel ġnien ta’ kwalità u fl-istess ħin jaqla’ u jeqred ammont kbir ta’ sigar b’impatt kbir fuq il-biodiversità tal post?  (ara ritratti aktar l-isfel).
  2. Kif jista’ wieħed jgħid li sejjer jagħmel ġnien ta’ kwalità u fl-istess ħin jiksi l-post b’medda wiesgħa ta’ konkos; konkos aktar milli hemm u aktar milli kien hemm siġar qabel ma beda x-xogħol? (ara ritratti aktar l-isfel)
  3. Liema raġuni xjentifika tiġġustifika li biex isir ġnien ta’ kwalità titqaxxar u tinqered il-liedna kollha li kien hemm fil-post u li kienet tħaddar u tiksi metri kwadri kbar tal-ħajt tal-ġnien Howard Gardens (mhux mal-ħajt tas-sur) u li kienet toffri ambjent naturali għall-numru ta’ fawna indiġena? Din kienet ukoll issebbaħ u tgħati l-ħajja lill-kull ġnien anki jekk mhux ta’ kwalità. U dan minkejja li l-Gvern ta’ Malta huwa obbligat u marbut mill-Unjoni Ewropea biex jara li jieħu miżuri biex ma tkomplix tinqered il-biodiversità tal-Unjoni Ewropea li aħna parti minnha. Il-Ministri tal-Ambjent (anki dawk li jgħidu li xi darba kienu Ministri tal-Ambjent) din kollha jafuha, kemm mid-dokumenti tal-UE li jirċevu, kif ukoll mill-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri li jattendu.

Fid-diskors tiegħu fil-video li deher fil-ġurnal The Times

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

dan il-Ministru qal li ma nqerdux siġar.  Jekk wieħed iħares lejn ir-ritratti hawn mehmuża, waħdu jasal f’konklużjoni waħda.

  1. Kif jista’ xi ħadd jgħid li dan ix-xogħol qed jerġa jieħu dan il-post għall-ġranet passati tal-glorja tiegħu?  Sa fejn naf jien fi żmien l-Għarab u l-Kavallieri ma kienux jużaw konkos (sakemm xi perit ma jikkoreġinix!) li llum huwa l-aktar ħaġa li tispikka f’dan il-ġnien (u ġonna oħra simili) ta’ kwalità. Lanqas kienu jiżirgħu turf  għax l-ilma għalihom kien jiswa mitqlu deheb, u lanqas kienu jagħmlu ilma ħiereġ jiżfen mill-art!  U lanqas ma kienu jużaw lift biex jinżlu mis-swar għall-foss. Jidher li l-Għarab u l-Kavallieri li ħakmu pajjiżna tant għexieren ta’ snin ilu, kellhom viżjoni ferm u ferm aktar professjonali, ekonomika, soċjali, ambjentali u sostenibbli milli għandhom il-mexxejja politiċi Maltin tal-lum, minkejja li dak iż-żmien ma kienx hemm obbligi ambjentali internazzjonali bħal ma għandna llum u lanqas kellhom Ministri tal- Ambjent.
  2. Ir-Rabtin u l-ġirien tagħhom  ma għandhomx bżonn xi politku li ma għandu l-ebda idea ta’ xi tfisser biodiversità biex jgħamillhom ġnien ta’ kwalità! U lanqas għandhom bżonn spazji miftuħa għall-familji għax għandhom biżżejjed spazji miftuha. Żgur li ma għandhomx bżonn ta’ spazju miftuħ ġo foss. U jekk kien hemm il-ħsieb li dan il-foss jinfetaħ għal kulħadd, kull ma kien hemm bżonn kien  li jitneħħew il-katnazzi li kienu jsakkru l-bibien li jgħalqu l-aċċess għal kulħadd. Li kieku dan id-diskors jintqal lill-kostitwenti ta’ min qalhom, li llum huma ferm u ferm konxji mill-ambjent naturali u l-qerda li l-konkos qed jagħmel lil dan l-ambjent, żgur li kienu jibgħatuh jistgħad biex forsi jaqbad xi mazzun!
  3. Imma veru li biex tagħmel ġnien ta’ kwalità illum l-ingredjenti huma: a) konkos; b) turf; c) ilma jiżfen; d)  issa anki lift; u e) l-qerda tal-biodiversità tal-post kollha, kif sar fil-foss tal-Imdina u f’kull hekk imsejjaħ ġnien ieħor li qed isir mill-istess ministeru?
  4. Ħarsa lejn il-kummenti li kien hemm fil-gazzetti f’dawn il-links

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120919/local/Mdina-ditch-returned-to-glory.437501

u fir-ritratti li ħadt jien stess u li wħud minnhom jidhru hawn taħt, kollha jitkellmu u juru  d-disastru li sar bi flus pubbliċi u b’dawk tal-Unjoni Ewropea.

  1. Forsi hawnhekk ta’ minn jistaqsi minn qed jamministra l-fondi tal-UE, f’dan il-kas il-European Regional Development Fund?  Min qiegħed jawditjahom? Fejn jista’ l-pubbliku jara rendikont tal-infiq?
  2. Barra minhekk, minn qiegħed jara li jkun hemm diskussjoni pubblika fuq il-proġetti biex b’hekk ikun involut iċ-ċittadin fid-deċiżjoni, qabel jintefqu dawn il-flus? Dan ukoll huwa fost l-obbligi li titlob l-UE.
  3. Jiddispjaċini ngħid li l-ħsara li qed issir lill-biodiversità Maltija bi proġetti bħal dawn, bi skuża ta’ ġonna ta’ kwalità u spazji miftuħa għall-familji, trid aktar minn ġenerazzjoni biex titranġa.
  4. Dan il-ġnien sejjer ikollu kwalità waħda …. dik ta’  mafkar ta’ kif l-ambjent naturali qed jiġi sfruttat u mżeblaħ f’dawn l-aħħar snin, mingħajr ebda mistħija u ebda mgħodrija.
  5. Fl-aħħarnett min huma l-konsulenti tal-Ministru li huwa responsabbli biex jaraw li dan ix-xogħol ikun wieħed sostenibbli, jiġifieri li ma ssirx ħsara ekonomika, ħsara soċjali u ħsara ekoloġika kif qed issir?
  6. Nismagħhom jgħidu li hawn Malta kollox possibli, imma ma naħsebx li hawn xi ħadd li sab kif jgħatti x-xemx bl-għarbiel, għalkemm hawm min qed jipprova u qed jagħmel ħiltu kollha.

ARA WKOLL

http://www.orizzont.com.mt/Issues/19092012/social/article95864.html

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120919/local/Mdina-ditch-returned-to-glory.437501

http://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/05/25/environmentali…ent-over-trees

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/07/31/once-there-were-green-leaves/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/04/30/massacre-of-md…eally-involved/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/02/27/government-policy-on-trees/

iL-BIODIVERSITA’   SINJURA TA’ QABEL BEDA X-XOGĦOL FIL-FOSS TAL-IMDINA U L-KWALITA’ TA’ QERDA LI SARET MINN META BEDA X-XOGĦOL FUQ IL-ĠNIEN TA’ KWALITA’

QABEL – Ringiela ta’ siġar taċ-Cipress li kienu jiffurmaw parti mill-biodiversità

WARA – L-unika siġra taċ-Cipress li baqa’ – MEJTA. L-oħrajn kollha nqalgħu u nqerdu. Ikun interessanti kieku l-esperti tal-Ministru jgħidulna kif mietet din is-siġra, jew aħjar jekk inqatletx b’xi kumbinazzjoni!  Ma naħsebx li issa sejjer ikun hemm xi ħadd li tniggżu l-kuxjenza biex jaqla’ siġra mejta, meta nqalgħu tant u tant siġar ħajjin minn dan il-post .

QABEL – ambjent naturali sinjur

WARA – parti mill- ġnien ta’ kwalità – anqas biodiversità, aktar konkos!

WARA – liedna  meqruda fil-ġnien ta’ kwalità

WARA – siġar taċ-Ċipress maqlugħa, meqruda  u mitfuha fl-art biex jagħmlu wisa għall-ġnien ta’ kwalità.

WARA – fdalijiet tas-siġar mejta taċ-Ċipress taħt it-tabella tal-Ministeru li qed jagħmel ġnien ta’ kwalità

QABEL U WARA – id-dehra tal-foss ftit wara li beda x-xogħol fuq il-ġnien ta’ kwalità.  Is-siġar immarkata b’salib isfar kollha ġew meqruda, jew maqlugħa.

WARA – post għeri mill-biodiversità fi ġnien ta’ kwalità fejn jispikka l-konkos u l-għibien tas-sigar li qabel kienu jżejnu dan il-post.

It-tabella imwarrba u mitluqa fl-art li madankollu turi l-għajuna finanzjarja li qed tgħati l-EU mill-European Regional Development Fund, għar-restawr tal-post, li qed isir fost oħrajn bit-tneħħija tal-biodiversità u kisi bil-konkos.

Advertisements

Siġar, Biodiversità u l-Unjoni Ewropea

May 9, 2012

07 Mejju, 2012

Saviour Balzan jintervista lil Alfred E. Baldacchino
fuq il-Programm Reporter

(If you cannot open link

highlight link, then right click, and then click on go to

OR

copy link and paste on google)


Il-kapriċċ tal-proprjetà vojta (2) Ħadd mhu jerfa’ l-ħtija tan-nuqqas ta’ ppjanar

July 26, 2011

Il-kapriċċ tal-proprjetà vojta (2) 
Ħadd mhu jerfa’ l-ħtija tan-nuqqas ta’ ppjanar
 

minn aleander balzan
 

KIF irraportat minn din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, fi ftit snin żdiedu bl-eluf in-numru ta’ proprjetajiet vojta f’pajjiżna. Skont iċ-chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), Austin Walker, huwa stmat li llum għandna 76,000 proprjetà vojta. Minkejja dan ħadd mhu qiegħed jerfa’ l-ħtija ta’ dan in-nuqqas ta’ ppjanar. Fi kliem l-ambjentalisti Alfred E. Baldacchino u Astrid Vella dan in-nuqqas ta’ ppjanar qiegħed iwassal għal ħela ta’ riżorsi enormi.

Alfred E. Baldacchino, li huwa speċjalizzat fl-ippjanar u l-immaniġjar tal-ambjent argumenta mat-TORĊA li dawn il-proprjetajiet vojta “huma ħela ta’ riżorsi finanzjarji kif ukoll riżorsi naturali li ftit li xejn għandna minn fejn naħlu. Dan huwa wkoll nuqqas ta’ ippjanar serju għaliex wieħed qed iħares biss lejn ir-riżultat fiż-żmien il-qasir.”

“L-impatt fuq l-ambjent hu tant negattiv li qiegħed ikun hemm ħela ta’ riżorsi naturali, bħat-teħid tal-art, anki ta’ valur kbir ekoloġiku, storiku, u rikreattiv, tifrik ta’ sistemi fl-ippjanar tal-ambjent bħal sistemi tal-ġbir tal-ilma tax-xita, sfreġju u qerda ta’ sistemi ekoloġiċi bħall-ispeċi ta’ fawna u flora, u produzzjoni ta’ skart li jirriżulta mill-bini,” jargumenta Baldacchino li jgħid li dawn ir-riżorsi jistgħu jintużaw f’oqsma oħra.

“L-użu tar-riżorsi kemm naturali kif ukoll finanzjarji jistgħu faċilment jintużaw f’attivitajiet oħra minflok bini u bini li ma hawnx bżonnu. Permessi għar-restawr xorta waħda jkun hemm bżonnhom, imma hemm bżonn ukoll diversifikazzjoni. Il-’valur’ ta’ dawn il-ħela ta’ riżorsi mill-aspett ekonomiku qiegħed isir għas-spejjeż tal-valur soċjali u dak ambjentali,” żied Baldacchino.

Responsabbiltà tal-banek 
Fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd li għadda l-ekonomista Joe Vella Bonnici argumenta li s-settur bankarju qiegħed ikun iktar kawt. “Ta’ min jgħid li llum is-settur bankarju rari jsellef għal bini ġdid. Dan wara ħafna twissijiet mill-International Monetary Fund li l-banek tagħna kellhom exposure qawwi fuq il-proprjetà,” qal Vella Bonnici.

Alfred E. Baldacchino u Astrid Vella wkoll jitkellmu dwar il-banek u fuqhom jitfgħu anke responsabbiltà.

“Naħseb li hawn tidħol ir-responsabbiltà kemm tal-banek lokali kif ukoll tal-MEPA. Sfortunatament, il-banek m’ għandhomx ħjiel tal-Corporate Social Responsibility u jaħsbu li għax iqassmu xi ċekk stampat kbir kbir qegħdin jilħqu dan il-għan. Għalihom imbasta jisilfu l-flus u jdaħħlu l-interessi. Jekk proġetti jibqgħu vojta u fil-proċess jinħlew ir-riżorsi jgħidlulek li mhix responsabbiltà tagħhom,” qal Baldacchino.

Astrid Vella żżid mal-argument u min-naħa tagħha telabora dwar l-impatt li dawn id-deċiżjonijiet qegħdin iħallu fuq is-soċjetà Maltija.

“It-twemmin popolari li s-suq għandu jirregola lilu nnifsu huwa żbaljat għax wieħed ikun qiegħed jassumi li huma biss l-iżviluppaturi li jġorru r-riskju li qegħdin jieħdu. Kuntrarju għal dan it-twemmin, rapport dwar l-istabbilità finanzjarja tal-Bank Ċentrali, għas-sena 2010, jgħid li d-dgħufija preżenti fis-settur tal-proprjetà tpoġġi riskju fuq is-saħħa tas-settur finanzjarju Malti dan għax il-proprjetà tirrappreżenta ħafna mis-self tal-banek. Din toħloq riskju fi żmien li s-sitwazzjoni tal-proprjetà qiegħda twassal għal ‘defaulting loans’,” tispjega Vella.

L-irwol tal-MEPA 
Iż-żewġ ambjentalisti jaqblu dwar il-falliment tal-MEPA fi rwol tagħha ta’ regolatur.

“Mill-banda l-oħra, il-MEPA, li suppost għandha r-responsabbiltà dwar l-ippjanar ma nistax nifhem kif 76,000 post vojt wieħed jista’ jgħidli li huwa ppjanar tajjeb, bl-impatti negattivi kollha li dawn iġibu magħhom, kemm direttament kif ukoll indirettament,” jargumenta Baldacchino.

Astrid Vella żżid ma’ dan l-argument: “Il-falliment tal-MEPA li tassumi r-responsabbiltajiet tagħha bħala regolatur – li ħolqot mentalità ta’ ġirja biex nibnu – mhux biss irrovinat l-irħula tagħna u l-qalba tal-villaġġi iżda ironikament wasslet għal tnaqqis fil-bejgħ tal-proprjetà.”

“Il-MEPA falliet fid-dmir tagħha li tirrikonċilja d-drittijiet li wieħed jiżviluppa l-proprjetà privata ma’ dak ta’ saħħa tajba. Li neħħejna d-djar biex għamilna l-appartamenti għandu effett doppju għax iwassal għal iktar karozzi f’żoni residenzjali,” qalet Vella li elaborat dwar l-effetti ta’ dan il-bini żejjed, b’mod partikolari fuq saħħet in-nies.

Alfred E. Baldacchino jċanfar ukoll lill-awtoritajiet għax għażlu triq li wasslet għal iktar bini ġdid flok irranġar u restawr ta’ dak li għandna.

“Hawn ħafna bini mitluq, qadim, storiku, u mibni b’konsiderazzjoni ambjentali siewja, imma n-nuqqas ta’ ippjanar li jeżisti jwassal biex minflok dan jitranġa u jkun restawrat, dan jitwaqqa’ u jittella’ bini ġdid, fil-forma ta’ kerrejjiet moderni, biex ngħidu hekk. Dan minkejja li hawn kemm domanda għal dawn il-postijiet (bini qadim restawrat), kif ukoll hawn kuxjenza qawwija nazzjonali biex dawn ikunu restawrati kif ukoll salvati. Imma mid-dehra dan mhux parti tar-responsabbiltà ta’ min huwa inkarigat biex jara li l-ippjanar ta’ dawn il-gżejjer isir minn kull aspett, kemm soċjali, kemm ambjentali kif ukoll ekonomiku. L-importanza li tingħata hija biss mill-aspett ekonomiku u l-oħrajn jiġu kompletament injorati. Ħadd ma jgħid li huwa responsabbli għal dan. Anzi kulħadd jgħid li mhux huwa responsabbli,” jgħid Baldacchino.

Ħtija tal-politiċi 
“Il-politiċi tagħna jiddefendu iktar żvilupp billi jgħidu li l-ġenituri qegħdin jipprovdu l-appartamenti għal uliedhom. Din il-ġustifikazzjoni ntużat fl-2006 meta kien hemm l-iskema ta’ razzjonalizazzjoni u medded ta’ art fil-kampanja ttieħdu biex jinbnew mijiet ta’ appartamenti minn żviluppatur wieħed.
“Din twassal għal mistoqsija oħra: jekk il-ġenituri qegħdin jipprovdu l-appartamenti lil uliedhom, l-eluf ta’ appartamenti tal-ispekulaturi lil min se jinbiegħu? Żgur mhux lill-barranin, għax mill-2009 kien hemm biss 300 bejgħ fejn kienu involuti l-barranin. Il-MEPA kkalkulat li l-ħtieġa annwali għad-djar ġodda hija madwar 2,000, iżda mill-2005 sal-2009 kienu approvati bejn 8,000 u 12,000 unit fis-sena,” tgħid Astrid Vella li tappella għal studju serju u tisħaq li din il-problema għandha tkun indirizzata.

“In-numru ta’ postijiet vojta huwa destinat li jikber iktar, hekk kif hemm permessi approvati mill-MEPA li għad irid isir il-bini tagħhom u hemm ukoll iktar proġetti kbar ippjanati. Flimkien għal Ambjent Aħjar temmen li l-kwistjoni ta’ żvilupp iktar milli meħtieġ għandha tkun indirizzata. Jekk iktar appartamenti se jkunu approvati, fuq liema bażi se niġġustifikaw it-telfien ta’ iktar kampanja?” ittemm tgħid Vella.

Baldacchino wkoll jitkellem dwar l-irwol tal-politiċi u ma jdurx mal-lewża.

“Ir-riżultat ta’ dan kollu huwa li din hija politika żbaljata tal-entitajiet governattivi u pubbliċi li kulħadd jara l-parti tiegħu biss u ma jimpurtahx minn entitajiet ohra. Anki f ‘deċiżjonijet żgħar jittieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra tfassil u deċiżjonijiet ta’ entitajet oħra.

“Dan jidher u jinħass bħal ngħidu aħna fil-ħarsien u mmaniġġjar tal-ilma, f’dak tat-trasport, f’dak tal-biodiversità, u ħafna u ħafna oħrajn. F’dan il-qasam huwa ġenerazzjoni ta’ xogħol artifiċjali, għas-spejjeż tar-riżorsi nazzjonali, biex taparsi jinħoloq ix-xogħol, xogħol li għandu ħafna prezzijiet u piżijiet moħbija, li qed tħallas għalihom is-soċjetà u l-ambjent b’mod ġenerali,” qal Baldacchino, li fakkar ukoll kif il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli għadha ma bdietx tiltaqa’.
“Opportunità li kien hemm u li għad hemm biex dawn il-fares jinqatgħu kienet li tibda taħdem il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli. Imma din tpoġġiet fuq l-ixkaffa tistenna l-mument meta jkun tard wisq u l-pajjiż jibqa’ jħallas minn imnieħru. Imbagħad forsi tirxoxta jew inkella titfassal oħra bħalha,” temm Baldacchino.

• Ara wkoll: http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=11958