GĦALL-ĠID TAL-POPLU… dejjem kif jgħidu
il-Ħadd, 29 ta’ Di1embru, 2013
Alfred E. Baldacchino
Xi kultant nistaqsi lili nnifsi: xhini ddifferenza bejn il-komuniżmu u l-kapitaliżmu, jew aħjar x’xebh hemm bejniethom? Jgħidu li tal-ewwel hija sistema ekonomika fejn minkejja li r-riżorsi ma huma ta’ ebda individwu imma huma ta’ kulħadd, l-istat ifassal u jikkontrollha dawn ir-riżorsi ambjentali u finanzjarji. Mill-banda l-oħra l-kapitaliżmu huwa sistema ekonomika oħra ikkontrollata mill-privat bil-għan li dan jagħmel qligħ minn suq li jikkontrolla l-prezzijiet. It-tnejn jgħidu li l-għan ewlieni tagħhom huwa għall-ġid talpoplu.
Illum bil-globalizzazzjoni tad-dinja, il-kapitalizmu u l-komuniżmu għebu flistorja. Imma mhux qabel tgħammru u weldu wild. Bħal bgħula kollha (hybrids), dan il-wild huwa b’saħħtu ħafna tant li kapaci jilqa’ u jxejjen kull ‘iżmu’ ieħor li jiġi quddiemu u li ma jaqbilx miegħu, sew jekk dan ikun professjonaliżmu, spiritwaliżmu, soċjaliżmu jew nazzjonalizmu, tant li dan il-wild nistgħu nsejħulu Kiżmu. Dan il-Kiżmu juża r-riżorsi finanzjarji, teknoloġiċi, akkademiċi u privati tiegħu biex jipprovdi servizzi u prodotti aħjar, irħas u fi kwantitajiet akbar, biex, dejjem kif jgħidu, joffrihom u jitma’ l-popli tad-dinja dejjem fl-interess u għall-ġid tagħhom.
Tant dan il-Kiżmu huwa b’saħħtu li ġieli jkun hemm fejn is-saħħa tiegħu tiżboq dik tal-istat li huwa mistenni u obbligat biex jirregolah fl-interessi tal-poplu. U ġieli jkun hemm xi politikanti li b’għafsa ta’ qalb ikollhom iħammġu xi ftit idejhom, ma għandniex xi ngħidu mingħajr ma jixtiequ, biex jgħinu lil dawn l-entitajiet li jagħmlu parti minn dan il-Kiżmu. U ġieli wkoll, bil-għajnuna ta’ xi politikant, riżorsi finanzjarji pubbliċi jiġu mgħoddija lil dawn l-entitajiet privati, biex jgħinhom jerġgħu iqumu fuq saqajhom. Ma għadniex xi ngħidu li dan kollu wkoll jsir flinteress u għall-ġid tal-poplu kollu… dejjem kif jgħidu. Imma din il-ġirja, dejjem kif jgħidu, fl-interss tal-poplu, u kif qatt ma jingħad, bil-għan ta’ gwadan materjalistiku individwali, wasslet ukoll biex kull rokna tiġi sfruttata għal dawn l-għanijiet.
Hekk naraw li bit-teknoloġija tal-lum wasslet, fost oħrajn, biex dak li ħalaq il-Ħallieq jinħass li mhux tajjeb biżżejjed u għalhekk irid jiġi modifikat biex isir aħjar. Naraw li organiżmi ħajjin qed jiġu ġenetikament modifikati (GMOs) b’mod l-aktar mgħaġġel biex iwasslu ikel fuq il-platt tal-popli. Ma hemmx għalfejn ngħidu li dan kollu qed isir ukoll għall-ġid tal-popli… dejjem kif jgħidu. Imma t-teknoloġija tal-lum wasslet ukoll biex turi li dawn il-GMOs jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa mhux biss tan-nies imma anki fuq l-ekosistema. Ngħidu aħna dawn jistgħu jwasslu għall-mard bħall-ażma, kankru u anki jistgħu, kif jingħad wkoll, ikollhom impatt fuq il-fertilità tal-bniedem. Dan biex ma nsemmux li jagħmlu ħsara wkoll lill-ekosistema minħabbba l-kimika li tintuża fil-ħolqien u tkabbir ta’ dawn l-organiżmi ġenetikament modifikati, kif ukoll fl-użu tal-kimika marbuta mat-tkabbir tagħhom li tiġi mbexxa fuq l-uċuħ tar-raba’, li jkollha mhux biss impatt negattiv fuq il-biodiversità, jiġifieri l-ħlejjaq ta’ fawna u ta’ flora, u l-ambjent fiżiku tagħhom, bħal ngħidu aħna l-ilmijiet u l-art. U bażi ta’ dan kollu hija li dan qed isir għall-ġid u fl-interess tal-poplu wkoll… dejjem kif jgħidu. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jidher imkien. Saħansitra anki l-Papa tkellem ukoll fuq l-impatt ta’ dan fuq il-popli, u ġie mxebbah ma’ Marxist!
Imma llum ukoll, it-tekonoloġija wżata b’mod ġust u xieraq u b’mod professjonali u etiku, wasslet ukoll biex qajmet kuxjenxa pubblika b’saħħitha fejn il-popli qed jgħidu li mhumiex lesti li jiġu mitmugħa ross bil-labra. U din il-kuxjenza hija mħassba fuq saħħitha u l-ambjent naturali li jweżinna lkoll. Din qiegħda dejjem tikber u tissaħħaħ filwaqt li qiegħda tgħid li ma tridx ikel modifikat la għaliha u lanqas għall-bhejjem tagħha, kif ma tridx lanqas bexx ta’ kimika mbexxa fuq l-art b’rabta tat-tkabbir ta’ dawn il-GMOs.
Din il-kuxjenża pubblika qed tikber saħansitra anki fl-Amerika li weldet il-kapitaliżmu, u tat sehemha biex immodifikatu f’Kiżmu, fejn insibu wkoll l-akbar kumpaniji jaħdmu l-GMOs li jbigħuh madwar id-dinja kollha. Tant din il-kuxjenza ġdida qed tinħass fl-Amerika li wasslet il-kumpaniji jħossu l-bżonn l-għajnuna politika biex tgħinhom ħalli jkunu jistgħu jkomplu jitimgħu l-popli tad-dinja, dejjem kif jgħidu. U bħalissa għaddejja kampanja kbira minnhom biex iġegħlu l-gvern Amerikan japprova li tikketti tal-prodotti tal-ikel ġenetikament modifikat ikunu jistgħu jneħħu kull referenza mit-tikketta li dawn għandhom xi tip ta’ GMOs fihom. Kif qalu, jekk fuq it-tikketta jkun hemm xi ħjiel ta’ GMOs fil-prodott, dan ma jinxtarax minħabba l-kuxjenza kbira kontrihom: il-ġid tal-poplu issa waqa’ fit-tieni post. U hemm politikanti li qed jgħinu biex jintlaħaq dan il-għan.
L-Unjoni Ewropea qed tirrifjuta li taċċetta dan in-nuqqas ta’ tagħrif fuq it-tikketti. Jista’ wieħed jaħseb x’jinqala, jekk xi ħadd imur biex jinxtri karozza u l-bejjiegħ jgħidlu li ma jistax jara l-magna u d-dettalji tagħha għax mhux fl-interess tiegħu? Imma fl-ikel… Wieħed jista’ kważi kważi jgħid li l-operaturi f’din is-sistema ekonomika ġdida saru wkoll ir-regolaturi, u l-istati li kienu r-regolaturi issa saru l-benefatturi.
Dan il-Kiżmu qed ikompli jikber, u jidher ukoll li mhux ’l bogħod minn xtutna. Diġa jidher li hemm kuxjenza politika li lesta li tilqgħu b’idejha miftuha. Sadanittant l-ambjent u l-popli qed ikomplu jħallsu l-prezzijiet moħbija biex dan il-Kiżmu jkompli jikber, u jistgħana, dejjem kif jgħidu… għall-ġid tal-poplu kollu!
Hemm bżonn li l-poplu jkollu aktar sehem fid-deċiżjonijiet u fit-tmexxija tal-pajjiż, u dan għall-ġid veru tal-poplu.