It-tagħlim tar-reliġjonijiet u l-ambjent – 9

March 16, 2015

NewsBook

it-Tnejn, 16 ta’ Marzu, 2015

It-tagħlim tar-reliġjonijiet u l-ambjent – 9

Alfred E. Baldacchino

Matul din in-nisġa ta’ ħsibijiet dwar it-tagħlim tar-reliġjonijiet u l-ambjent, rajna x’qalu, jew x’qed jgħidu, mexxejja spiritwali fuq l-ambjent. Mexxejja mhux biss ta’ reliġjonijiet li jemmnu f’Alla wieħed biss, bħal dik Kattolika, Musulmana u Ġudaista, imma anki minn mexxejja spiritwali ta’ komunitajiet u nies indiġeni. Kif rajna t-tagħlim ta’ dawn jaqbel wieħed mal-ieħor, għalkemm mitkellem b’mod mhux l-istess. Kollha jgħallmu r-responsabbiltà li l-bniedem għandu lejn l-ambjent li qiegħed iwieżnu.

15---little_boy_quote

Huwa xieraq u sewwa li nagħlaq din is-sensiela bit-tagħlim tal-mexxej spiritwali tar-reliġjon tagħna, għalanqas tiegħi: il-Q.T. il-Papa Franġisku. Forsi l-kliem u t-tagħlim tiegħu jagħmel aktar sens u għandu aktar saħħa meta wieħed iqis li dan il-Papa ħa l-isem ta’ San Franġisk: il-qaddis patrun tan-natura, jew tal-ambjent, jew kif ngħidilha llum, il-biodiversità.

Diġa rajna xi tagħlim u kliem ta’ dan il-Papa li għamel impatt kbir fuq it-tagħlim tar-reliġjon Kattolika dwar l-ambjent. It-tħassib tal-Papa Franġisku fil-qasam ta’ ġustizzja ekonomika u d-dinjità tal-bniedem, huwa l-istess bħal dawk tal-papiet ta’ qablu: Benedittu, Ġwann Pawlu II, Piju XI u Ljun XII.

B’dinjità, it-tagħlim kattoliku soċjali, jfisser li kull persuna għandha valur, u dan jitlob rispett kbir u għalhekk kull persuna għandha tkun ħielsa minn kull skjavitu, manipulazjoni u esplojtazzjoni. Din id-dinjità l-Papa Franġisku jaraha li tinsab mhedda l-ħin kollu f’din id-dinja. Imma l-messaġġ ta’ Papa Franġisku huwa aktar b’saħħtu minn hekk.

Jgħid b’konvinzjoni li s-soliderjatà (għaqda li torbot lis-soċjetà flimkien bħala ħaġa waħda) mal-umanità hija meħtieġa u marbuta mad-dinjità tal-bniedem. Għalhekk id-dinjità u s-solidarjetà jimxu id f’id. Id-dinjità tal-bniedem mhux biss il-ħarsien tal-individwi, imma hija wegħda li wieħed jagħmel ħiltu biex iħares il-ġid komuni ta’ kulħadd. Dan jispjegah fit-tagħlim tiegħu dwar il-ferħ tal-vanġelu (Evangelii Gaudium) fejn iħeġġeġ u jagħmel kuraġġ lill-Knisja u lid-dinja biex tibda paġna ġdida fit-tixrid ta’ tagħrif dwar it-twemmin u r-responsabbiltajiet tal-fidi Kattolika.

B’ħarsa ’l barra mill-Knisja, il-Papa Franġisku jċanfar is-sistema ekonomika tal-lum bħala waħda “inġusta mill-għeruq”, u hija msejsa fuq it-tiranija tas-suq, fejn l-ispekulazzjoni finanzjarja, il-korruzzjoni wiesgħa, u l-ħarbien mit-taxxa, jsaltnu bla kontrol.

Jgħid li “il-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull sistema ekonomika, u kull ħaġa oħra għandha tkun biex taqdi l-bniedem”. Imma fis-sistema ekonomika tal-lum, il-flus huma fiċ-ċentru, u l-flus saru l-alla tiegħu. Il-bniedem waqa’ fid-dnub tal-idolatrija – idolatrija tal-flus. Tant, ikompli jgħid, li fl-ekonomiji kbar tad-dinja, il-bniedem ġie sagrifikat f’riġlejn l-alla tal-flus. U din il-viżjoni fejn il-flus saru l-alla tas-sistema ekonomika, toħnoq il-kobor tal-ħsibijiet għonja kollha differenti u hekk toħnoq ukoll il-kobor tad-djalogu bejn il-ġnus. Tant li l-ekonomija tgħix fuq il-qligħ mill-gwerrer illum, u naħseb li mhux diffiċli li wieħed jgħaraf dan meta jgħati ħarsa ħafifa madwar il-dinja, jew imqarr jiftaħ ġurnal wieħed.

16--sistema-ekonomika

Fi kliem iebes, qal li “dak li jgħati gost lil uħud għas-spejjeż ta’ ħaddiehor, jispiċċa biex jeqred lit-tnejn.” Kull moviment ġdid politiku, jew ekonomiku, isir korrott daqs dak ta’ qablu jekk wieħed ma jkunx fehem u tgħallem xi tfisser is-solidarjetà. Dan jispjegah fl-Evangelii Gaudium.

Din is-sistema ekonomika tant ħakmet lill-bniedem, tant il-bniedem huwa mitluf fil-ġieh li qed jgħati il dan l-alla ġdid tal-flus, li mhux biss l-ambjent huwa stuprat u abbużat, imma anki l-ħlejjaq li dan iwieżen huma mkażbra. Saħansitra, anki kif semma’ il-Papa, iż-żagħżagh huma mormija sa mit-tnissil tagħhom, u l-anzjani huma mwarrba għaliex dawn ma baqgħalhomx aktar użu. B’ċerta dieqa, wieħed ukoll jista’ jara l-għarsiet li telgħin minn żerriegħa ta’ din il-mentalità anki f’pajjiżna.

Kif spjega fl-Evangelii Gaudium, “id-dinjità ta’ kull persuna individwali u l-ġid komuni għandhom ikunu is-sodda li fuqha għandha tissawwar kull politika ekonomika”. Kull ħajja politika miftuma u mhux imsejjsa fuq responsabiltajiet soċjali, twelled inġustizzji soċjali, kif ukoll kapitaliżmu bla kontrol li jfarrak kemm il-ħajja ekonomika kif ukoll dik soċjali. Il-ħarsien tal-ġid komuni huwa l-akbar responsabbiltà tal-komunità politika. U għalhekk il-Papa jgħid li l-politika “hija vokazzjoni nobbli u waħda mill-aktar attivitajiet għolja ta’ karità, jekk u meta din tfittex il-ġid komuni”.

F’intervista li l-Papa ta lill-gazzetta Spanjola La Vanguardia qal li “d-dinja tagħna ma tistax tkompli ġġarrab aktar. Is-sistema ekonomika globali tagħna ma tistax tkompli taħdem.” U “Qed narmu ġenerazzjoni sħiħa biex nitimgħu sistema ekonomika li ma tiflahx aktar – sistema li biex tkompli tgħix trid tqajjem gwerrer, kif imperi kbar dejjem għamlu”. Iva, “l-ekonomija hija misjuqa minn kilba li dejjem trid aktar, u paradossikament, titma’ kultura mormija”.

Mhux ta’ b’xejn li dawk li ma huma xebgħana qatt minn dak li għandhom, jostru dak li jiġi għal idejhom minn għajnejn is-soċjetà li fdathom bir-responsabbiltà tal-ħarsien tal-ġid komuni. U saħansitra hemm ukoll minn jostorhom ’l bogħod minn xtutu għax iħossu aktar komdu li mhu sejjer ikun jaf bihom ħadd. Dan jivvendika dak li qal il-Papa Franġisku. Għalhekk wieħed ma jistagħġebx meta jisma’ lil xi wħud li qegħdin f’din il-keffa, jgħajjru l-Papa Marxista, kif għamlu individwi midħla ta’ sistema kapitalista fejn is-soċjetà u l-ambjent huma biss għodda biex bihom jistagħnaw huma.

Għalkemm il-Papa Franġisku qiegħed isir aktar magħruf u maħbub, u milqugħ bħala ragħaj li qed imexxi lejn is-sħubija tal-ekonomija, tas-soċjetà u tal-ambjent, mhux kulħadd huwa ferħan bih. Kif jgħid G K Chesterton, kull medda ta’ snin ikollha l-qaddis li jkun meħtieġ, mhux il-qaddis li n-nies iridu, imma qaddis li jkollhom bżonn. Dan jidher li japplika sewwa għall-Papa Franġisku.

14---Papa-Frangisku-jekk-inti-nisrani

Il-Papa ħeġġeġ għar-rispett lejn il-ħolqien kollu, meta qal li aħna: “aħna msejħa biex inħarsu u nipproteġu d-dinja fraġli li ngħixu fiha.” Alla jtih l-għomor u s-saħħa biex imexxi għall-ġid tas-soċjetà, tal-ambjent u tal-ekonomija dinjija f’armonija bejniethom, u jsib l-għajnuna kollha minn dawk ta’ rieda tajba biex jilħaq dan il-għan għall-ġid ta’ din id-dinja li tweżinna.

aebaldacchino@gmail.com

 

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3   http://wp.me/pL6Mk-Of

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4   http://wp.me/pL6Mk-Oq

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 5    http://wp.me/pL6Mk-OR

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6    http://wp.me/pL6Mk-Pk

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 7    http://wp.me/pL6Mk-Q1

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 8    http://wp.me/pL6Mk-Qa

 

 

Advertisements

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 7

February 9, 2015

NewsBook

it-Tnejn, 9 ta’ Frar, 2015

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 7

Alfred E. Baldacchino

Qawmien spiritwali ġdid – Il-Q.T. il-Papa Franġisku

Il-Q.T. il-Papa Franġisku mhux biss ha l-isem ta’ San Franġisk magħruf għall-imħabba u r-rispett tiegħu lejn il-biodiversità, imma qiegħed jimxu wkoll fuq il-passi tiegħu. Il-Q.T. il-Papa Franġisku għamel appell għar-rispett tal-ħolqien li “aħna llkoll aħna msejħa biex inħarsu u niproteġu d-dinja fraġli li qed ngħixu fiha”.

Fl-ewwel enċiklika tieghu Evangelii gaudium il-ferħ tal-evanġelju – il-Q.T. il-Papa Franġisku jgħid li l-isfida fil-qasam ekoloġiku hija fundamentali għall-ħajja Kristjana tal-lum. L-ekoloġija hi parti meħtieġa tal-misteri tal-fidi.

Huwa mifhum li l-Papa qatta’ xhur iħejji Enċiklika fuq il-ħolqien u r-rispett tal-ambjent u din mistennija titħabbar matul l-2015. Huwa mifhum wkoll li għandu l-għajnuna tal-superjur ġenerali tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri, ir-Rev. Michael Anthony Perry, li għamel enfasi li kulħadd, kemm dawk li jemmnu, kif ukoll dak li ma jemmnux, għandhom jaħdmu bil-għan biex iħarsu l-ambjent.

7-Papa-Frangisku

Minħabba raġunijiet li ssemmew ukoll mill-Papiet ta’ qablu, il-Q.T. il-Papa Franġisku ċanfar is-sitema ekonomika tal-lum. Spjega li din it-tip ta’ ekonomija toqtol, għaliex din hija maħkuma mill-kunċett li minn hu l-aqwa jħawwel. Din sejhilha “inġusta mill-għeruq” u din, skont il-Q.T. il-Papa, twelled tiranija ġdida ta’ suq bla kontrol, fejn l-ispekulazzjoni finanzjarja, korruzzjoni wiesgħa u s-saltna ta’ evażjoni tat-taxxi huma fuq quddiem. Il-Q.T. il-Papa appella għar-rispett tal-ħolqien kollu li aħna “mgħajtin biex inħarsu u nipproteġu d-dinja fraġli li ngħixu fiha”.

Il-Q.T. il-Papa Franġisku kien iebes ħafna meta qal li “is-sistema ekonomika dinjija tagħna ma tiflaħx aktar. Qegħdin inwarrbu generazzjoni sħiħa biex nitimgħu sistema ekonomika li ma tistax tkompli taħdem”.

Ma għandniex xi ngħidu li dawk li l-interess tagħhom huwa msejjes fuq sistema kapitalista kif infissra mill-Q.T. il-Papa, mill-ewwel ħarġu jikkritikaw, mhux lill-ħsieb tiegħu imma lilu personali, fejn saħansitra għajruh Marxista. U kummenti b’dan ix-xebh smajnihom anki f’pajjiżna.

Bi qsim il-qalb wieħed ma jistax ma jaqbelx li din hija l-xejra li qed taħkem id-dinja llum. L-etika u l-morali saru xi ħaġa tal-passat. U mhux hekk biss imma dawk li ma għandhom l-eda ħjiel ta’ morali u etika, iħossuhom kburin bin-nuqqas ta’ dawn it-tiżjin uman. Il-kilba tal-poter u l-materjaliżmu ma għandhom l-ebda limitu. Saħansitra naraw, naqraw, u nisimgħu fuq il-mezzi tax-xandir li hemm minn bla mistħija, u bla mgħodrija, jgħoxa jħanxar irjus ta’ bnedmin oħra. U biex wieġħedjaakemmwaqa’ fil-baxx il-0bniedem, jgħid li qed dan qed jagħmlu f’isem Alla.

Pajjiżna jagħmel parti kemm mis-sistema ekoloġika, kif ukoll mill-firxa kummerċjali internazzjonali, u minħabba ċ-ċokon tagħna huwa aktar eħfef li jinġarr mal-kurrent tal-forzi internazzjonali kummerċjali, kif diġa hemm ħjiel ta’ dan.

Imma fuq it-tagħlim u l-qawmien spiritwali lokali nitkellmu f’artiklu ieħor.

aebaldacchino@gmail.com

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3   http://wp.me/pL6Mk-Of

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4   http://wp.me/pL6Mk-Oq

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 5    http://wp.me/pL6Mk-OR

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6    http://wp.me/pL6Mk-Pk


It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6

January 27, 2015

NewsBook

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6

Alfred E. Baldacchino

Qawmien spiritwali ġdid

Għalkemm il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II ħejja u beda dan il-qawmien spiritwali dwar l-ambjent, papiet oħra li ġew warjah ukoll komplew fuq il-passi tiegħu. Il-Q.T. il-Papa Benedittu XVI, fl-Enċiklika Caritas in Veritate tal-2009, u fid-diskors tiegħu f’Jum Dinji tal-Paċi tal-2010, jgħallem fuq id-dmir tal-bniedem għall-ħarsien tal-ambjent.

20 sena wara l-messaġġ tal-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II, il-Q.T. il-Papa Benedittu fl-2010 fil-messaġġ tiegħu tal-Jum Dinja tal-Paċi qalilna li “Jekk wieħed irid jikkultiva l-paci, irid iħares il-ħolqien”. Sejjaħ lill-komunità tal-bniedem biex tirrispetta l-ħolqien, kif ukoll tkellem fuq ir-rabta bejn il-bniedem u n-natura li għandha tirrifletti l-imħabba t’Alla.

 

Papa-Benedittu

Il-Q.T. il-Papa Benedittu staqsa jekk il-bniedem jistax jibqa’ sieket quddiem il-problema marbuta ma’ dak li qed jiġri bħal fil-bdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, it-telf u t-tkissir fl-agrikultura, it-tniggiż tax-xmajjar u l-ilma tal-pjan, it-telf tal-biodiversità, iż-żieda tal-ħsara kbira naturali, u l-qerda tas-siġar u l-imsaġar madwar id-dinja. Staqsa wkoll jekk il-bniedem jistax jibqa’ sieket meta jara kemm dak li qed jiġri u dak li jista’ jiġri fil-ġirja għall-kisba u l-ħtif tar-riżorsi naturali.

Il-mod kif il-bniedem qiegħed iħares lejn l-ambjent qed ibiddel ukoll kif jara lilu nnifsu, u bil-maqlub. Dan jitlob lill-bniedem tal-lum biex iħares bis-serjetà lejn il-mod ta’ ħajja li qed jgħix, li f’ħafna nħawi tad-dinja, qed twassal għat-twemmin li l-konsumiżmu, l-pjaċir u l-kuntentizza huma l-għan ewlieni fil-ħajja, minkejja l-konsegwenzi tal-ħsara li jġibu magħhom. Hemm bżonn, kompla l-Papa Benedittu, bi qbil mal-Papa Ġwanni Pawlu II, bidla fil-mentalità li twassal biex ikun hemm stil ta’ ħajja ġdida.

Il-Q.T. Il-Papa Benedittu wkoll wissa’ li l-kelma ‘jaħkem” kif imsemmija fil-Ġenesi (Ġenesis: 1:28) mhux xi dritt lill-bniedem biex jiddomina d-dinja, imma sejħa biex il-bniedem imexxi f’isem ta’ Alla, sejħa ta’ responsabbiltà. Dan ifisser li “meta l-bniedem jagħmel użu tar-riżorsi naturali, għandu jżomm f’moħħu kif dawn jista’ jkollhom impatt fuq il-ħolqien, u jagħti kas tal-prezz li jrid jinġarr mill-ambjent u mis-soċjetà” bħala parti essenzjali tal-nefqa sħiħ.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jidher sewwa li l-qerda tal-ambjent qed tkun ta’ sfida għall-bniedem biex jifli u jbiddel l-istil tal-ħajja tiegħu, u l-mod kif qed isir il-konsum u l-produzzjoni, li ħafna drabi mhumiex sostenibbli la mill-aspett soċjali, la minn dak ambjentali u lanqas xi kultant minn dak ekonomiku. Il-bdil tal-istil tal-ħajja għall-waħda ġdida huwa ħtieġa mistennija malajr. Kif il-Q.T. il-Papa Benedittu, kompla jgħid li “dan jinvolvi decizjonijiet li jolqtu numru ta’ individwi, familji, komunitajiet, stati u, anki lill-Knisja, kif ukoll lill-missjoni tagħha.”

Hekk naraw li anki l-Knisja għandha responsabbiltà lejn il-ħolqien. Din ir-responsabbiltà trid tiġi murija fil-ħajja pubblika biex tħares id-dinja, l-ilma u l-arja li huma rigali mingħand il-Ħallieq għall-kulħadd. Dan id-dmir tal-Knisja huwa, wara kollox, biex issalva l-umanità mit-theddida li tista’ teqridha.

Fil-kitba li jmiss naraw x’qed jgħid il-Q.T. il-Papa Franġisku fuq dan is-suġġett.

aebaldacchino@gmail.com

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3   http://wp.me/pL6Mk-Of

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4   http://wp.me/pL6Mk-Oq

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 5    http://wp.me/pL6Mk-OR


It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3

December 12, 2014

NewsBook

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Diċembru, 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3

Alfred E. Baldacchino

Ir-responsabbiltà kbira

Minn dak miktub sa issa, fl-ewwel u fit-tieni  parti, naħseb li mhux diffiċli li wieħed jara d-differenza ta’ dan it-tagħlim minn dak li konna mgħallma fl-imgħoddi. U naħseb li jkun hemm uħud li jaqblu miegħi meta ngħid li t-tagħlim tal-imgħoddi wassal biex inbnew imperi, intilfu ħafna ħajjiet, u tħarbtu u nħlew riżorsi naturali li kollha biegħdu lil dawk li wettquhom minn Alla li ħalaqhom.

Wieħed illum jista’ ukoll jifhem u jara t-tagħlim ta’ numru ta’ mexxejja tal-Knisja Kattolika fuq din ir-responsabbiltà kbira li l-bniedem għandu.

Skont il-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-bniedem huwa l-kreatura l-aktar għolja, il-kreattura li “Alla ħalaq fuq xbihetu” (Ġenesis 1:27). In-natura, li llum ngħidulha l-biodiversità, tpoġġiet taħt il-ħakma tiegħu. Il-bniedem huwa kkmandat biex “jimla’ d-dinja u jrażżanha, u jaħkem fuq l-annimali”. Il-bniedem mhux biss huwa l-mexxej, u dak li jħares l-ekosistema, imma wieħed li huwa fdat bil-ħarsien ta’ propjetà li mhux tiegħu. Ir-rwol tiegħu huwa li jieħu ħsieb dak li jkun fdat lilu u jerġa jgħaddih lura mingħajr mittiefes lis-Sid.

Ġie spjegat ukoll li din id-dinja mhux tagħna. “id-dinja hija ta’ Alla” (Salm 24:1). Din ġiet mgħoddija lilna biss bil-wegħda li aħna ma nħarbtuhiex. Din ir-responsabbiltà għall-ħajja hija wkoll imsejsa fuq it-tagħlim ta’ reliġjonijiet ewlenin tad-dinja u l-mexxejja tagħhom.

Meta l-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Nairobi indirizza lill-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda (United Nations Environment Programme), silet kliem mill-Ġenesi biex juri t-triq u jmexxi lill-fidili fir-responsabbiltà tagħhom lejn il-ħolqien li ħalaq Alla. Il-Q.T. il-Papa tkellem dwar id-dmir tal-knisja lejn il-ħarsien u t-titjib tal-ambjent tagħna, li huma marbutin mal-kmand ta’ Alla. Alla ħalaq kollox u fdahom fil-ħarsien tal-bniedem, li anki hu kien maħluq fix-xbiha tiegħu, kif insibu fl-ewwel paġni tal-Bibbja (Ġenesis 1:27).

Papa-GP-II---ftehimMingħajr dubju, wieħed jista’ jgħid li l-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II, fid-diskorsi tiegħu, qiegħed il-ġebla tax-xewka ta’ tfassil nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli. Dan il-ħsieb huwa msawwar f’Agenda 21: plan ta’ azzjoni wiesgħa li għandu jkun il-bażi f’firxa dinjija, nazzjonali u anki lokali minn organizzazzjonijet tal-Ġnus Magħquda, gvernijiet u entitajiet ewlenin, f’kull qasam fejn hemm l-impatt tal-bniedem fuq il-biodiversità.

Żvilupp sostenibbli jfisser li l-mod kif il-ġenerazzjonijet tal-lum jużaw ir-riżorsi naturali, ma jċaħħdux lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada, li silfuna din id-dinja, li jużawha bl-istess mod.

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II fisser li l-iżvilupp sostenibbli huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk responsabbiltà serja li wieħed jaħkem fuq il-kreazzjoni b’dan il-mod li jkun veru qiegħed jaqdi l-ġenerazzjonijiet ta’ għada. L-esplojtazzjoni tar-rikkezzi tan-natura jridu jsiru skont prinċipji u bi ħsieb meqjus mhux biss għall-ħtieġa tal-bniedem tal-lum, imma anki għall-ġenerazjzonijiet ta’ għada. B’dan il-mod, ir-responsabbiltà tal-bniedem fl-ippjanar u l-immaniġġar tar-riżorsi, ma għandhomx ikunu mfassla la fuq żmien qasir, u lanqas fuq qliegħ personali, imma għandhom iżommu quddiem għajnejhom li l-ħolqien qiegħed hemm għall-ġid tal-umanità kollha.

Imma tagħlim fuq l-iżvilupp sostenibbli minn mexxejja reliġjużi nitkellmu fuqu darb’oħra.

Ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX


Is-siġra tal-Milied

January 13, 2014

NewsBook

Is-­siġra tal-­Milied

Alfred E. Baldacchino

Il­-Milied ġie u mar, u miegħu ħa t-­tiżjin: bħall-­bozoz, il­-presepji, l-istilel, u s-­siġar tal­-Milied. Il­-biċċa ’l kbira minn dan it­-tiżjin jintrefgħu u jista’ jerġa’ jintuża. Imma dawk is-­siġar tal­-Milied li ġew maħsuda mill-­art, dawn jintremew.

B’sodisfazzjoni wieħed jara kif spiċċaw id­-drawwiet tal-­imgħoddi fejn id­-Dipartiment tal­-Agrikultura kien jaqta’ friegħi mis­-siġar tal-­prinjol, biex ibigħhom ħalli jitlibbsu bħala siġar tal-­Milied. Dan sforz tat-­tisħiħ tal­-kuxjenza pubblika favur l-­apprezzament u l-­ħarsien tal-­wirt naturali, kif ukoll minħabba li llum wieħed isib siġar artifiċjali li minbarra li huma sbieħ, jistgħu jintużaw għal drabi oħra, mingħajr ħela ta’ riżorsi u telf ta’ ħajja naturali. Snin ta’ edukazzjoni jidhru li bdew jagħtu l­-frott fost il-­poplu. Hemm uħud li jħawlu siġra biex din, sena was sena, titlibbes ta’ siġra tal-­Milied, mingħajr ma tinqered.

L-­istorja tas-­siġra tal-­Milied tmur lura fis-­sekli. Fil-­qedem is­-siġar kellhom rabta kemm mal­-mitoloġija u anki ma’ reliġjonijiet oħra. Dan ir-­rispett iżda ngħata xejra u libsa moderna meta bdew jerfgħu rashom il-­kummerċjaliżmu u l-­materjaliżmu.

Hemm numru ta’ leġġendi dwar kif is-­siġra tal­-Milied waslet għandna. Waħda minn dawn hija l-­leġġenda marbuta ma’ wieħed mill-­allat fil­mitoloġija Griega: Attis. Wara l-­mewt traġika ta’ Attis, irrakkontata b’ħafna lwien u forom, fuq il­-post ta’ mewtu kibret siġra taż­-żnuber. Din ir­-rabta wasslet biex tempju Grieg ma kienx ikun meqjus komplut jekk ma jkunx hemm xi siġra taż-­żnuber tikber fil­-madwar. Il­-Griegi kienu magħrufa li kull sena kienu jaqtgħu siġra taż-­żnuber, kemm minħabba li l­-weraq tagħha ma kienux jinxfu mill-­ewwel, u hija siġra li tħaddar is-­sena kollha. Barra minn hekk hija simbolu tal­-ħajja eterna u tal-­fertilità. Kienu jżejnuha bi fjuri u żigarelli f’ġieħ Attis.

attis 4

Attis – l-alla fil-mitoloġija Griega

Il­-Profeta Ġeremija (597 q.K.) kiteb hekk: “Drawwiet il-­ġnus la titgħallmux, u la tibżgħux mis­-sinjali tas-­smewiet, minnhom jitbeżżgħu l-­ġnus. Għax il­-ġnus jibżgħu mix­-xejn: ħatba maqtugħa minn ġol­-bosk, xogħol idejn l-­imgħallem bl-­iskalpell, iżejjinha bid­-deheb u l-­fidda, iwaħħluha bl-­imsiemer u l­-martell, biex ma titħarrikx.” (10: 2­4).

Minkejja dan, id-­drawwa tal­-Griegi li jaqtgħu siġra biex iżejnuha f’ġieħ l­-alla Attis, ġiet ikkopjata mill-­ewwel kattoliċi Ewropej u bil­-mod il­-mod din inxterdet mal­-punent biex kif kienet id-­drawwa fil-­mitoloġija Griega, tiżżejjen u tfakkar it-­twelid ta’ Ġesu Kristu. U għadna sal-­lum il-­ġurnata inżejnu siġra tal­-Milied f’dawn il­-ġranet: jew waħda artifiċjali jew waħda ħajja, li tinħasad minn wiċċ l­-art biex tiżżejjen bid­dawl b’ħafna lwien, u b’żigarelli fiddiena u dehbiena li jduru mal­qniepen u mal-­boċċi mlewna mdendla fuqha.

attis 2

Siġra mżejna f’ġieħ l-alla Attis

Matul l-­aħħar ġranet tal­-Milied mort sal­-Belt u rajt żewġ siġriet kbar imlibbsa ta’ siġar tal-­Milied: waħda taċ­-ċipress Kastilja, u oħra tip ta’ żnuber biswit l-­istatwa ta’ La Valette. Minkejja d­-dawl jgħammex l­għajnejn u l-­kuluri mdendla magħhom xorta rajt li dawn kienu siġar ħajjin, maħsuda u miġjubin minn barra. Stajt nara li l­-ferita tagħhom minn fejn inħasdu kienet mgħottija ġo tank imgeżwra biex ma tidherx, u s­-siġar kienu marbuta biex ma jitħarkux. Ma’ dik taż-­żnuber stajt nara l­-fdalijiet tal-­liedna li darba kienet tgħix magħha meta kienet tikber fl-­ambjent naturali.

Waqaft u staqsejt lili nnifsi:

Imma tgħid minn poġġa u ħallas għal dawn is­-siġar għamel hekk biex jagħmel bħal ma kienu jagħmlu l­-Griegi tal­-qedem biex ifakkruhom fl­alla tagħhom Attis? U dan minkejja li tefgħa ta’ ġebla bogħod hemm nofs tużżana siġar taż-­żnuber li faċilment setgħu jitlibbsu għall-­Milied mingħajr ma jinqerdu. Imma għidt, li ma nħoss li hemm ebda ħeġġa li dawn is­-siġar jiġbdu l-­attenzjoni għaliex kif qiegħed nistenna dawn ma għandhomx ħajja twila hemm u ma jdumux ma jinħasdu mill-­ħajja u jintremew fil-­miżbla. Barra minn hekk, kieku tlibbsu dawn ma kienx ikun hemm min jimporta dawk fil­-madwar u jaqla xi żewġ soldi!

Tgħid dawn is­-siġar ħajjin tpoġġew hemm bħala sagrifiċċju fil-­ġranet tat­-twelid ta’ Ġesu Kristu? Ma stajt nara l­-ebda rabta spiritwali.

Possibbli li dawn kienu qegħdin hemm għax huma meqjusa bħala ħajja sekondarja li ma għandiex valur u hekk tiġi maħsuda minn min jaħseb li huwa superjuri għalihom u jkollhom joqgħodu fejn iqegħduhom, u fejn iridhuhom, u wara jintremew meta ma jkunx hemm bżonnhom aktar? Ma naħsebx, wara dak li nisma’ minn kull rokna tal­-ħajja soċjali fejn kulħadd jippriedka rispett għall­-ħajja, u kemm hemm bżonn li ngħallmu t-­tfal tagħna biex jirrispettaw il­-ħajja naturali ­ – il-biodiversità. Imma tgħid qed nifhem ħażin?

Tgħid dawn tpoġġew hemm biex juru li l-­kummerċ u l­-konsumiżmu jezisti anki bil­-qerda tal­-ħajja naturali, u llum l­-esplojtazzjoni u l­-qligħ ta’ flus tiġi l­-ewwel u qabel kollox. U jekk dawn is­-siġar ħajjin ġabu magħhom ħlejjaq u organiżmi oħrajn li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall­ekoloġija u l-­ekonomija Maltija, bħal ma ġara fil­-każ tal-­Bumunqar Aħmar tal­-Palm, il­-Farfett tas­-Sardinell, il-­Ħanfusa tal­-qrun twil tat­Tut, it-­tadam u oħrajn, din il-­ħsara hija ġustifikata minħabba l-­qligħ? Anki jekk jiġi aċċettat li ma jimpurtax għax il-­ħsara ta’ dawn iħallasha l­-poplu, ma stajt insib l-­ebda raġuni li tagħmel sens għall­-preżenza ta’ dawn is­-siġar maħsuda mill-­ħajja biex iferrħu u jagħtu ġost matul il­ġranet ta’ bidu ta’ ħajja ġdida.

Ftakart fit-­tfal tal-­iskola li kif jingħad, għandhom bżonn jiġu mgħallma biex jieħdu ħsieb aktar l-­ambjent. U erġajt staqsejt lili nnifsi: imma jista’ xi ħadd jgħidli kif wieħed jista’ jgħallem lit-­tfal meta dawn għandhom aktar għarfien u sens ta’ apprezzament tal­-ħajja naturali mill-­mexxejja li jgħidu li t-­tfal għandhom bżonn jitgħallmu?

Chritmas tree

Siġra mlibbsa ta’ siġra tal-Milied fiż-żmijijeit tallum.

U hekk spiċċat is-­sena biċ­-ċelebrazzjoni kif kien isir fil-­mitoloġija Griega, forsi bi ftit aktar infiq (u qligħ) ta’ flus pubbliċi. U hekk bdiet is­sena l­-ġdida bir­-rimi tal­-ħajja ta’ dawn is­-siġar wara li ttieħed dak li kien mixtieq minnhom: il­-qligħ.

Awguri u xewqat sbieħ għal sena ġdida, anki għas­-siġar u ħlejjaq oħra li jaqsmu din l­-art magħna. Fl­-aħħar ta’ din is-­sena naraw jekk irnexxilniex nitbiegħdu xi ftit mid-drawiet tal-­mitoloġija Griega.

aebaldacchino@gmail.com