Is-siġra nazzjonali u l­-politikanti Maltin

May 12, 2014

NewsBook

Is-siġra nazzjonali u l­-politikanti Maltin

Alfred E. Baldacchino

Is­-siġra tal­-Għargħar darba kienet komuni ħafna fil-gżejjer Maltin. Kienet tiksi wesgħat kbar f’Birkirkara u l-inħawi ta’ madwarha. Illum hija meqjusa bħala siġra rari ħafna u tikber fis-selvaġġ f’xi ħames postijiet biss.

Minħabba l­-kuxjenza pubblika dejjem tikber, illum insibuha tikber f’numru ta’ postijiet. Ma għandiex dubju li dawn tnisslu minn żerriegħa miġbura mis-siġar Maltin. Mhix sigra diffiċli biex titnissel u wieħed jieħu gost jinnota li minn meta din is-sigra ġiet magħżula bħala s-siġra nazzjonali ta’ Malta, qed tintuża aktar u titħawwel aktar biex issebbah ’il pajjiżna.

Illum wieħed jista’ jara li din is­-siġra qed tiġi wkoll imħawwla fit­-toroq u dan huwa pass ’l quddiem. IMMA wieħed ma jistax ma jgħidx li l­-aspett kummerċjali qed jgħeleb dak soċjali u dak ekoloġiku, meta siġar bħal dawk li tħawlu fit­-triq Diċembru 13, ħdejn il­-momunemt tar­-repubblika, ma ġewx imnissla minn siġar Maltin imma ġew importati. Dan juri li:

1. Il-­fragmentazzjoni li hawn fir­-responsabbiltajiet tal­-ambjent qed iwasslu biex jagħmlu ħafna ħsara u wasalt biex naħseb li din il-fragmentazzjoni mhix b’kumbinazzjoni. Dawn is­-siġar importati sejrin inniġġsu l­-għaġna ġenetika tal-popolazzjoni tas­-siġra nazzjonali Maltija li ilha eluf ta’ snin mingħajr ebda kuntatt ma’ siġar oħra bħala barra minn pajjiżna.

2. Dawn setgħu wkoll ġabu magħhom mard u speċi oħra li jistgħu jagħmlu ħsara kemm lis­-siġar tal­-għargħar infushom kif ukoll lill-biodivertsità Maltija bħal ma għamel u qed jagħmel il­-Bumunqar Aħmar tal­-Palm.

3. Dan juri wkoll li l­-Ministru tat­-Trasport u l­-Infrastrutta li huwa responsabbli għat­-tħawwil ta’ siġar u pjanti fit­-toroq, huwa fqir wisq fit-tagħrif xjentifku u professjonali meħtieġ biex l­-attivitajiet li japprova ma jkunux ta’ ħsara soċjali u ambjentali.

4. Juri wkoll li anki l­-kuntrattur li qed juża l­-Ministru lanqas għandu idea ta’ din ir­-responsabbiltà ekoloġika u soċjali, minkejja l­-kritika kontinwa li għaddejja mill­-pubbliku. U hawnhekk wieħed ma jistax jingħata tort meta jingħad li l­-viżjoni approvata mill­-Ministru responsabbli hija nieqsa u fqira minn kull viżjoni soċjali u ekoloġika.

5. Il­-Mepa li hija mħallsa mill­-poplu biex tħares l­-ambjent tagħna lkoll mhux biss ħaslet idejha imma ilha li xxotathom ukoll u tħossha aktar komda tindihes man­-naħa li tagħmel ħsara ambjentali milli ma’ dawk li jitkellmu fl­-interess nazzjonali. Forsi għax qegħdha taħt ir­-resonponsabbiltà tal­-Prim Ministru?

Jista’ jgħati l­-każ li l­-Ministru responsabbli ma fetħulux għajnejh u ma jafx bil-ħsara li qed issir b’dan il­-miżimmaniġġar tal­-biodiversità. Dan faċilment jista’ jikkoordina mal­-Ministru tal­-Ambjent, li jista’ jgħidlu u jinformah b’mod xjentifiku u professjonali fuq kif dan ix­-xoghol għandu jsir. Barra minhekk il­Ministru tal­-Ambjent jista’ wkoll joffrilu siġar tal-Għargħar imkabbrin f’mixtliet hawn Malta. Imma forsi jekk jagħmel dan iħoss l­-oppożizzjoni qawwija minn dawk li jgħidulu li dan sejjer inaqqsilhom il­-qliegħ mill-importazzjoni ta’ dawn is­-sigar. Dan minkejja li dan il­-qliegħ qed iħallas għalih il­-poplu u l­-ambejnt Malti. Forsi wkoll illum dan mhux importanti għat-tmexxija politika?

 

ritratti-tal-għargħar

1. ls-siġra ta l-għargħar fis-selvaġġ. 2 . Dehra tas-siġra mil­l-viċin. 3. il-weraq tas-siġra tal-għargħar. 4. il-weraq speċjalizzati nisa. 5. il-weraq speċjalizzati rġiel. 6. il-weraq bil-frott. 7. Dehra tal-fjuri tal-għargħar. 8. iż­-żerriegħa tal­-għargħar. 9. iz-zokk tas-siġra. Ritratti. Martin Psaila (1 & 8) Alfred E Baldacchino (2-7, 9)

 

Fis-16 ta’ Jannar tal-1992 l­-għargħar ġiet id-dikjarata s-siġra nazzjonali. Fl-1993 din is­-siġra ġiet imħarsa bil-liġi permezz tal-Avviż Legali 49 tal-1993. Hija wkoll imniżżla fil-lista tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ pjanti rari, mhedda u endemici tal-Ewropa. Tidher fil-lista ta’ pjanti mhedda ppublikata fl-1998 mill-Għaqda Internazzjonali tal-Ħarsien tan­-Natura. Hija wkoll meqjusa bħala siġra mhedda u b’firxa żgħira fil-gżejjer Maltin. Tgħid illum f’Malta dan ma għadux jagħmel sens politikament fejn jidħlu l­-interessi kummerċjali?

Qrib il­-31 ta’ Marzu 2014, jum ir­-repubblika, bil­-approvazzjoni tal-Minsiteru tat­-Trasnport u Infrastruttura, il­-popolazzjoni tas­-siġra tal-għargħar Maltin ġew mhedda bl­-importazzjoni ta’ siġar bħalhom li sejrin iniġġsu l­-għaġna ġenetika ta’ dawk Maltin. U l­-MEPA bħal dejjem ma titniffesx quddiem ħsara ambjentali u soċjali.

L-għargħar hija siġra li tista’ ssebbaħ pajjiżna, kemm bi msaġar li hija tista’ tinseġ, kif ukoll bil­-preżenza tagħha fl-irħula u fl-ibliet tagħna. Saħansitra t-tfal fl­-iskejjel ikabbru din is-­siġra bla wisq diffikultà. Imma milli jidher, minn jingħata 8 miljun euro fis­-sena minn flus il­-poplu mhux kapaċi jnissel minn dawn is­-siġar hawn Malta u juża siġar miġjubin minn barra minkejja l­-perilku ambjentali u l­-ħsara soċjali.

Il­-fragmentazzjoni u l­-politika liberali f’hekk twassal. Il­-politikanti mingħajr pariri xjentifiċi u professjonali malajr jaqgħu vittma f’idejn minn ma għandu l-ebda interess ambjentli. Aktar u aktar meta l­-operatur jagħmilha ta’ regolatur ukoll. U dawn jippermettu lil dawk il-ftit biex jistgħanaw u l-poplu u l­-ambjent iħallsu. Ħadd ma jisma’ minkejja l­-wegħdiet. Tgħid inkun ottimist iż-żejjed jekk forsi naħseb li l-Prim Ministru jista’ jwaqqaf din il­-ħsara ambjentali?

aebaldacchino@gmail.com
alfredbaldacchino.wordpress.com

Advertisements

SIĠAR MALTIN… u siġar mhux Maltin

January 20, 2014

NewsBook

SIĠAR MALTIN… u siġar mhux Maltin

It-Tnejn, 20 ta’ Jannar, 2014

Alfred E. Baldacchino 

Forsi xi ħadd jgħidli: imma x’hemm differenti bejn siġar Maltin u siġar li ma humiex Maltin, u x’hemm ħażin f’dawk li ma humiex Maltin. Xejn ħażin u ma għandi xejn kontrihom, anzi ngħid li kollha huma sbieħ u kollha għandhom rwol fis-­sistema ekoloġika u kollha huma adattati għal dak l-­ambjent li jikbru u jgħixu fih.

Naħseb li mhux diffiċli li wieħed jifhem li s­-siġar huma differenti minn annimali. Huma ma jiċċaqalqux minn post għall-­ieħor u jgħixu ħajjithom kollha fejn jikbru sakemm xi ħadd ma jqaċċathomx jew ma jaqlagħhomx biex jeħodhom post ieħor. Iżda dawn jinfirxu ’l bogħod b’mod naturali mis-siġra omm permezz taż-­żerriegħa tagħhom.

żerriegħa-tal-għargħar

Iż-żerriegħa tas-siġra tal-Għargħar, li hija s-siġra Nazzjonali ta’ Malta. Iż-żerriegħa titbiegħed mis-siġra omm billi tissiefaħ mar-riħ, imma qatt ma tħalli ‘l pajjiż.

Ma għandniex xi ngħidu li l-­firxa taż-­żerriegħa mis-­siġra omm hija waħda limitata għaliex dawn jiddependu minn ħafna għajnuna biex jinfirxu. Hemm minn isib l-­għajnuna tar­-riħ u ż-­żerriegħa tissiefah sakemm taqa’. Hemm min jittiekel mil­annimali, bħall-­għasafar u l­mammiferi, u meta dawn jgħaddu mill­-intern tagħhom, u jaqgħu fl­-art wara li l­-aċtu ta’ ġol-­annimali jkun għenhom biex ikunu lesti biex jikbru fejn jaqgħu. Hawn oħrajn li għandhom mezz biex jeħlu mal­-pil tal-annimali li jħaxknu magħhom u mbagħad dawn jaqgħu meta jinġarru ’l bogħod mis­-siġra omm. Saħansitra hawn uħud li jistgħu jinġarru mill-ilma, kemm ilma ta-x­xita, jew ilma ħelu tan-­nixxigħat u x­xmajjar, kif ukoll tal-­ilma baħar.

żerriegħa-taż-żagħrun

Il-frotta tas-siġra taż-Żagħrun li ġo fiha jkun hemm iż-żerriegħa. Din il-frota tittiekel mill-għasafar u titieħed ‘l bogħod mis-siġra fejn meta tgħaddi minn ġol-għasfur tikber fejn taqa’.

Dan kollha jgħin lis-­siġar u l­-pjanti oħra biex jinfirxu, jitnisslu u joktru
kif tagħmel kull ħajja oħra fuq din il-­pjaneta, li aħna naqsmu magħhom. U minkejja li dawn  ma jiċċaqalqux mill-­post fejn jikbru, huma jferrxu ż-żerriegħa tagħhom ’l bogħod minn fejn jikbru.

Iżda minkejja dan, huma għandhom bżonn l-ambjent naturali tagħhom biex jikbru, u mhux bilfors jikbru fejn jinġarru jew jaqgħu. Għalhekk is-­siġar, jinfirxu biss fiż-­żona bioġeografika tagħhom u ma jmorrux minn kontinent għall-ieħor b’mod naturali, sakemm ma jeħodhomx il­-bniedem, direttament jew indirettament.

U mhux hekk biss, imma lanqas bilfors jinfirxu fuq il-­kontinent kollu li jikbru fuqu. Ngħidu aħna siġra li tikber fin-­nofsinahr tal-­Ewropa, bħal fil-­Mediterran, b’mod naturali ma tinfirex għat-­tramuntana tal­-Ewropa. Dan minhabba li l­ambjenti mhux l-­istess, kif mhux l-­istess it-temp u l­-klima, li wkoll huma parti mill­-ambjent tagħhom.

U dan li jagħmel siġra Maltija u oħra mhux siġra Maltija.  Is-­siġar Maltin huma siġar adattati għall- klima u l-­ambjent Mediterran u għalhekk b’mod naturali ma jinfirxux ’l barra minn dan l­-ambjent. Barra minn hekk dawn jgħixu ma’ ħlejjaq oħra, kemm annimali kif ukoll pjanti li flimkien jiffirmaw parti minn nisġa naturali.

Illum bil-­mezzi moderni tat­-trasport, kemm dak bl­-ajru, bl-­art u anki bil-­baħar, li wessa’ l-għanijiet kummerċjali, anki s-­siġar sfaw il­-mira ta’ dan il-kummerċ.

Ngħidu aħna anki f’pajjiżna naraw illum sigar u speċi oħra kemm ta’ pjanti u kif ukoll ta’ annimali li jinġiebu minn pajjiżi u kontinenti mbiegħda għal skopijet ta’ qligħ ta’ flus bl­i-skuża ta’ edukazzjoni u tisbih tal­-art. Imma forsi hawn xi ħadd jgħidli: x’hemm ħażin li siġar minn kull naħa tad-­dinja jitħawlu biex jikbru hawn Malta. U hawnhekk fejn wieħed isib raġunar differenti: dawk li huma raġunijiet ekoloġiċi u soċjali, u dawk purament kummerċjali.

Ejjew għalissa nieħdu raġuni sempliċi waħda: dik ta’ estetika.

Is-­siġar ilibbsu l­-pajjiż kemm fl­-urban kif ukoll fir-­rurali. L-­istess bħal mal­-ħwejjeġ jew in­-nuqqas tagħhom ilibbsu lilna.  Hekk ngħidu aħna l-­ilbies ta’ ħdejn il-­baħar, bil-­kuluri, daqs, għatja, jew nuqqas tagħha, huwa adattat għal dan it­-tip ta’ ambjent. Imma jista’ wieħed qatt jimmaġina, għall-­anqas jien ma nistax, lil xi ħadd li jmur liebes b’dan il­mod għal xi seduta fil-­qorti, jew fil-­parlament, jew inkella liebes bl-­ilbies ta’ fuq ix-­xatt għal xi funzjoni fi-l­knisja?

Din hija biss raguni ħafifa ta’ estetika u etika. Hemm imbagħad ħafna raġunijet oħra li nistgħu niġbruhom taħt tlett irjus, fil-­firxa wiesgħa kollha tagħhom; raġunijet ekoloġiċi, soċjali, u ekonomiċi. Imma dawn nitkellmu fuqhom aktar fid­-dettal darb’oħra.

Ikkwalifikat fl­-Ippjanar u fl-immaniġġar tal-­Ambjent.

aebaldacchino@gmail.com