Ġej il-Milied u… dak dundjan!

November 27, 2013

NewsBook

L-Erbgħa, 27 ta’ Novembru, 2013.

Ġej il-Milied u… dak dundjan!

Alfred E. Baldacchino

Waħda mill-­aktar festi kbar tas­-sena hija l-­Milied, għall­-anqas għal dawk li jħaddnu t-­twemmin u jemmnu fit-­twelid ta’ Ġesu Kristu. U waħda mill­karatteristiċi ta’ din il-­festa hija l-­ikla mal­-familja nhar il-­Milied. Niftakar meta kelli madwar għaxar snin, in-­Nanna Karmena kienet issajjar ħasi-serduq imsewwi biex ma jaħlix enerġija żejda u hekk jikber akbar fid-­daqs.

Bħalma ħadna l-­lingwa Ingliża mill­-Ingliżi, minn għandhom ħadna wkoll id­-drawwa li nieklu dundjan minflok ħasi għall-­ikla ta’ nofsinhar.dundjan 2

Huwa għalhekk li matul dawn il-­ġranet it-­talba għad­-dundjani tikber. Hemm żewġ għejjun minn fejn nixtru dawn id­-dundjani għall-­imwejjed tagħna: jew minn dawk li jitrabbu u jissemmnuhom hawn Malta, jew mingħand dawk li jimportawhom.

Illum il-­ħajja hija waħda mgħaġġla: imsejjsa, marbuta u mbuttata minn għan ewlieni li jgħola fuq kull għan ieħor etiku, morali, u kuxjentuż: l-­għan ta’ gwadan materjali fl-­anqas ħin possibbli. U ma hemm l-­ebda rokna jew qasam li mhux mittiefes minn dan il-­għan, anki fil-­qasam tal­-ikel.

Skont kif jaħdem is­-suq, aktar ma jkun hemm talba għall-­prodott, aktar il-prezz ikun għoli, u aktar mal­-prezz ikun għoli aktar ikun hemm ħeġġa biex tikber il-­ħażna għall-­bejgħ. Barra minn Malta, dawk li jkabbru d­-dundjani jagħmlu ħilithom kollha biex ikollhom l­-akbar numru possibbli ta’ dawn it­tjur biex ikunu jistgħu jilqgħu għal din it­-talba. U aktar dawn ma jkunu kbar u ‘sbieħ’ aktar dawn jinxtraw. U ma għandiex xi ngħidu li anki fil-­qasam tal­-ikel l-­ewwel ma tiekol l-­għajn.

dundjani 3

L-­akbar numru ta’ dundjani possibbli jitkabbru fil­-fabbriki tal-­annimali fil-­gaġġeg u jkunu fuq xulxin. Minħabba hekk dawn jingħataw dożi żgħar ta’ antibijotiċi biex ma jkunx hemm mard u infezzjonijiet. U ġieli d-­doża tiżdied xi ftit biex tgħinhom jikbru akbar u aktar malajr ukoll. Iżda studji xjentifiċi sabu li mikrobi li jifilħu għal dawn l­-antibijotiċi jitrabbew fid­-dundjani . U dawn il-­mikrobi jistgħu wkoll jgħaddu għand dawk li jieklu d­-dundjani, tant li meta dawn ikollhom bżonn l­-antibijotiċi, dawn ma jaħdmux fuqhom.

Sadanittant, l-­Unjoni Ewropea qed tieħu passi biex bil-­mod twaqqaf l­-użu ta’ mediċina fuq l-­annimali li jkunu qed jitkabbru għall-­ikel, jekk din il­-mediċina ma tingħatax għall-­għan ewlenin ta’ mard.

Dan mill­-ewwel juri li l-­konsumatur Malti għandu bżonn malajr kemm jista’ jkun aktar tagħrif dwar l-­ikel li qed jiekol. Minbarra mediċina li tintuża fuq l-­annimali li qed jiekol, hemm ukoll l­-użu tal-­pestiċidi u aktar u aktar l­-organiżmi ġenetikament modifikati li jitpoġġew fuq is­-suq.  Ix­-xerrej għandu jkun jaf x’qed jixtri, biex b’hekk ikun jista’ jagħżel hu dak li jixtieq. Dan mhux biss biex ikollu għażla imma anki biex ikun żgur li l-­ikel li jkun qed jiekol ma jkollux effett fuq saħħtu mingħajr ma jkunx jaf.

Wieħed mill-­passi li jistgħu jittieħdu huwa li l-­prodotti tal-­ikel ikollhom tikketta li sserraħ moħħ ix­-xerrej. F’dan il­-każ tad­-dunjani, biex ma ninfirxux ħafna, kull dunjdjan mibjugh jista’ jkollu fuqu kitba li tidher u li tgħid jekk hux  “impurtat minn (pajjiż). Ma fihx antibiotiċi” jew “Imkabbar u msemmen Malta”.

U hawn jista’wkoll igawdi l­-bidwi Malti li b’daqsxejn għajnuna jista’ jiġi mgħejjun biex irabbi, kemm annimali kemm ħxejjex li ma jkollhomx fiħom mediċina u kimika. Ma għandniex xi ngħidu dawn jistgħu iqumu xi ftit aktar, imma konsumatur edukat ikun lest li jħallas ftit aktar għall-­ikel għax jaf li sejjer ikun qed jiffranka l-­flus li jkun irid jonfoq minħabba saħħtu.

Kif jgħidu s­suq is­suq. U hija biss it-­talba jew in-­nuqqas tagħha li tista’ twassal biex ix-­xerrej isib il-­prodott li jixtieq u jrid hu u mhux li jiġi mogħti lilu.

dundjan 5

Nixtieq minn hawn nawgura lill-­qarrejja tan-­NewsBook il­-Milied ħieni, mimli risq, saħħa, u paċi…  u l­-ikla t-­tajba. Imma kull bil­-għaqal!

Advertisements

La Valette imlibbes ta’ Ċikku l-Poplu

October 30, 2013

Alfred E. Baldacchino  –  30/10/2013 15:18

Meta smajt bl-­aħbar li l­-monument ta’ La Valette ġie mlibbes ilbies kontemporanju għidt bejni u bejn ruħi li dan kien l­-għaġir ta’ xi erba’ bħal dawk li żebgħu il-­graffiti ma’ ġenb id­-daħla ta’ fejn darba kien hemm Bieb il­-Belt biex juru l­kultura kontemporanja. Imma meta qrajt li din kienet parti mill-­attività uffiċjali biex wieħed setà jifhem aħjar il­-kultura kontemporanja, allura ħassejtni mifxul. Aktar u aktar meta fuq il-­mezzi tax­-xandir rajt filmat ta’ La Valette imlibbes b’dan il­-mod u erba’ żagħżagħ jaqbżu quddiemu fuq injama b’erba’ roti jesprimu l­hekk imsejħa kultura kontemporanja.

Għalxejn ippruvajt insib tarf ta’ din il­-kobba. Imma m’għandix dubju li dawn ma tantx juru rispett nazzjonali lejn l­-istorja u l-­kultura ta’ pajjiżna, kif qaluli numru ta’ nies li tkellmu miegħi fuq hekk.

Fit-­taqbida li kelli biex forsi nsib tarf staqsejt lili nnifsi: min jaf kieku wieħed, mit­-tliet monumenti li hemm Kastilja, faċċata tal­-Ufiċċju tal-Prim Ministru, jitlibbes b’dan l­-istil b’rabta mal­-kultura kontemporanja? M’għandix dubju li kieku l­-ammont ta’ bozoz ħomor u blu li kienu jixgħelu mhux biss kienu jdawlu din il-­pjazza imma kienu jiddu u jagħtu s-­sehem tagħhom lill-belt kollha fl-­okkazzjoni ta’ din il-­lejla kulturali kontemporanja!

Ippruvajt inpoġġi ruħi fiż-­żarbun ta’ La Valette, imlilbbes kif kien metru ’l fuq mill-­art. Żgur kont nara t­-teatru fi stat dilapidat kif ilu sa mill­-1942. Imma ma kontx inkun nista’ nara kif il­-bieb ta’ din il-­belt famuża mad-­dinja kollha ġie mibdul f’xaqq. Ma kontx inkun nista’ nara s-­selħa li darba saret taħt il-­barrakka biex saret triq iddur mal-­Belt, u lanqas ma kont nista’ nara s­-selħa l-­oħra li darba saret f’San Ġwann t’Għuxa, Bormla. Tgħid forsi anki din hija parti mill-­kultural kontemporanja? Ma għandniex xi ngħidu ma kontx nista’ ma narax dik il-­kaxxa twila twila, bit­-twieqi forma ta’ persjani tal-­ġebel biex ma jgħammxux l­-għajnejn il­-mexxejja poliltikanti li għada pitgħada, kif intqal, minn hemm ser ikomplu jfasslu l­-istorja ta’ dan il-­pajjiż u jibnu, wieħed jifhem u jittama’ fuq l­-istorja tal­-passat, fuq il­-kultura nazzjonali, u fuq is-­sens komun. Hekk naħseb jien għall-­anqas.

Komplejt nitħawwad meta smajt fuq wieħed mill­-istazzjonijiet tat­-TV Maltin li fil-­passat ma kinetx tkun xi sagrileġġ kieku s­-swar kellhom jitwaqqgħu jew jinstelħu biex jagħmlu triq jew fetħa. Daqslikieku ma kien ikun hemm l­-ebda tniggiż ta’ ebda kuxjenza jekk isir xi kunċert bil-­mużika kontemporanja u bir-­raġġi lażer jiżfnu ma’ kull rokna ġewwa l­Konkatidral ta’ San Ġwann.

Intqal ukoll li l­-Ingliżi ma waqqgħux is-­swar għax ma kellhomx flus biżżejjed! Fil­-kotba storiċi li naf bihom jien, l-­Ingliżi sewwew is­-swar ta’ San Ġwann f’Għajn Dwieli fl-­1950 mill-­ħsara li kellhom u ħolqu mini taħtu flok għamlu selħa. U ma għamlux xaqq fis-­swar flok Bieb il­-Belt, imma fl-­1853 biddlu l-­bieb. Lanqas ma għamlu selha fis­-swar tal-­Belt imma fl-­1885 kabbru Victoria Gate. U lanqas ma waqqgħu Bieb il-­Bombi imma fl-­1868 kabbru l­-bieb b’ieħor ħdejh, għall­-kumdità tal-­poplu. Imbagħad illum issib min jgħidlek li siġra li tikber ma’ ġenb is-­swar tnaqqsilhom mill-­kobor u l-­majestà tagħhom, imma xaqq flok bieb ma jimpurtax. U tgħid din hija parti mill-­kultura komtemporanja wkoll?

Li jbeżżagħni ħafna huwa n­-nuqqas ta’ rispett dejjem jikber, tal-apprezzament u tal­-għarfien lejn il-­kobor li pajjiżna huwa mogħni bih. U dan mhux biss jidher, jinħass u jsawtek bil­-ħarta, bil-­qerda ta’ ħajja naturali ta’ pajjiżna għal raġunijiet ta’ qligħ ta’ flus u raġunijiet oħra egoistiċi, imma anki n-­nuqqas ta’ rispett għalina stess, għall­-ħajja tagħna tal-­lum, biex ma nsemmix dik tal-­ġenerazzjoni ta’ għada li silfuna dan il­-wirt kollu.

Sirna nirranġunaw: il­-bieraħ min jafu, għada min raħ. Illum naħtfu u niffangaw hekk kif jisbaħ. U hemm fejn dan ukoll xi minn daqqiet għandu l­-barka tal-­mexxejja poliltiċi għal­ raġunijiet li jifhmuhom huma biss. Aktar ma nipprova nifhem lill-­mexxejja politikanti, aktar qed inħoss li mhux sejjer jirnexxili nagħmel dan, għalkemm nifhem kif ir­-riżultat tad­-deċiżjonijiet tagħhom iħallas għalihom il-­poplu u l­-ambjent. Tgħid din tista’ tkun waħda mir-­raġunijiet psikoloġiċi għaliex il­-poplu jlibbes lill-­mexxej tal-­passat bi lbies kontemporanju?

Forsi xi ħadd jgħid li jien ma nifhimx fil-­kultura kontemporanja, imma jekk b’kultura kontemporanji wieħed jifhem dak li għidt hawn fuq, mhux biss ma rridx nifhimha, imma lanqas biss nixtieq li nkun parti minnha jew li jkolli x’naqsam magħha.

Filwaqt li l-­istoriċi u r-­riċerkaturi jilletikaw, ifittxu u jqallbu l­-manuskritti u d­-dokumenti mgħobbija bl­-għabra biex jaraw jekk il-­Gran Mastru li bena l­-Belt Valletta kienx jiffirma la Valette jew de la Valette, il­-mexxejja tal-­lum f’isem il­kultura kontemporanja semmewh u libbsuh ta’ Ċikku l-Poplu.

Alfred E. Baldacchino