Socjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija 2013
Il-Ħannewija (Achantus mollis) Bear’s breeches
Alfred E. Baldacchino
Il-ħannewija hija pjanta indiġena fir-reġjun tal-Mediterran u tinfirex mill-Portugal u l-majjistral tal-Afrika sal-Kroazja. Hija pjanta indiġena wkoll fil-gżejjer Maltin, fejn tħaddar is-sena kollha u tikber minn sena għall-oħra minn riżoma, li tixbah għerq taħt l-art.
L-isem xjentifiku ta’ din il-pjanta Acanthus mollis ġej mill-Grieg u mil-Latin. Acanthus tfisser xewka, minħabba l-weraq modifikati (sepals) iniggżu li jdawru l-fjura, filwaqt li mollis ġejja mil-Latin minħabba l-weraq lixxi tagħha.
Weraq, fjuri, u żerriegħa
Il-ħannewija togħla bejn 30 u 80 ċm, saħansitra 180 ċm bit-tul tal-fjuri. Hi tifrex madwar metru wiesa’. Il-weraq jinħassu rotob meta tmisshom, u jikbru mill-qiegħ tal-pjanta. Huma ħodor skuri jleqqu, u matul parti mix-xifer tagħhom sa nofs il-werqa jkollhom qtugħ qishom swaba’. Il-weraq huma madwar 40 ċm twal b’25 ċm wiesa’ u jikbru fuq għonq twil.

Il-fjuri tal-ħannewija
Il-fjuri sbieħ tagħha, li jistgħu jdumu jwarrdu għal madwar ħmistax-il ġurnata, huma vjola u bojod u jikbru fuq magħseb dritt u twil. Wieħed jista’ jara dawn il-fjuri minn madwar Marzu sa Ġunju. Ġo fihom hemm erba’ għenuq irġiel li fil-ponta tagħhom iġorru t-trab tad-dakkra, u li jixbhu pniezel żgħar. L-istess fjuri jġorru l-ovarji nisa li jagħtu bidu biex isawru ż-żerriegħa. Il-fjuri jkunu mdakkra permezz tan-naħal u tal-bombli (bumble bees) li huma kbar u b’saħħithom biżżejjed biex jidħlu fil-fjura sabiex jilħqu l-għasel fil-qiegħ tagħha.
Dan il-bukkett fjuri jikber fuq magħseb tond għoli bejn 30 sa 40 ċm, li jista’ jkollu fuqu sa 120 fjura. Il-fjuri li fihom 5 ċm, huma f’għamla ta’ tubu, bil-petali bojod b’vini vjola fir-roża. Dawn ikunu mdawra bi tliet werqiet, ħodor jew vjola skur, dik tan-nofs tkun tniggeż aktar mit-tnejn l-oħra. Kull waħda minn dawn għandha par xofftejn: ta’ fuq tkun vjola.
Il-frotta tal-ħannewija hija ovali forma ta’ bajda, bil-parti l-aktar wiesgħa n-naħa tal-magħseb. Meta din tinxef tinqasam u tinfetaħ biex iż-żerriegħa tkun tista’ titferrex. Xi drabi jkunu sparati ‘l barra.
Ambjent naturali
Il-ħannewija tħobb postijiet kennija b’ħamrija mrammla jew inkella ħamrijia sinjura, u tista’ tikber ukoll f’ħamrija taflija. Tikber f’postijiet xemxija, għalkemm fi klima sħuna tagħżel postijiet kważi dejjem imdella. Pjanti xjuħ lanqas jiddejqu f’ħamrija niexfa jew niedja u jifilħu wkoll għan-nixfa. Il-ħannewija tiflaħ temperaturi baxxi sakemm l-għerq ewlieni jkun magħmul u jikber f’’art li toskula l-ilma. Imma l-ħannewija ma tħobbx ħamrija mgħarrqa fl-ilma u lanqas tħobb tgħaddi x-xitwa f’’ħamrija dejjem imxarrba. Tinsab tikber kemm fi nħawi dellija kif ukoll taħt siġar ħorfija, jiġifieri, siġar li jinżgħu mill-weraq fix-xhur xitwin.
Sakemm taqbad, il-ħannewija tieħu madwar sentejn, iżda mbagħad tissaħħaħ sewwa u togħla. Il-weraq jitfaċċaw mill-art u jikbru b’saħħithom madwar xulxin, u minn nofshom jitfaċċaw il-fjuri.
Storja u kultura
Il-ħannewija hija pjanta magħrufa biex iżżejjen u tintuża wkoll fil-ġonna. Hija waħda mill-ewwel pjanti li ġew ikkultivati. Kienet tintuża ħafna mill-Griegi u mir-Rumani li kienu wkoll ikabbruha fil-ġonna tagħhom. Il-ħannewija hija mfittxija ħafna minn dawk li jużaw il-pjanti biex isebbħu l-art, għalkemm sfortunatament mhux f’Malta. Hija meqjusa wkoll bħala simbolu tal-immortalità, u minħabba f’hekk tinsab imnaqqxa ukoll fuq lapidi fiċ-ċimiterji.

Fdalijiet Rumani f’Jerash, il-Ġordan, juru l-irjus tal-kolonni mnaqqxa bil-weraq tal-ħannewija
Saħansitra il-weraq tagħha nebbħu wkoll lid-disinjaturi li naqqxuha fl-għamara, f’manuskritti mpinġija, fil-ġojjellerija, f’xogħol tal-metal, injam, xogħol tal-fidda, ċeramika, stokk u disinji fuq il-ħitan, u anki f’arkitettura klassika. Naraw li l-werqa tal-ħannewija hija waħda mid-disinji l-aktar użati mill-qedem sal-aħħar tas-seklu dsatax, jekk mhux aktar. Tant kellha seher fil-passat din il-pjanta li l-istudjużi tal-istorja huma tal-fehma li l-weraq tagħha kienu l-qofol tad-disinn fl-irjus tal-kolonni fl-arkitettura Grec0-Rumana. Skont manuskritti Rumani, disinji tal-weraq tal-ħannewija l-ewwel li ntużaw fl-arkitettura stil Korintu fuq ir-ras tal-kolnonni. Din kienet ukoll użata bi ftit tibdil fl-arti Kristjani u f’dik Biżantina. Wieħed jista’ jara din użata b’sengħa kbira f’xi knejjes f’Firenza, fl-Italja.
Mediċina tradizzjonali
Bħal ħafna pjanti oħra, il-weraq u I-għeruq tal-ħannewija wkoll kienu użati fil-mediċina tradizzjonali.
Taħlita magħmula mill-ħannewija kienet tindilek fuq il-ġogi biex tgħin il-muskoli u l-ligamenti jinġibdu jew jintreħew u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibu l-post naturali tagħhom fil-ġisem.
Il-weraq imfarrak tal-ħannewija kien jintuża bħala ġbara biex itaffi l-ħruq u l-partijiet mismuta fil-ġisem. Kimika karatteristika tagħha kienet ukoll tintuża biex ittaffi nħawi irritati ġewwa l-kanal tal-ikel u postijiet sensittivi oħra tal-ġisem.
IrRumani wkoll kienu jgħallu l-għeruq biex jagħmlu ġbajjar biex jikkuraw ħruq, għadam imfekkek, gotta u kontra t-telf tax-xagħar.
Tant kienet użata bħala mediċina tradizzjonali fil-passat li f’xi kunventi qodma fl-Ewropa għadha tinstab tikber filġonna fi rqajja’ tal-ħxejjex mediċinali.
Tnissil
Il-ħannewija tista’ titnissel miż-żerriegħa hekk kif din tkun saret. Din tnibbet wara xi tlieta jew erba’ ġimgħat u meta n-nibbieta tkun kbira biżżejjed biex tintrefa’, għandha titħawwel waħda waħda f’qasira. Wara madwar sentejn tista’ titħawwel fl-art tard fir-rebbiegħa jew kmieni fis-sajf. Tista’ wkoll titnissel billi jittieħdu biċċiet mir-riżoma. Dawn il-biċċiet għandhom jittieħdu tard fil-ħarifa jew kmieni fix-xitwa u wara ftit gimgħat li jitpoġġew fuq il-ħamrija jidhru lweraq.
Użu fil-ġonna
Barra minn pajjiżna il-ħannewija tintuża ħafna fil-ġonna u anki fit-tisbiħ ta’ artijiet pubbliċi. Dan jista’ ukoll jibda’ jsir f’pajjiżna u filwaqt li ssebbaħ fejn titħawwel, tgħin ukoll biex tqajjem kuxjenza aktar b’saħħitha favur l-apprezzament tal-wirt naturali Malti, kif ukoll tgħin biex ma jinħlewx riżorsi u hekk dawn ikunu jistgħu jintużaw aħjar.

Barra minn Malta, il-ħannewija, iżżejjen il-ġonna pubbliċi bil-weraq kbar u l-fjuri sbieħ tagħha.
Fil-madwar tal-Mosta il-ħannewija tista’ titkabbar, fost oħrajn, quddiem iċ-ċentru ċiviku ħdejn il-knisja, u anki ngħidu aħna, fil-gżejjer tat-traffiku mdaqqsa li hemm kif wieħed ikun dieħel jew kif ikun ħiereg mill-Mosta, u anki matul Vjal lIndipendenza.
aebaldacchino@gmail.com