Mingħajri ma tgħaddix

August 27, 2020

Julia

12 ta’ Awiwissu 2020

Din hija silta mid-diska tiegħi Mingħajri ma tgħaddix, li għaddiet għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2020. Din tidher fuq NET TV matul il-ġimgħat li ġejjin. Tistgħu jekk jogħġobkom tivvutawli fuq: 5230 2083.

This is a clip of my song ‘Minghajri Ma Tghaddix’ which will be previewed on NET Television during the coming weeks. ❤️ Please Vote by Calling on: 5230 2083 

Finally its out on Sound Cloud. You can listen to my song Mingħajri ma tgħaddix in for Finals of  Konkors Kanzunetta Indipendenza 2020.

Napprezza kull għajnuna minn għandkom.

Your support would be appreciated to share and televote by CALLING on this number: 52302083

Penned by A E Baldacchino

Composed by Chan Vella

 

Il-ħsieb wara Mingħajri ma tgħaddix

Mingħajri ma tgħaddix. Kif jista’ wieħed jgħaddi mingħajr xi ħadd li jgħinu jlibbes il-madwar bi sbuħija, u fl-istess ħin ikun jista’ jgħix ħajja aħjar?

Kif jista’ wieħed jwarrab kull għajnuna li xi ħadd itiħ b’xejn, mingħajr ma jitlob ebda ħlas?

U kif jista’ wieħed ikollu qalbu iebsa ma’ xi ħadd li jnaddaf l-aktar ħaġa importanti għall-għixien – l-arja – biex ikun jista’ jkomplu jgħix?

Dan huwa l-messaġġ tal-kanzunetta Mingħajri ma tgħddix kantata minn Julia. Messaġġ li qiegħed jitwasslilna kuljum, għal ġid tagħna lkoll, biex inkunu nistgħu ngħixu ħajja aħjar, flimkien. Imma rridu nifhmu, napprezzaw u ngħinu lis-siġar li tant qed jgħinuna f’ħajjitna, u li b’dieqa wieħed jara’ li mhemmx apprezzament biżżejjed lejhom.

Ejja nħalluhom joktru u jiżdiedu biex jgħinuna, għaliex kif tgħidilna kull siġra: Mingħajri ma tgħaddix.

 

PS Il-video u d-diska kollha jitpoġġew aktar ‘l quddiem

aebaldacchino@gmail.com 

 


IS-SIĠAR TAGĦNA

July 22, 2018

Il-Ħadd, 22 ta’ Lulju, 2018

Alfred E. Baldacchino

Naħseb li ma nkunx ‘l bogħod mill-verità meta ngħid li s-siġar tagħna għaddejjin minn żmien li ma tantx hu sabiħ. Dan minħabba li ma tantx hawn tagħlim uffiċjali fuq l-apprezzament u l-ħtieġa tal-ħarsien li dawn għandhom bżonn. Aħna għandna bżonnhom għaliex, fost affarijiet oħra, huma jagħtu l-ossiġenu u jnaqqsu d-diossidu tal-karbonju li tant qiegħed jagħmel ħsara lill-ekosistema, tant li qed iwassal biex ibiddel il-klima tad-dinja, kif qed naraw u anki nħossu. Din il-bidla qed tifni u tħarbat l-ekosistema.

B’dieqa kbira naraw numru kbir ta’ siġar li qed jinqerdu minħabba n-nuqqas ta’ dan l-apprezzament. Nafu b’siġar li nqerdu għaliex jew iwaqqgħu l-weraq, jew għax iġibu l-għasafar u dawn iħammġu taħthom, jew għax qed jagħttu l-veduta u wieħed u ma jkunx jista’ jara n-nar tal-festa jew l-istatwa ħierġa u dieħla ġewwa l-knisja, jew għax qed jagħmlu l-ħsara lill-bankina, jew għax iċ-ċaqliq tal-friegħi jfixklu l-istudenti ġewwa l-klassi u issa smajna wkoll li l-għeruq tagħhom deħlin f’xi kmamar tas-sodda. X’għarukaza hux!

Min ma jaqbilx li s-siġar għaddejjin minn żmien ikrah, u n-numru tas-siġar Maltin xjuħ u maturi qiegħed dejjem jonqos, allura ma jkollix għajr ngħid li dan veru jobgħod is-siġar. Saħansitra nqerdet siġra tal-ballut li kellha qrib il-mitt sena u oħra tal-ħarrub li kellha tlett mitt sena biex floka jinbena’ garaxx.

U meta wieħed jiftakar li dan kollu sar bil-barka ta’ min suppost iħares, jgħallem u jindokra s-siġar u l-ambjent tagħna allura bilfors wieħed jgħid li s-siġar tagħna għadejjin minn żmien ikrah.

Suġġerimenti dwar is-siġar u l-apprazzementi tagħhom dejjem għamilt u se nerġa nagħmel. L-għarfien u l-imħabba tas-siġar Maltin qegħdin dejjem jiżdiedu, kemm minn xi għaqdiet mhux governattivi, kif ukoll mill-pubbliku. Sfortunatament imma mhux mill-entitajiet uffiċjali.

Dan qed iwassal biex tikber it-talba għal siġar Maltin mkabbrin miż-żerriegħa meħuda minn siġar Maltin li ilhom jikbru f’pajjizna. Tant illi dawk li jkabbru dawn is-siġar mingħajr ebda għajnuna uffiċjali ta’ ħadd, mill-ewwel isibu min jixtri dawn is-siġar minkejja li jkunu għadhom żgħar.

Ma nistax nifhem għaliex milli jidher il-ministeru u l-awtorita’ tal-ambjent ma jaqblux ma’ dan. Dan għaliex sa issa għadhom ma ħadu l-ebda inizzjattiva biex jilqgħu għal din it-talba ta’ ħarsien u għajnuna biex siġar Maltin jitkabbru minn żerriegħa ta’ siġar li jikbru f’pajjiżna.

Illum insibu numru ta’ għaqdiet mhux governattivi u numru ta’ persuni kkwalifikati li kollha għandhom esperjenza u anki kwalifiċi terzjarji fit-tnissil ta’ siġar Maltin. Dawn kollha qed jagħmlu ħilithom u jkabbru dawn is-siġar. Nerġa ngħid li dawn qed jagħmlu dan mingħajr ebda għajnuna uffiċjali, u b’sagriffċji kbar, imma bi mħabba kbira lejn is-sigar u l-ambjent naturali Malti. Mhu qed jagħamlu xejn għalihom infushom jew biex jieħdu xi ħaġa lura.

Kif nista’ nifhem ukoll, il-ministeru għandu rizorsi finanzjarji biżżejjed biex jgħin u jintlaħaq dan il-għan. Mit-tagħrif ta’ dawn l-aħħar xhur, il-ministeru qassam lil xi kunsilli lokali madwar €30,000 kull wieħed, biex dawn jixtru siġar eżotiċi u wħud anki invażivi, biex isebbħu r-raħal tagħhom. Dawn ir-riżorsi finanzarji setgħu jintużaw b’aktar għaqal.

Li kieku tqassmu bil-kunidizzjoni li dawn għandhom jintużaw biex jitkabbru siġar Maltin imnissla minn dawk is-siġar Maltin li diġà jikbru fil-gżejjer tagħna u li dawn wara setgħu anki jinbiegħu bi prezz nominali lil Ministru meta jikbru, kieku kien ikollu riżultati ferm u ferm akbar milli jintużaw biex jinxtraw sigar importati. Riżultati aħjar kemm fil-qasam edukattiv u dak soċjali, ekoloġiku u finanzarju. Minbarra hekk, il-flus li kienu jmorru barra minn Malta, kienu jibqgħu hawn Malta u jkollhom aktar riżultat kbir u sostenibbli (multiplier effect).

Dawn id-deċiżjonijet għaqlin kienu wkoll jgħinu biex iwaqqfu kull biża li siġar importati ma jdaħħlux magħhom mard u speċi oħra invażivi bħal ma ġara fil-każ tal-bumanqar aħmar tal-palm, il-ħanfusa tal-qrun twil tas-siġar tat-tut u speċi oħra li qed jattakkaw u joqtlu numru ta’ siġar oħra bħall-ħarrub, tin, tut, u ċawsli. Bħalissa hemm marda qerried fl-Italja Xytella fastidiosa li allaħares tidħol hawn għax il-ħsara ekoloġika, ekonomika u soċjali li jkollha ma jkun jista’ jwaqqafha ħadd.

Ma nistax ma ngħidx li s-siġar importati bħal dawk indiġeni Maltin iwassal wkoll biex iniġġsu l-għaġna ġenetika tas–siġar Maltin li minn dejjem kienu jikbru f’pajjiżna.

Is-siġra tar-riħan bil-fjuri. Sfortunatament l-importazzjoni minn barra minn Malta ta’ din is-siġra qegħda tniġġes l-għaġna ġenetika ta’ dik Maltija.

 

Hawn numru ta’ individwi u entitajiet oħra li huma lesti u li jixtiequ li jkollhom għajnuna biex ikomplu jgħinu fit-tnissil tas-siġar Maltin u l-ħarsien u l-apprezzamnet tal-ambjent Malti tagħna ukoll. Imma din l-għajnuna ma tinstabx la mill-ministeru u lanqas mill awtorità tal-ambjent.

Il-qerda tas-siġar Maltin xjuħ u maturi u d-dħul tas-siġar importati għandu aktar għan kummerċjali milli xi viżjoni ekoloġika u għalhekk li nsibha diffiċli ħafna li nifhem lill-ministeru u l-awtorità tal-ambjent kif dawn m’humiex jieħdu ebda azzjoni professjonali biex jintlaħaq dan il-għan, li suppost huwa l-għan tal-ministeru u tal-awtorità tal-ambjent stess.

Ir-riżorsi finanzjarji li qed jintużaw b’aktar minn €8 miljun fis-sena u li bihom qed isir xogħol mingħajr ebda viżjoni ekoloġikka u bl-approvazzjoni tal-ministeru u l-awtorità tal-ambjent, jistgħu jintużaw f’għajnuna lokali mhux biss ta’ ġid għal ekosistema Maltija, inkluż is-siġar, imma anki biex jiżdied it-tagħlim u t-tisħiħ tal-kuxjenza pubblika u anki jwasslu biex jinbtu oqsma kummerċjali privati f’dan il-qasam, imsejsa fuq għanijiet ekoloġiċi professjonali.

Meta naħseb fuq kemm-il siġra indiġena Maltija jirnexxilhom ikabbru minn sena għal oħra t-tfal tal-iskejjel primarji, nistaqsi x’għandhom aħjar u aktar minna l-mixliet barranin minn fejn jiġu importati s-siġar. Forsi l-Maltin mhux kapaċi jkabbru dawn is-siġar? Forsi l-Maltin mhux intelliġenti biżżejjed biex jagħmlu dan? Jew forsi għax il-ministeru u l-awtorità tal-ambjent ma jridux li jaraw Maltin jgħatu sehemhom biex ikabbru siġar Maltin hawn Malta stess? Jew forsi għax hemm xi ħadd ieħor li ma jixtieqx li jara l-Maltin jitgħallmu u jgħinu u jagħtu sehemhom biex huma wkoll ikollhom minn fejn jaqilgħu biżżejjed biex jgħixu billi jkabbru siġar Maltin mnissla minn dawk lokali?

Naħseb li l-mixliet ta’ barra minn Malta żgur għadhom rieda akbar milli jidher li għandna aħna hawn Malta. Din il-viżjoni għandha tkun fuq nett fuq l-aġenda tal-ministeru u l-awtorità tal-ambjent jekk verament iridu jħarsu l-ambjent naturali Malti u jedukaw il-poplu biex jilħaq dan il-għan.

Il-ministeru u l-awtorità tal-ambjent jistgħu jużaw ir-riżorsi finanzjarji, li bħalissa qed jinħlew fuq l-irjus, billi jiftehmu mal-università ta’ Malta, aktar u aktar meta r-rettur qiegħed fuq il-bord tal-awtorità. Dan jista’ jwassal biex il-ministeru juża’ r-riżorsi tiegħu aħajr billi jgħin lill-università ta’ Malta toffri studji professjonali biex dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw f’dan il-qasam, bħal ngħidu aħna l-immaniġġar tas-siġar, iż-żbir, it-tisbiħ tal-art professjonali u ekoloġiku, u studji oħra ġenetiċi fuq il-flora ta’ Malta. Imma mid-dehra ma hemm l-ebda viżjoni la minn naħa u lanqas mill-oħra, sakemm ma hemmx xi deċiżjoni li dan ma għandux isir.

Hawn numru ta’ individwi li jixtiequ jkomplu bl-istudju tagħhom fuq dan is-suġġett, imma minħabba li dan l-istudju mhux offrut fl-università tagħna, ikollhom iħabbtu bibien barranin u ma għandniex xi ngħidu jridu jaraw kif sejrin jagħmlu biex iħallsu l-ispejjes li hemm bżonn.

Din hija l-viżjoni tiegħi għall-ekosistema Maltija. Biex insiru aktar professjonali, aktar nuru mħabba lejn il-biodioversità Maltija, u mhux nibqgħu nħallu d-dilettantiżmu jmexxi hu. Imma sfortunatment ikolli ngħid li l-ministeru u l-awtorità responsabbli mill-ambent qisu dan ma jinteressahomx. Kieku jinteressahom, kieku ilhom li ħadu passi fuq dan jekk iridu li l-ambjent Malti ma jkomplix jitmermer u jinqered.

Bit-€8 miljuni fis-sena, li sa issa ntefqu (€8 x 15 = €120 miljun) u b’riżorsi finanzjarji oħra li qed jonfoq il-ministeru mingħajr ebda viżjoni ekoloġika, altru li hemm riżorsi biżżejjed biex dawn l-għanijiet jintlaħqu. Imma l-ministru u l-awtorità tal-ambjent iridu li nimxu ‘l quddiem b’mod professjonali, skont obbligi internazzjnali, biex nilħqu dan il-għan? U jridu jaraw il-poplu Malti jserraħ rasu li l-ambjent naturali ta’ pajjiżna jkun imħares b’mod professjonali? Milli jidher ma tidher l-ebda rieda. U nistaqsi: dan għaliex?

aebaldacchino@gmail.com