It-tagħlim tar-reliġjonijiet u l-ambjent – 9

March 16, 2015

NewsBook

it-Tnejn, 16 ta’ Marzu, 2015

It-tagħlim tar-reliġjonijiet u l-ambjent – 9

Alfred E. Baldacchino

Matul din in-nisġa ta’ ħsibijiet dwar it-tagħlim tar-reliġjonijiet u l-ambjent, rajna x’qalu, jew x’qed jgħidu, mexxejja spiritwali fuq l-ambjent. Mexxejja mhux biss ta’ reliġjonijiet li jemmnu f’Alla wieħed biss, bħal dik Kattolika, Musulmana u Ġudaista, imma anki minn mexxejja spiritwali ta’ komunitajiet u nies indiġeni. Kif rajna t-tagħlim ta’ dawn jaqbel wieħed mal-ieħor, għalkemm mitkellem b’mod mhux l-istess. Kollha jgħallmu r-responsabbiltà li l-bniedem għandu lejn l-ambjent li qiegħed iwieżnu.

15---little_boy_quote

Huwa xieraq u sewwa li nagħlaq din is-sensiela bit-tagħlim tal-mexxej spiritwali tar-reliġjon tagħna, għalanqas tiegħi: il-Q.T. il-Papa Franġisku. Forsi l-kliem u t-tagħlim tiegħu jagħmel aktar sens u għandu aktar saħħa meta wieħed iqis li dan il-Papa ħa l-isem ta’ San Franġisk: il-qaddis patrun tan-natura, jew tal-ambjent, jew kif ngħidilha llum, il-biodiversità.

Diġa rajna xi tagħlim u kliem ta’ dan il-Papa li għamel impatt kbir fuq it-tagħlim tar-reliġjon Kattolika dwar l-ambjent. It-tħassib tal-Papa Franġisku fil-qasam ta’ ġustizzja ekonomika u d-dinjità tal-bniedem, huwa l-istess bħal dawk tal-papiet ta’ qablu: Benedittu, Ġwann Pawlu II, Piju XI u Ljun XII.

B’dinjità, it-tagħlim kattoliku soċjali, jfisser li kull persuna għandha valur, u dan jitlob rispett kbir u għalhekk kull persuna għandha tkun ħielsa minn kull skjavitu, manipulazjoni u esplojtazzjoni. Din id-dinjità l-Papa Franġisku jaraha li tinsab mhedda l-ħin kollu f’din id-dinja. Imma l-messaġġ ta’ Papa Franġisku huwa aktar b’saħħtu minn hekk.

Jgħid b’konvinzjoni li s-soliderjatà (għaqda li torbot lis-soċjetà flimkien bħala ħaġa waħda) mal-umanità hija meħtieġa u marbuta mad-dinjità tal-bniedem. Għalhekk id-dinjità u s-solidarjetà jimxu id f’id. Id-dinjità tal-bniedem mhux biss il-ħarsien tal-individwi, imma hija wegħda li wieħed jagħmel ħiltu biex iħares il-ġid komuni ta’ kulħadd. Dan jispjegah fit-tagħlim tiegħu dwar il-ferħ tal-vanġelu (Evangelii Gaudium) fejn iħeġġeġ u jagħmel kuraġġ lill-Knisja u lid-dinja biex tibda paġna ġdida fit-tixrid ta’ tagħrif dwar it-twemmin u r-responsabbiltajiet tal-fidi Kattolika.

B’ħarsa ’l barra mill-Knisja, il-Papa Franġisku jċanfar is-sistema ekonomika tal-lum bħala waħda “inġusta mill-għeruq”, u hija msejsa fuq it-tiranija tas-suq, fejn l-ispekulazzjoni finanzjarja, il-korruzzjoni wiesgħa, u l-ħarbien mit-taxxa, jsaltnu bla kontrol.

Jgħid li “il-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull sistema ekonomika, u kull ħaġa oħra għandha tkun biex taqdi l-bniedem”. Imma fis-sistema ekonomika tal-lum, il-flus huma fiċ-ċentru, u l-flus saru l-alla tiegħu. Il-bniedem waqa’ fid-dnub tal-idolatrija – idolatrija tal-flus. Tant, ikompli jgħid, li fl-ekonomiji kbar tad-dinja, il-bniedem ġie sagrifikat f’riġlejn l-alla tal-flus. U din il-viżjoni fejn il-flus saru l-alla tas-sistema ekonomika, toħnoq il-kobor tal-ħsibijiet għonja kollha differenti u hekk toħnoq ukoll il-kobor tad-djalogu bejn il-ġnus. Tant li l-ekonomija tgħix fuq il-qligħ mill-gwerrer illum, u naħseb li mhux diffiċli li wieħed jgħaraf dan meta jgħati ħarsa ħafifa madwar il-dinja, jew imqarr jiftaħ ġurnal wieħed.

16--sistema-ekonomika

Fi kliem iebes, qal li “dak li jgħati gost lil uħud għas-spejjeż ta’ ħaddiehor, jispiċċa biex jeqred lit-tnejn.” Kull moviment ġdid politiku, jew ekonomiku, isir korrott daqs dak ta’ qablu jekk wieħed ma jkunx fehem u tgħallem xi tfisser is-solidarjetà. Dan jispjegah fl-Evangelii Gaudium.

Din is-sistema ekonomika tant ħakmet lill-bniedem, tant il-bniedem huwa mitluf fil-ġieh li qed jgħati il dan l-alla ġdid tal-flus, li mhux biss l-ambjent huwa stuprat u abbużat, imma anki l-ħlejjaq li dan iwieżen huma mkażbra. Saħansitra, anki kif semma’ il-Papa, iż-żagħżagh huma mormija sa mit-tnissil tagħhom, u l-anzjani huma mwarrba għaliex dawn ma baqgħalhomx aktar użu. B’ċerta dieqa, wieħed ukoll jista’ jara l-għarsiet li telgħin minn żerriegħa ta’ din il-mentalità anki f’pajjiżna.

Kif spjega fl-Evangelii Gaudium, “id-dinjità ta’ kull persuna individwali u l-ġid komuni għandhom ikunu is-sodda li fuqha għandha tissawwar kull politika ekonomika”. Kull ħajja politika miftuma u mhux imsejjsa fuq responsabiltajiet soċjali, twelled inġustizzji soċjali, kif ukoll kapitaliżmu bla kontrol li jfarrak kemm il-ħajja ekonomika kif ukoll dik soċjali. Il-ħarsien tal-ġid komuni huwa l-akbar responsabbiltà tal-komunità politika. U għalhekk il-Papa jgħid li l-politika “hija vokazzjoni nobbli u waħda mill-aktar attivitajiet għolja ta’ karità, jekk u meta din tfittex il-ġid komuni”.

F’intervista li l-Papa ta lill-gazzetta Spanjola La Vanguardia qal li “d-dinja tagħna ma tistax tkompli ġġarrab aktar. Is-sistema ekonomika globali tagħna ma tistax tkompli taħdem.” U “Qed narmu ġenerazzjoni sħiħa biex nitimgħu sistema ekonomika li ma tiflahx aktar – sistema li biex tkompli tgħix trid tqajjem gwerrer, kif imperi kbar dejjem għamlu”. Iva, “l-ekonomija hija misjuqa minn kilba li dejjem trid aktar, u paradossikament, titma’ kultura mormija”.

Mhux ta’ b’xejn li dawk li ma huma xebgħana qatt minn dak li għandhom, jostru dak li jiġi għal idejhom minn għajnejn is-soċjetà li fdathom bir-responsabbiltà tal-ħarsien tal-ġid komuni. U saħansitra hemm ukoll minn jostorhom ’l bogħod minn xtutu għax iħossu aktar komdu li mhu sejjer ikun jaf bihom ħadd. Dan jivvendika dak li qal il-Papa Franġisku. Għalhekk wieħed ma jistagħġebx meta jisma’ lil xi wħud li qegħdin f’din il-keffa, jgħajjru l-Papa Marxista, kif għamlu individwi midħla ta’ sistema kapitalista fejn is-soċjetà u l-ambjent huma biss għodda biex bihom jistagħnaw huma.

Għalkemm il-Papa Franġisku qiegħed isir aktar magħruf u maħbub, u milqugħ bħala ragħaj li qed imexxi lejn is-sħubija tal-ekonomija, tas-soċjetà u tal-ambjent, mhux kulħadd huwa ferħan bih. Kif jgħid G K Chesterton, kull medda ta’ snin ikollha l-qaddis li jkun meħtieġ, mhux il-qaddis li n-nies iridu, imma qaddis li jkollhom bżonn. Dan jidher li japplika sewwa għall-Papa Franġisku.

14---Papa-Frangisku-jekk-inti-nisrani

Il-Papa ħeġġeġ għar-rispett lejn il-ħolqien kollu, meta qal li aħna: “aħna msejħa biex inħarsu u nipproteġu d-dinja fraġli li ngħixu fiha.” Alla jtih l-għomor u s-saħħa biex imexxi għall-ġid tas-soċjetà, tal-ambjent u tal-ekonomija dinjija f’armonija bejniethom, u jsib l-għajnuna kollha minn dawk ta’ rieda tajba biex jilħaq dan il-għan għall-ġid ta’ din id-dinja li tweżinna.

aebaldacchino@gmail.com

 

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3   http://wp.me/pL6Mk-Of

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4   http://wp.me/pL6Mk-Oq

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 5    http://wp.me/pL6Mk-OR

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6    http://wp.me/pL6Mk-Pk

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 7    http://wp.me/pL6Mk-Q1

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 8    http://wp.me/pL6Mk-Qa

 

 

Advertisements

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 7

February 9, 2015

NewsBook

it-Tnejn, 9 ta’ Frar, 2015

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 7

Alfred E. Baldacchino

Qawmien spiritwali ġdid – Il-Q.T. il-Papa Franġisku

Il-Q.T. il-Papa Franġisku mhux biss ha l-isem ta’ San Franġisk magħruf għall-imħabba u r-rispett tiegħu lejn il-biodiversità, imma qiegħed jimxu wkoll fuq il-passi tiegħu. Il-Q.T. il-Papa Franġisku għamel appell għar-rispett tal-ħolqien li “aħna llkoll aħna msejħa biex inħarsu u niproteġu d-dinja fraġli li qed ngħixu fiha”.

Fl-ewwel enċiklika tieghu Evangelii gaudium il-ferħ tal-evanġelju – il-Q.T. il-Papa Franġisku jgħid li l-isfida fil-qasam ekoloġiku hija fundamentali għall-ħajja Kristjana tal-lum. L-ekoloġija hi parti meħtieġa tal-misteri tal-fidi.

Huwa mifhum li l-Papa qatta’ xhur iħejji Enċiklika fuq il-ħolqien u r-rispett tal-ambjent u din mistennija titħabbar matul l-2015. Huwa mifhum wkoll li għandu l-għajnuna tal-superjur ġenerali tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri, ir-Rev. Michael Anthony Perry, li għamel enfasi li kulħadd, kemm dawk li jemmnu, kif ukoll dak li ma jemmnux, għandhom jaħdmu bil-għan biex iħarsu l-ambjent.

7-Papa-Frangisku

Minħabba raġunijiet li ssemmew ukoll mill-Papiet ta’ qablu, il-Q.T. il-Papa Franġisku ċanfar is-sitema ekonomika tal-lum. Spjega li din it-tip ta’ ekonomija toqtol, għaliex din hija maħkuma mill-kunċett li minn hu l-aqwa jħawwel. Din sejhilha “inġusta mill-għeruq” u din, skont il-Q.T. il-Papa, twelled tiranija ġdida ta’ suq bla kontrol, fejn l-ispekulazzjoni finanzjarja, korruzzjoni wiesgħa u s-saltna ta’ evażjoni tat-taxxi huma fuq quddiem. Il-Q.T. il-Papa appella għar-rispett tal-ħolqien kollu li aħna “mgħajtin biex inħarsu u nipproteġu d-dinja fraġli li ngħixu fiha”.

Il-Q.T. il-Papa Franġisku kien iebes ħafna meta qal li “is-sistema ekonomika dinjija tagħna ma tiflaħx aktar. Qegħdin inwarrbu generazzjoni sħiħa biex nitimgħu sistema ekonomika li ma tistax tkompli taħdem”.

Ma għandniex xi ngħidu li dawk li l-interess tagħhom huwa msejjes fuq sistema kapitalista kif infissra mill-Q.T. il-Papa, mill-ewwel ħarġu jikkritikaw, mhux lill-ħsieb tiegħu imma lilu personali, fejn saħansitra għajruh Marxista. U kummenti b’dan ix-xebh smajnihom anki f’pajjiżna.

Bi qsim il-qalb wieħed ma jistax ma jaqbelx li din hija l-xejra li qed taħkem id-dinja llum. L-etika u l-morali saru xi ħaġa tal-passat. U mhux hekk biss imma dawk li ma għandhom l-eda ħjiel ta’ morali u etika, iħossuhom kburin bin-nuqqas ta’ dawn it-tiżjin uman. Il-kilba tal-poter u l-materjaliżmu ma għandhom l-ebda limitu. Saħansitra naraw, naqraw, u nisimgħu fuq il-mezzi tax-xandir li hemm minn bla mistħija, u bla mgħodrija, jgħoxa jħanxar irjus ta’ bnedmin oħra. U biex wieġħedjaakemmwaqa’ fil-baxx il-0bniedem, jgħid li qed dan qed jagħmlu f’isem Alla.

Pajjiżna jagħmel parti kemm mis-sistema ekoloġika, kif ukoll mill-firxa kummerċjali internazzjonali, u minħabba ċ-ċokon tagħna huwa aktar eħfef li jinġarr mal-kurrent tal-forzi internazzjonali kummerċjali, kif diġa hemm ħjiel ta’ dan.

Imma fuq it-tagħlim u l-qawmien spiritwali lokali nitkellmu f’artiklu ieħor.

aebaldacchino@gmail.com

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3   http://wp.me/pL6Mk-Of

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4   http://wp.me/pL6Mk-Oq

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 5    http://wp.me/pL6Mk-OR

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6    http://wp.me/pL6Mk-Pk