Il-Knisja u l-ambjent

August 17, 2019

Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija Mosta – Awwissu 2019

Il-knisja u l-ambjent

Alfred E. Baldacchino

Il-Ġenesis jgħidilna kif Alla ħalaq id-dinja u s-smewiet. Ħalaq id-dawl, is-sema, l-ibħra, l-istillel, l-art, il-pjanti u s-siġar, u l-annimali bħall-bhejjem u l-għasafar. U Alla fl-aħħar ħalaq il-bniedem biex ikun fuq il-ħut fil-baħar, fuq l-għasafar fl-ajru, fuq il-bhejjem u l-annimali l-oħra u fuq kull ħolqien ieħor li jimxi fuq l-art. U Alla ra lil dak li kien ħalaq kien tajjeb.

Imma l-bniedem jaħseb u jemmen li bħala l-aktar ħolqien intelliġenti fuq din id-dinja għandu dritt mingħajr limitu mingħand Alla biex jaħkem lin-natura. U dan anki kif kien jiġi mgħallem.

Papa-Gwann Pawlu II

Kien il-Papa Ġwann Pawlu II meta f’Nairobi kellem lill-ġemgħa msejħa mill-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda (UNEP) fejn qal li Alla ħalaq kollox u għabba l-bniedem bir-responsabbiltà biex jieħu ħsiebhom u mhux biex jagħmilhom tiegħu u jeqred kemm jiflaħ. Il-Papa għallem li huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk huwa ta’ responsabbiltà kbira biex il-bniedem jsaltan fuq il-ħolqien b’governanza għaqlija. L-esplojtazzjoni tal-rikkezzi tan-natura irid isir bil-għan mhux biss tal-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, imma anki għall-bżonnijiet ta’ dawk ta’ għada. B’din il-direzzjoni li tana Alla mbiegħdu kull tmexxija ta’ kilba u ta’ gwadan personali, u twassalna biex nifhmu li dak maħluq minn Alla huwa għall-ġid tal-umanità kollha. Il-bniedem għandu r-responsabbiltà li jħares lin-natura.

Fil-kliemu, li llum huwa magħruf sewwa, li kien għamel fl-1 ta’ Jannar 1990, il-ġurnata dinjija għall-paċi, il-Papa Ġwann Pawlu II kien tkellem fuq ir-responsabbiltà tal-bniedem għall-ambjent. Tkellem fuq ir-rispett tan-natura, fuq l-egoiżmu kollettiv, fuq in-nuqqas ta’ rispett għall-ġirien, fuq id-diżonestà, fuq il-kriżi ekoloġika li tikxef in-nuqqas ta’ karattru morali u ta’ valuri etiċi tal-bniedem, fuq it-tbagħbis fl-ekosistema, fuq il-qerda bla kontroll tal-annimali u tal-ħajja tal-pjanti, u fuq ħtif u l-użu bla rażan tar-riżorsi naturali.

Il-Papa kompla jgħid li l-paċi fid-dinja hija mhedda, mhux biss bil-ġirja għall-armi, l-gwerrer u l-inġustizzji, imma anki bin-nuqqas ta’ rispett lejn in-natura, il-ħtif tar-riżorsi naturali, u bit-telf dejjem jiżdied tal-kwalità tal-ħajja. Dan l-istil ta’ ħajja jħaddan fih sens ta’ nuqqas ta’ kontrol u nuqqas ta’ serħan il-moħħ u, kif qal il-Papa huwa “ġuf ta’ egoiżmu kollettiv, nuqqas ta’ stima għall-oħrajn, u diżonestà.” Hawn il-Papa jgħid u jerġa jgħid u jwissi li l-kriżi ekoloġika “hija kriżi morali”.

Papa-Frangisku

Fuq dan il-pedament li firex il-Papa Ġwann Pawlu II, komplew bnew il-Papiet li ġew warajh. Tant li l-Papa Franġisku fl-24 ta’ Mejju 2015, ippubblika ittra pastorali Laudato Si li wieħed jista’ jsib fuq il-ħolqa http://thechurchinmalta.org/files/article/Enciklika_LaudatoSi.143514750116.pdf

Din tispjega, tgħallem, u twissi dwar ir-responsabbiltà li aħna bħala Nsara għandna lejna nfusna, lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, lejn id-dinja u l-aktar lejn Alla li ħalaqna.   L-Enċiklika tiftaħ bil-kliem mill-għanja ta’ San Franġisk t’Assisi lill-ħolqien: Tifhir lilek Mulej, (Laudato Si’) liema kliem ifakkarna li d-dar tagħna lkoll hija bħal oħtna li magħha naqsmu din il-ħajja. Jfakkarna wkoll fl-omm ħelwa tagħna li tiftaħ idejha biex tħaddanna magħha, li titmagħna bi frott, bi fjuri mlewna u bi ħwawar.

L-Enċiklika ta’ Papa Franġisku tgħallem kemm l-ekoloġija hija importanti u meħtieġa. Hija importanti bħala nisġa li għandha tkun il-mera tagħna f’kollox, l-aktar biex turina r-relazzjonital-persuna tagħna ma’ Alla, mas-sistema ekoloġika, magħna nfusna, ma’ persuni oħrajn, u mal-ħolqien.

aebaldacchino@gmail.com

 

Ara wkoll

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/09/22/l-enciklika-laudato-si-u-l-kummerc/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/03/16/it-taghlim-tar-religjonijiet-u-l-ambjent-9/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/06/25/a-prayer-for-our-earth-pope-francis/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/04/04/the-biblical-apple-tree/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/08/14/mother-earth-brother-sun-sister-moon-some-spiritual-teachings/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/08/16/458/

 


It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6

January 27, 2015

NewsBook

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6

Alfred E. Baldacchino

Qawmien spiritwali ġdid

Għalkemm il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II ħejja u beda dan il-qawmien spiritwali dwar l-ambjent, papiet oħra li ġew warjah ukoll komplew fuq il-passi tiegħu. Il-Q.T. il-Papa Benedittu XVI, fl-Enċiklika Caritas in Veritate tal-2009, u fid-diskors tiegħu f’Jum Dinji tal-Paċi tal-2010, jgħallem fuq id-dmir tal-bniedem għall-ħarsien tal-ambjent.

20 sena wara l-messaġġ tal-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II, il-Q.T. il-Papa Benedittu fl-2010 fil-messaġġ tiegħu tal-Jum Dinja tal-Paċi qalilna li “Jekk wieħed irid jikkultiva l-paci, irid iħares il-ħolqien”. Sejjaħ lill-komunità tal-bniedem biex tirrispetta l-ħolqien, kif ukoll tkellem fuq ir-rabta bejn il-bniedem u n-natura li għandha tirrifletti l-imħabba t’Alla.

 

Papa-Benedittu

Il-Q.T. il-Papa Benedittu staqsa jekk il-bniedem jistax jibqa’ sieket quddiem il-problema marbuta ma’ dak li qed jiġri bħal fil-bdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, it-telf u t-tkissir fl-agrikultura, it-tniggiż tax-xmajjar u l-ilma tal-pjan, it-telf tal-biodiversità, iż-żieda tal-ħsara kbira naturali, u l-qerda tas-siġar u l-imsaġar madwar id-dinja. Staqsa wkoll jekk il-bniedem jistax jibqa’ sieket meta jara kemm dak li qed jiġri u dak li jista’ jiġri fil-ġirja għall-kisba u l-ħtif tar-riżorsi naturali.

Il-mod kif il-bniedem qiegħed iħares lejn l-ambjent qed ibiddel ukoll kif jara lilu nnifsu, u bil-maqlub. Dan jitlob lill-bniedem tal-lum biex iħares bis-serjetà lejn il-mod ta’ ħajja li qed jgħix, li f’ħafna nħawi tad-dinja, qed twassal għat-twemmin li l-konsumiżmu, l-pjaċir u l-kuntentizza huma l-għan ewlieni fil-ħajja, minkejja l-konsegwenzi tal-ħsara li jġibu magħhom. Hemm bżonn, kompla l-Papa Benedittu, bi qbil mal-Papa Ġwanni Pawlu II, bidla fil-mentalità li twassal biex ikun hemm stil ta’ ħajja ġdida.

Il-Q.T. Il-Papa Benedittu wkoll wissa’ li l-kelma ‘jaħkem” kif imsemmija fil-Ġenesi (Ġenesis: 1:28) mhux xi dritt lill-bniedem biex jiddomina d-dinja, imma sejħa biex il-bniedem imexxi f’isem ta’ Alla, sejħa ta’ responsabbiltà. Dan ifisser li “meta l-bniedem jagħmel użu tar-riżorsi naturali, għandu jżomm f’moħħu kif dawn jista’ jkollhom impatt fuq il-ħolqien, u jagħti kas tal-prezz li jrid jinġarr mill-ambjent u mis-soċjetà” bħala parti essenzjali tal-nefqa sħiħ.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jidher sewwa li l-qerda tal-ambjent qed tkun ta’ sfida għall-bniedem biex jifli u jbiddel l-istil tal-ħajja tiegħu, u l-mod kif qed isir il-konsum u l-produzzjoni, li ħafna drabi mhumiex sostenibbli la mill-aspett soċjali, la minn dak ambjentali u lanqas xi kultant minn dak ekonomiku. Il-bdil tal-istil tal-ħajja għall-waħda ġdida huwa ħtieġa mistennija malajr. Kif il-Q.T. il-Papa Benedittu, kompla jgħid li “dan jinvolvi decizjonijiet li jolqtu numru ta’ individwi, familji, komunitajiet, stati u, anki lill-Knisja, kif ukoll lill-missjoni tagħha.”

Hekk naraw li anki l-Knisja għandha responsabbiltà lejn il-ħolqien. Din ir-responsabbiltà trid tiġi murija fil-ħajja pubblika biex tħares id-dinja, l-ilma u l-arja li huma rigali mingħand il-Ħallieq għall-kulħadd. Dan id-dmir tal-Knisja huwa, wara kollox, biex issalva l-umanità mit-theddida li tista’ teqridha.

Fil-kitba li jmiss naraw x’qed jgħid il-Q.T. il-Papa Franġisku fuq dan is-suġġett.

aebaldacchino@gmail.com

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3   http://wp.me/pL6Mk-Of

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4   http://wp.me/pL6Mk-Oq

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 5    http://wp.me/pL6Mk-OR


It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4

December 29, 2014

NewsBook

L-Erbgħa, 31 ta’ Diċembru, 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4

Alfred E. Baldacchino

Żvilupp sostenibbli

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II fisser li l-iżvilupp sostenibbli huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk hija responsabbiltà tqila li wieħed jaħkem fuq il-kreazzjoni b’dan il-mod li jkun veru qiegħed jaqdi l-ġenerazzjonijiet ta’ għada. L-użu tar-riżorsi tan-natura jridu jsiru skont prinċipji u bi ħsieb meqjus mhux biss għall-ħtieġa tal-bniedem tal-lum, imma anki għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. B’dan il-mod, ir-responsabbiltà tal-bniedem fl-ippjanar u l-immaniġġar tar-riżorsi, ma għandhomx ikunu mfassla la fuq żmien qasir, u lanqas fuq qliegħ personali, imma l-bniedem għandu jżomm quddiem għajnejh li l-ħolqien qiegħed hemm għall-ġid tal-umanità kollha.

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II bit-tagħlim tiegħu saħaq dwar ir-rwol u r-responsabbiltà tal-bniedem għall-ambjent. Dan jinstab fid-diskors magħruf tiegħu tal-1 ta’ Jannar tal-1990, fl-okkażżjoni tal-Jum Dinjija tal-Paċi. Il-Papa saħaq li l-pajjiżi flimkien għandhom iwettqu dak miftiehem fuq linji internazzjonali u li jagħmlu jew jgħinu b’mod eħfef il-bdil meħtieg fil-qasam soċjo-ekonomiku fis-soċjetajiet tagħhom.

Fid-diskors ewlieni tiegħu fuq dan is-suġġett, biex aktar iħeġġeg l-għaqda u l-qbil, il-Q.T. il-Papa tkellem fuq ir-rispett lejn in-natura, l-eġoiżmu kollettiv, in-nuqqas ta’ ħsieb lejn ħaddieħor, id-diżonestà, il-kriżi ekoloġika li tikxef il-faqar tal-karattru morali u l-valuri ta’ etika tal-bniedem, it-tbagħbis fl-ekosistema, il-qerda bla rażan tal-annimali u tal-pjanti, u l-esploitazzjoni bla kontroll tar-riżorsi naturali, filwaqt li saħaq il-ħtieġa ta’ progress meqjus, ekonomiku, industrijali u xjentifiku. Ma niddejjaq xejn ngħid li dawn l-impatti negattivi illum mhux biss ma humiex miġġielda, imma huma użati fuq livell politiku biex wieħed isaħħaħ il-ħakma tal-poter tiegħu.

7.-Gwanni-Pawlu-II---stil-ta'-ħajja

Il-Q.T. il-Papa Ġwann Pawlu II għafas fuq il-fatt illi l-paċi fid-dinja hija mhedda mhux biss bil-ġirja għall-armi qerrieda, bil-ġlied reġjonali, bl-inġustizzi li ma jaqtgħu xejn bejn il-ġnus u n-nazzjonijiet, imma anki bin-nuqqas ta’ rispett lejn in-natura, bil-ħtif u s-serq tar-riżorsi naturali, u bit-telfin dejjem jiżdied tal-kwalità tal-ħajja. Dan l-istil ta’ ħajja jostor sens ta’ dgħufija u joħloq dubji fuq il-kapaċità tal-individwu, u “huwa l-ġuf ta’ eġoiżmu kollettiv, nuqqas ta’ stima għal oħrajn u diżonestà”.

Barra minhekk, numru ta’ forzi li jħajjru u jwasslu għall-kriżi ekoloġika, jikxfu l-karattru morali. Illum nafu, bi prezz qares, illi “ma nistgħux imbagħbsu parti mill-ekosistema mingħajr ma ngħatu każ kemm tal-impatti negattivi ta’ dan it-tbagħbis f’oqsma oħra, kif ukoll anki fuq is-saħħa u s-sliem tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”

Ħarsa ħafifa madwar id-dinja turina r-riżultat ta’ din il-mentalità fejn wieħed iħossu kburi li jiftaħar fuq in-nuqqas ta’ moralità. Teħid ta’ ħajja għall-gost, qtil fil-ġuf, u anki ta’ dawk li jitqiesu bħala li huma piż żejjed għas-soċjetà, ix-xewqa tat-tneħħija tal-ħajja mgħejjuna mil-liġi. Insomma għall-materjaliżmu ma hemm xejn ħażin u xi jwaqqfu. Ma jkux wisq ’l bogħod mill-verità meta wieħed jgħid li l-ħażin sar tajjeb u t-tajjeb sar xkiel li jwaqqaf il-progress u għalhekk għandu jitwarrab. Il-ħajja saret għodda li tintuża biex wieħed jaħtaf u jisker fir-rgħiba.

Fl-artiklu li jmiss inkomplu nibnu fuq l-ewwel, it-tieni, it-tielet, u dan l-artiklu, u naraw xi jgħidu r-reliġjużi fuq din il-problema morali.

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3     http://wp.me/pL6Mk-Of

aebaldacchino@gmail.com