Kunsilli Lokali… mill-Imdina għal Pembroke

July 7, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 7 ta’ Lulju, 2014

Kunsilli Lokali… mill-Imdina għal Pembroke
Alfred E. Baldacchino

Rajna u tkellimna dwar xogħolijiet li kellhom impatt negattiv fuq il-biodiversità. Tkellimna fuq ix-xogħol li sar fil-konfini tal-Kunsill Lokali tal-Imdina li jiġbor fih il-qerda tal-biodioversità fil-foss tal-Imdina fejn inqalgħu numru ta’ siġar biex isir ġnien ta’ kwalità. Rajna ż-żrar li ntefa fil-madwar tal-ġnien Howard u fih tħawlu numru ta’ kaktus eżotiċi, biex kif intqal isebbah l-­ambjent. Rajna ukoll is-serħan tal-karozzi fuq it-Tomba fil-ġnien Howard. Rajna kif pjanti indiġeni tqaxxru mill-ġnien Howard u tħallew pjanti invażivi. Insomma rajna l-faqar ta’ dan il-Kunsill lejn l-apprezament u l-ħarsien tal-biodiversità Maltija, u kif il-qerda tagħha issir bil-għajnuna ta’ flus pubbliċi.

Xi kultant naħseb li qisu hemm xi taqtigħa bejn xi kunsilli biex jaraw min minnhom iħallas l-aktar biex tinqered il-biodiversità Maltija. Ftit wara li dehru dawn l-artikli fuq dan il-blog dwar ix-xogħol tal-Kunsill Lokali tal-Imdina, ċempilli ħabib tiegħi u qalli bil­-qerda li qed issir fix-xagħri ta’ Pembroke. Ħaddiema, li kif nista’ nifhem kellhom l-approvazzjoni u mħallsa mill-Kunsill ta’ Pembroke (sakemm ma kienux ta’ xi Ministeru), dehru fix-xagħri jaqtgħu l-ħaxix li huwa meqjus bħala ħaxix ħażin.

Il-ħaxix-imqaxxar-minn-Natura-2000

Il-ħaxix – ambjent naturali – imqaxxar mis-sit Natura 2000 f’Pembroke.  U dan mhux la tal-ewwel u lanqas tal-aħħar.

Ix-xagħri f’Pembroke ġiet dikjarata mill-gvern ta’ Malta bħala wesgħa li hija sinjura fil-pjanti indiġeni Maltin li jikbru waħdehom fis-selvaġġ. U din toffri ambjent naturali għall-fawna li tgħix fuqhom u madwarhom. Dan ix-xagħri f’Pembroke huwa meqjus bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni taħt id-Direttiva tal-Ambjenti Naturali tal-Unjoni Ewropa. Tant li kienet uffiċjalment imħarsa u ntbgħatek lill-Unjoni Ewropea bħala waħda mill-obbligi li kull pajjiż għandu meta jissieħeb biex jiddikjara żona li tkun sinjura fil-biodiversità, bħal fil-każ tax-xagħri ta’ Pembroke. Illum din hija meqjusa li għandha importanza internazzjonali, tant li titqies li hija ta’ importanza għall-UE u tifforma parti mix-xibka Natura 2000. Jidher li dan ix-xogħol sar qrib proġett li sar bil-flus tal-UE! U kull xogħol li jsir fiha jrid l-barka tal-MEPA!

Pembroke---Heritage-Trail

It-tabella li turi li l-heritage trail sar bi flus tal-UE. Il-ħaxix li tqaxxar kien biswit il-passaġġ u parti mill-ambjent naturali importanti. It-tneħħija tiegħu tmur kontra l-għan tal-heritage trail.

Meta mbgħad wieħed jisma’ u jara kif kunsill lokali li għandu ambjent daqshekk importanti fil-konfini tiegħu jonfoq flus pubbliċi biex jibgħat jew iħalli ħaddiema jaqtgħu l-ħaxix li jitqies bħala ħażin, wieħed ma jistax ma jgħidx li n-nuqqas ta’ għarfien u apprezzament tal-biodiversità tagħna f’dan il-pajjiż hija fil-qiegħ net, minkejja wegħdiet politiċi li saru, u obbligi internazzjonali li pajjizna għandu, sa mid-dħul tagħna fl-UE.

Ma naħsebx li wieħed ikun qed jgħid xejn ħazin li wħud mill-kunsilli lokali mhux biss ma għandhomx l-iċken idea tal-obbligi ta’ pajjiżna fil-qasam tal-ħarsien tal-biodiversità, imma lanqas għandhom ħjiel tal-programm elettorali tal-gvern. U lanqas ikun ħażin li wieħed jikkonkludi li xi kunsilli lokali jonqfu flus pubbliċi li jkollhom sempliċement biex ikunu nefquhom. Fin-nuqqas ta’ direzzjoni professjonali, tagħrif tekniku, kooperazzjoni ma’ entitajiet oħra governattivi, allura l-ħsara fil-qasam tal-ħarsien u apprezzament tal-biodiversità sejra tikber matul iż-żmien, obbligi u mhux obbligi,  wegħdiet u mhux.

Vandalism

Il-vandaliżmu li sar fil-heritage trail fin-Natura 2000 f’Pembroke. Mhux aħjar li l-flus marru biex ġew imsewwija dawn il-ħsarat milli biex għamlu l-ħsara lill-ambjent naturali tas-sit Natura 2000.

 

Niżżu ħajr ‘l Alla li  dan ma japplikax għall-kunsilli lokali kollha. Meta kunsill ifittex tagħrif professjonali u tekniku, jew inkella ikollu fi ħdanu xi membru li jkollu għarfien tal­-ħtieġa tal-ħarsien ta’ dan il-wirt naturali, mill-ewwel wieħed jista’ jara ix-xogħol fejjiedi u professjonali tal-kunsill, bir-riżorsi jintefqu b’mod għaqli li jkun ta’ ġid kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-biodiversità Maltija.

Smajt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fuq pariri professjonali ta’ wieħed mill-membri tagħhom, li mhux biss huwa kwalifikat iżda għandu kuxjenza soċjali u ambjentali, ħa deċiżjoni li wieħed jittama li tiftaħ it-triq għall-kunsilli oħra biex jimxu fuqha. Il-Kunsill waqqaf il-bexx bl-erbiċida li kien isir fuq pjanti slavaġġ fl-inħawi. Bexx li kien joqtol il-ħajja ekoloġika kollha f’dan l-ambjent naturali, u li wkoll seta’ jkollhu impatt negattiv fuq l-ilma u jniġġeż inħawi oħra.

Dan ukoll wassal biex minbarra li ma baqgħux jinħlew bla ħtieġa riżorsi finanzjarji, li jistgħu jintużaw għal xogħol ieħor, twaqqfet ukoll il-ħsara fil-qasam soċjali u ambjentali. U wasal għal widnejja wkoll li kunsilli oħra ġirien ta’ San Pawl il-baħar imħajrin li jaħdmu ukoll fuq l-istess linja.

Wieħed jifhimha li mhux kulħadd huwa mistenni li jkun jaf kollox. U għalhekk hemm il-ħtieġa li jkun hemm diskuzzjonijet u direzzjoni fuq xogħol delikat li għandu jew jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-biodiversità u s-soċjetà. Meta r-rieda tajba ma tkunx imsejsa fuq ħsibijiet u tagħrif xjentifiku u tekniku, din twassal għall-ħsara ambjentali u soċjali; bħal meta sikkina li biha jista’ jsir ħafna ġid, tingħata lil tarbija għada kif telqet timxi. Jekk il-kunsill lokali ikollhom direzzjoni professjonali jistgħu jagħmlu ħafna ġid fil-qasam soċjali u ambjentali.

aebaldacchino@gmail.com

ARA WKOLL:

Tkompli l-qerda fil-ġnien Howard… imma għaliex? http://wp.me/pL6Mk-H9

Ir-rabja tar-Rabtin… u bir-raġun http://wp.me/pL6Mk-D3

Cash cow in the ditch  http://wp.me/pL6Mk-Ek

 

Advertisements

Ix-Xagħri

December 20, 2010

It-Tnejn, 20 ta’ Diċembru, 2010

Ix-Xagħri

Alfred  E. Baldacchino

Ix-xagħri huwa wieħed mill-ambjenti naturali li nsibu fil-gżejjer Maltin.  Dan huwa wesgħa ta’ blat tal-qawwi b’numru ta’ ħofor baxxi mimlijin b’ħamrija ħamra.

Dan l-ambjent huwa ddominat minn pjanti baxxi li jgħolew bejn 50 sa 100 cm. Huma kollha adattati għal dan it-tip ta’ ambjent naturali miftuh għall-irjiħat, u għall-qilla tax-xemx fis-sajf. Dawn jistgħu jaħżnu l-ilma taħt l-art biex isibuh matul il-ġranet sħan tas-sajf.  Hekk insibu pjanti li ħafna minnhom għandhom zkuk inniggżu u ħafna drabi jkunu jfuħu wkoll. Il-pjanti jikbru mferrxa fi rqajja ta’ ħamrija qalb il-blat. Ix-xagħri huwa l-ambjent naturali bl-akbar firxa fil-gżejjer Maltin, u huwa sinjur fl-ispeċi ta’ pjanti li jħaddan. Madwar nofs il-pjanti slavaġġ li jikbru fil-gżejjer Maltin, jinstabu jikbru fix-xagħri. Dawn ukoll joffru kenn u ikel għal numru ta’ fawna oħra.

Sfortunatament għad hawn minn jaħseb li dan ix-xagħri huwa blat għeri mingħajr l-ebda użu. Din il-mentalità tinstab f’kull qasam tas-soċjetà, kemm dik kummerċjali, dik reliġjuza kif ukoll anki dik politika.

Minħabba din il-mentalità, li wieħed jinnota b’sodisfazzjon li bil-mod il-mod qed tinbidel  l-aktar qalb il-ġenerazzjoni żgħażugħa, ħafna  minn dan l-ambjent huwa żdingat u  traskurat.  Hekk ġieli naraw borġ wara borġ  ta’ terrapien u skart ieħor mormi f’dan ix –  xagħri u mhux rari li wieħed jara dan it-tip  ta’ ambjent jiġi mgħotti bil-ħamrija biex  jinbidel f’għelieqi. Lanqas hija ħaġa rari li fuq  dan it-tip ta’ ambjent naraw xi bini tiela.

Tant huwa mportanti dan it-tip ta’ ambjent li  l-Unjoni Ewropea tqisu bħala tip ta’ ambjent  naturali speċjali, u kull membru msieħeb li  għandu minn dan it-tip ta’ ambjent irid  jiddikjara numru ta’ inħawi minnu biex ikunu  mħarsa bil-liġi u meqjusa bħala Firxa Speċjali ta’ Konservazzjoni (Special Area of Conservation) li flimkien ma’ nħawi oħra ddikjarati minn kull membru msieħeb fil-UE, jifformaw ix-xibka Natura 2000.

Malta wkoll iddikjarat inħawi tax-xagħri bħala SAC. Fosthom insibu l-Kemmuna, li hija kważi kollha xagħri, Ta’ Ċenċ u l-Qortin tal-Magun f’Għawdex, kif ukoll Pembroke. Fost l-ispeċi ta’ flora u ta’ fawna li nsibu fix-xagħri, mingħajr dubju l-aktar magħruf huwa s-sagħtar li fis-sajf jiksi dan l-ambjent b’tapit roża-ħamrani. Hemm ħafna u ħafna speċi oħra li nsibu fix-xagħri.  Fost il-flora nsibu t-Tengħud tax-Xagħri li huwa endemiku u għalhekk jinsab jikber fil-gżejjer Maltin biss, il-Berwieq, u numru ta’ Orkidej.  Fost il-fawna nsibu l-gremxul, il-bebbux, numru kbir ta’ insetti, kif ukoll għasafar fosthom il-Bilbla li żżurna bejn l-aħħar tar-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf biex tbejjet fix-xagħri.

Hekk naraw kemm ix-xagħri huwa sinjur u kif huwa ambjent b’valur kbir ekoloġiku, ekonomiku, edukattiv, xjentifiku, estetiku u soċjali.

aebaldacchino@gmail.com