IL-BAĦRIJA TA’ RAS IL-MEWT

November 8, 2015

Il-baħrija ta’ ras il-mewt

Alfred E. Baldacchino

Il-Ħadd 8 ta’ Novembru 2015

ġewnah

Ħarsa mill-qrib ħafna tal-qxur fuq il-ġwienaħ tal-friefet u l-baħrijiet.

L-insetti huma l-akbar grupp fis-saltna tal-annimali. U fost dan il-grupp kbir ta’ insetti, insibu l-friefet u l-baħrijiet. Dawn huma miġbura f’ordni magħrufa bħala Lepidoptera: kelma li ġejja mill-grieg u li tfisser ġwienaħ bil-qxur. U m’għandiex xi ngħidu li f’pajjiżna wkoll insibu kemm friefet kif ukoll baħrijiet, minkejja li n-numru tagħhom dejjem qiegħed jonqos minħabba l-aġir tal-bniedem, l-aktar minħabba l-bexx bla rażan.

Fost il-baħrjiet insibu l-baħrija ta’ ras il-mewt. L-isem tagħha ġej mix-xbieha ta’ ras ta’ mewt li din il-baħrija għandha fuq daharha. Din ix-xbieha fuq daharha wasslet biex din tiġi marbuta mal-ħażen u mas-sopranaturali. Barra minn hekk il-karatteristika ta’ din il-baħrija li meta tkun mhedda twerżaq qisha ġurdien, xejn ma għinitha lanqas. Dan wassal biex meta din il-baħrija tittajjar u tidħol f’xi dar kien jingħad li din kienet tħabbar inkwiet, mard, ġuħ u anki mewt tal-bniedem jew tal-bhejjem tiegħu.

il-ba]rija

Il-baħrija ta’ ras il-mewt

Meta kont għadni żgħir kien ikolli xi waħda jew tnejn minn dawn il-baħrijiet, kemm bħala xagħat jew bħala baħrija magħmula. Kont nissaħħar bil-ġmiel tagħhom u nitgħallem fuq il-mirakli tan-natura. Niftakar lil nanti Karmena Mangani, Alla jtiha t-tgawdija tal-ġenna, li minħabba dawn il-baħrijiet, kienet tbaħħar, b’weraq taż-żebbuġ imbierek, li kienet tqabbad ġo xi taġen u titlob waqt li ddur mad-dar. U żgur kien hemm oħrajn li jagħmlu bħala.

Kont ili ma nara waħda minn dawn il-baħrijiet jew ix-xagħat tagħha għal dawn l-aħħar tletin sena, sakemm ħmistax ilu ħbieb tiegħi ġabuli tliet xgħat tagħha.

bajda

Il-bajda li tbid il-mara

Il-baħrija ta’ ras il-mewt tibda’ il-ħajja tagħha bħala bajda li l-mara tbid waħda waħda taħt il-weraq qodma tal-pjanti li tagħżel. Din il-bajda żgħira tkun ħadra jew inkella griża tagħti fil-blu u tkun fiha minn 1.5 sa 1.2 mm. Din tinbidel f’lewn dehbi matt ftit qabel tfaqqas.

Fost il-pjanti li l-mara tbid fuqhom insibu l-patata, l-għawseġ tal-Mediterran, il-mammażejża, l-għeneb id-dib iswed, it-tabakk tas-swar u l-leblieb tal-werqa tleqq (kollha mill-familja Solanaceae); is-siġret il-virgi, il-ġiżimina (mill-familja tal-Verbenaceae) kif ukoll is-siġra taż-żebbuġ  u l-fraxxnu (Oleaceae) u kultant fuq il-qarn il-mogħża tal-Afrika t’isfel,  is-siġra tad-difel, it-tuffieħ, il-lanġas, u s-sebuqa selvaġġa.

Acherontia-atropos-052---studjo-30.10.15

Ix-xagħat tal-baħrija ta’ ras il-mewt

Mill-bajda jfaqqas xagħat li fuq wara tiegħu jkollu bħal denb forma ta’ qarn. Ix-xagħat jista’ jkun ta’ lewn aħdar, kannella, jew isfar, imma kollha jkollhom daqqiet sbieħ ikkuluriti fuq ġenbhom b’tikkek fuq darhom.

Ix-xagħat li jfaqas ikun fih 6 mm. L-ewwel ħaġa li jagħmel hu li jiekol il-qoxra tal-bajda. Fin-natura xejn ma jinħela. Meta jkun għadu żgħir id-denb-qarn ikun iswed u kemmxejn twil.

ras-ponn

Ix-xagħat li jifforma qisu ponn biex ibeżża’

Ix-xagħat iqatta’ il-ħin kollu jiekol u ma tantx jiċċaqlaq. Meta jkun għadu żgħir joqgħod fuq xi vina taħt xi werqa, jiekol mit-tarf tal-werqa fejn jagħmel qatgħat żgħar. Meta jikber ftit aktar jistrieh fuq xi magħseb ta’ xi werqa jew fuq xi qadib (zokk żgħir) tal-pjanta, fejn il-kuluri tiegħu jgħinuh jintilef qalb il-weraq. Imma jekk iħossu mhedded ikebbeb il-parti ta’ quddiem tiegħu f-forma ta’ ponn biex ibeżża’, u xi kultant ifaqqa’ ħalqu u anki jipprova jigdem.

Fil-gżejjer Maltin instab li hemm dubbiena parassita li tbid il-bajd tagħha fix-xagħat.

Diptera-001--Attard-30.10.15

Id-dubbiena parassita li tbid fix-xagħat

denb-qarn

Dehra tad-denb-qarn mill-qrib

Ix-xagħat ibiddel il-ġilda tiegħu erba’ darbiet. Wara kull bidla l-ilwien jidhru isbaħ: tikkek vjola skuri jiksulu dahru, filwaqt li d-denb-qarn isir isfar. Meta jkun kiel kemm għandu jiekol, il-kuluri tiegħu jiskuraw. Huwa jindilek kollu kemm hu bi bżieq li jagħmlu jidher aktar skur. Imbagħad iħaffer fil-ħamrija f’fond ta’ minn 15 sa 40 ċm, u hemm minn xagħat jinbidel f’fosdqa.

pupa-2

Il-fosdqa jew pupa tal-baħrija: kemm kemm akbar minn sulfarina.

Il-fosdqa jew pupa, tkun lixxa u tleqq, u jkun fiha minn 75 sa 80 mm ta’ lewn kannella kulur il-kewba. Uħud jistgħu jgħixu matul ix-xitwa u wara joħorġu f’baħrija magħmula.

Il-baħrija hija sabiħa ħafna u din tidher bejn Lulju u Ottubru. Bħall-insetti l-oħra kollha jkollha erba’ ġwienaħ, ta’ quddiem li jkunu akbar u li jagħttu lil ta’ wara meta jkunu magħluqa f’għamla ta’ tinda fuq żaqq il-baħrija. Il-fetħa tal-ġwienaħ tkun fiha bejn 90 u 130 mm. Dawk ta’ quddiem ikunu dbabar skuri, qishom irħamati, li jgħinhuha biex meta tkun qiegħda fuq xi zokk jew fuq il-ħaxix fuq l-art tintilef mal-kuluri tal-ambjent. Hija tidher ittir minn xħin jidlam sa wara nofsillejl, jew biex issoff l-ikel mill-fjuri bl-ilsien twil tagħha, jew inkella tfittex sieħeb jew sieħba.

Hija xena sabiħa ħafna meta tinzerta par minn dawn il-baħrijiet fl-art meta jkunu qed jgħatu mħabbithom lil xulxin. Dawn jistgħu jinstabu minn tard filgħaxija sa kmieni filgħodu.

Mill-banda l-oħra il-ġwieneaħ iżgħar ta’ wara huma sbieh f’mod ieħor. Meta tikxifhom jidhru sofor kargi b’żewġ faxxex madwarhom, li żgur jaħsdu lil minn ikun fil-qrib. Il-baħrija twerżaq jekk tħossha mhedda. Dan tagħmlu billi timbotta l-arja mill-farinġi, u fl-istess hin tikxef il-ġwienaħ sofor jgħajtu ta’ wara biex taħsad lil xi predatur.

baħrija

Kif jidhru l-ilwien tal-baħrija waqt li tkun qed ittir.

Id-dahar minn fuq ikun ukoll skur u fuqu jkollu r-ras ta’ mewt, li tat l-isem lil din il-baħrija, għalkemm uħud ixebbħuh ma’ ras ta’ naħla. L-ilsien twil tagħha ma jkunx itwal mit-tarf tad-dahar, imma jkun oħxon u muswaf.

L-antenni tagħha jkunu tal-istess ħxuna u fit-tarf tagħhom ikollhom ganċ irqiq.

Iż-żaqq tkun safra karga, kulur il-ġwienaħ ta’ wara, u b’marki madwarha. Fil-qasba tas-sieq ta’ wara jkollha par xpruni.

Din hija waħda mill-baħrijiet li turi l-kobor, is-sbuħija u l-mirakli tan-nisġa tan-natura. Wieħed ma għandux jibża’ minnha, imma għandu juri rispett lejn dawn il-ħlejjaq li l-Ħallieq tana biex iżejnu l-ġnien li poġġina fih u li qed naqsmu magħhom.

aebaldacchino@gmail.com

Speċi li jssemmew f