Susa perikoluża għatba ‘l bogħod minn Malta

February 9, 2017

Alfred E. Baldacchino

Il-Ġimgħa, 9 ta’ Frar, 2017

Ħabib tiegħi poġġa l-ħolqa fuq il-facebook ta’ artiklu li deher fuq in-Newsbook dwar susa perikoluża, għatba ‘l bogħod minn Malta, li qed teqred is-siġar tal-ħarrub,

Skont Newsbook, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qal fi stqarrija li s-susa bl-isem xjentifiku ta’ Xylosandrus compactus ġiet innutata f’Ragusa Sqallija fir-rebbiegħa tas-sena l-oħra, fejn qerdet ħafna friegħi mis-siġra tal-ħarruba.

Filwaqt li l-awtoritajiet Taljani nedew miżuri sabiex dan l-insett jiġi kkontrollat, dan infirex matul is-sajf u l-ħarifa.

Id-Direttorat bħalissa jinsab għaddej b’kollaborazzjoni mal-Università sabiex jiġbor aktar dettalji u jkun armat jekk din il-ħanfusa titfaċċa Malta. Sa issa għadhom ma ġewx rappurtati każi ta’ dan l-insett f’Malta.

Il-kobor ta’ dan l-insett ivarja bejn il-1.4mm u l-1.9mm, u għandu forma kemxejn tonda u ċilindrika, u huwa ta’ lewn kannelli jew sewdieni.

Il-vittmi ta’ dan l-insett bosta drabi huma siġar u arbuxelli li jkunu diġa ddgħajfu minn qabel, iżda ġew rappurtati każi ta’ siġar friski li nqerdu mis-susa.

Id-Direttorat irrimarka li din hija waħda mill-ftit susi li jinfestaw u jeqirdu pjanti b’saħħithom, u tappartjeni għal familja ta’ susa li hi differenti mill-familji l-oħra minħabba l-mod kif tħaffer fiz-zokk.

———-0———-

Christian Borg fuq il-facebook kiteb hekk:

“Id-Direttorat bħalissa jinsab għaddej b’kollaborazzjoni mal-Università sabiex jiġbor aktar dettalji u jkun armat jekk din il-ħanfusa titfaċċa Malta. Sa issa għadhom ma ġewx rappurtati każi ta’ dan l-insett f’Malta.”

Tajjeb li jsiru studji, imma f’dak l-istadju ma jidrilniex li jkun daqxejn tard wisq?? Espert zgur li minix, imma cert li jistghu jittiehdu iktar mizuri biex nevitaw milli jidhol dan l-insett.

X’tahseb Alfred E. Baldacchino?!

———-0———-

Nirringrazzja lil Christian Borg li ġibidli l-attenzjoni u staqsini x’naħseb.

Xi tridni naħseb Christian? In-nies ta’ dan il-pajjiż jidhru determinati li jagħmluh deżert mingħajr ebda siġra. Naraw l-importazzjoni ta’ speċi invażivi bl-addoċċ u mingħajr kontrol, xi kultant ukoll imħallsa minn flus pubbliċi; nfiq ta’ €57 miljun minn flus pubbliċi u tal-EU wkoll biex l-ilma tax-xita narmuh il-baħar, waqt li dak tal-pjan jitella’ kif ġie ġie, bla kontrol ta’ xejn. Meta ħadd ma għandu l-ebda ħjiel, jew xi xewqa li jkun jaf bid-diżastru li qed inġubu fuqna, anzi nonfqu l-flus biex inġubuh b’idejna, x’tistenna?

Mill-esperjenza li għandi ta’ dan il-pajjiż, issa nistennew u nitolbu biex din is-susa ma ssibx ruħha hawn Malta. U meta tidħol imbagħad ngħidu li daħlet u nibku ftit ukoll u ngħidu ara x’ġaralna! Imbagħad inwaqqfu l-importazzjoni ta’ dawk is-siġar li din is-susa tista’ tiġi magħhom. Jew inkella nivvintaw xi bexx biex inbigħuh lil dawk li għandhom xi siġra tal-ħarrub biex inkomplu ngħinu lil dawk li l-għan tagħhom huwa li jagħmlu l-qliegħ mill-injuranza ta’ dawk li jmexxu.

Din il-ħanfusa hija indiġena għall-pajjiżi mill-orient, u nfirxet permezz tal-kummerċ. Hija tattakka madwar 200 speċi ta’ pjanta.
U jekk tgħidli li qed nesaġera, infakkret f’meta daħal il-Bumunqar Aħmar tal-Palm – ir-red palm weevil. Minkejja li kien hemm pariri biex ma jiġux importati siġar tal-palm minħabba dan il-bumunqar, xorta ġew importati. U minn fejn? Minn dawk il-pajjiżi fejn dan kien qed jagħmel ħerba bla rażan. Sallum inqerdu ‘l fuq minn 5000 siġra tal-palm.
U hekk naħseb li sejjer jiġri minn dan il-susa sewda tal-friegħi (black twig borer).
Ir-responsabbiltà biex jittieħdu passi hija tal-ERA – l-Awtorità tal-Ambjent u tar-Riżorsi). Din għanda l-għodda legali kollha biex twaqqaf id-dħul ta’ din il-ħanfusa. U magħha hemm ukoll is-Segretarjat tal-Agrikultura. Dawn it-tnejn qegħdin fil-Ministeru tal-Ambjent.
Issemma wkoll li “Id-Direttorat bħalissa jinsab għaddej b’kollaborazzjoni mal-Università sabiex jiġbor aktar dettalji u jkun armat jekk din il-ħanfusa titfaċċa Malta. Sa issa għadhom ma ġewx rappurtati każi ta’ dan l-insett f’Malta.”
Dan jgħati ‘l wieħed x’jifhem li d-Direttorat diġa qata’ qalbu li jwaqqaf id-dħul ta’ din il-ħanfusa f’pajjiżna, u qed jagħmel studju biex jikkontrollaha meta tidħol. Imma ma hemm l-ebda viżjoni, ħeġġa jew determinazzjoni biex din il-ħanfusa ma titħallhiex tidħol. L-istess kif ġara meta daħal il-Bumunqar Aħmar tal-Palm.
U ngħid jien, meta l-Università ħallset biex 60 siġra taż-żebbuġ inħasdu metru ‘l fuq mill-art, għax kif intqal kienu qed iwaqqgħu ftit weraq fuq il-karozzi, u qisu ma ġara xejn, taħseb li l-Università ta’ Malta, għandha xi viżjoni, ħeġġa jew interess fil-ħarsien tas-siġar u kif sejra titwaqqaf din is-susa sewda tal-friegħi milli tidħol hawn Malta?
Kull ma nista’ nagħmel jien, Christian, huwa li nitlob ‘l Alla biex jgħinna ftit ħalli nużaw imqar niskata intelliġenza minn dak li tagħna, forsi nbexxqu ftit għajnejna mill-għamad tal-kilba tal-flus li qed jaħkimna, jagħmina u li sejjer jeqridna.
aebaldacchino@gmail.com
ara wkoll:
Advertisements

IS-­SIĠAR BARRANIN… l-­impatti ta’ viżjoni għamja

February 12, 2014

NewsBook

IS-­SIĠAR BARRANIN…  l-­impatti ta’ viżjoni għamja

Alfred E. Baldacchino

Fl­-aħħar artiklu rajna kif speċi miġjuba minn barra l­-pajjiż jista’ jkollhom impatt negattiv dirett fuq l­-ekoloġija ta’ pajjiżna. Iżda minbarra dan l-impatt dirett jista’ jkun hemm ukoll impatt indirett. U anki hawn l-­impatti negattivi indiretti jkollhom effetti ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi. Din il-­ħsara mhix marbuta ma’ speċi ħajjin biss li jinġabu minn barra, imma wkoll ma’ oġġetti magħmula minn speċi ħajjin, bħal ngħidu aħna, injam, kif sejrin naraw aktar ’l quddiem.

Minn ma semgħax bil-­bumunqar aħmar tal­-palm? Dan daħal mas-Il-Bumunqar Aħmar tal-Palmsiġar tal-palm li ġew importati mill­-Eġittu u mill-Italja, fejn kien qed jagħmel ħerba mis-siġar tal-­palm. Li kieku intuża l-­prinċipju ta’ prekawzjoni biex jilqa’ għall-­possibiltà li dan l-­insett ma jidħolx hawn Malta, kieku ma kienx ikun hemm din il­-ħsara ekoloġika, soċjali u ekonomika. Imma l­-kilba għall-­qliegħ tal-­flus ġiet qabel kollox, u xejnet kull prinċipju ta’ ħarsien ekoloġiku.

Minn meta dan daħal f’pajjiżna fl-­2007, inqerdu ’l fuq minn 800 siġra tal­-palm. Issa rnexxilu jasal ukoll anki f’Għawdex fejn qed idur is­-siġar tal­-palm kollha. Xi ħadd ħabbel rasu u inkwieta? Iva, minn kellu s-siġar tal-­palm, uħud anki ta’ valur sentimentali u storiku.

Minn ma semgħax bil­-ħanfusa tal­-qrun twil tat-­tut, li daħlet mal-­injam u li qerdet is-­siġar tat-­tut kollha minn Ħaż­-Żebbuġ, Ħ’Attard, is-Siġġiewi, ir-Rabat u l-­madwar. Xi hadd inkweta? Iva, minn kellu dawn is-siġar, siġar xjuħ u uniċi li kienu mfittxija għall­-frott bnin tagħhom.

Il-Ħanfusa-tl-Qrun-Twil-tat-Tut

Il-Ħanfus tal-Qrum Twil li diġà qerdet numru kbir ta’ siġar tat-tut. Issa minħabba    n-nuqqas ta’ dawn is-siġar, daret fuq is-siġar tat-tin.

U dawn huma ftit mill-­ispeċi li ddaħħlu hawn Malta mas-­siġar u pjanti oħra, għax hemm numru ta’  bebbux tal-­art li qed jinfirex bil­mod il-mod sakemm il­-popolazzjoni tagħhom tikber u l­-ħsara tibda tidher, u tinħass. Xi ħadd qed jinkwieta? Żgur mhux dawk li jimportaw dawn is­-siġar u pjanti oħra li magħhom iġibu dawn l-­ispeċi f’pajjiżna. Bilkemm ma nistħajjilx lil xi ħadd, anki xi politikant jgħid, imma għalfejn tinkwieta? Ma kienx hemm minn ħaddem in­-nies, u qala’ l-flus? U billi daħlu xi insetti u bebbux, u nqerdu ftit siġar, allura x’ġara? Li ġara hu, li kien hemm xi ħadd għall-­qliegħ tal­-flus, anki bil-­barka politika, issa  l-­poplu u l­-ambjent qed iħallsu il-­prezz tal­-ħsara ta’ din il-­viżjoni għamja.

Imma forsi wieħed jistaqsi fejn qegħdin jitħawlu s­-siġar miġjuba minn barra minn Malta. Jekk wieħed imur, fost postijiet oħra, sal­waterfront il-­Belt, jew fil-­Kottonera, jew fejn jiltaqgħu l­-karozzi tal­-linji l-­Belt biex jiġbru n­-nies, barra dak li darba kien bieb il-­Belt, wieħed jista’ jara ħafna minn dawn is-siġar. Siġar li ġurnata ma kinux hemm, u l­-għada f’daqqa waħda dehru fuq il­-post xi wħud aktar minn 5 metri twal. U forsi wieħed jistaqsi dawn kemm swew. Tagħrif uffiċjali  jgħid li dawk tal-­Kottonera biss swew mat-€30,000 u nġabu mill-­Italja. Dawk ta’ barra bieb il­-Belt jingħad li swew madwar €10,000 il-­waħda. Minnhom hemm 27 waħda, ħamsa minnhom mietu u ġew mibdula b’oħrajn ġodda. Imma forsi anki hawn xi ħadd jistaqsi: imma dawn minn ħallas għalihom? Iva, int u jien. Bħalma qed inħallsu l­-ħsara indiretta ta’ xi wħud minnhom, int, jien u l-­ambjent naturali.

Forsi xi ħadd ukoll jistaqsi, imma ma hemm ħadd responsabbli għall-ippjanar u l-­ħarsien tal-­biodiversità Maltija biex jara li dan ma jiġriex. Qabel l­-2013 ir-­responsabbiltà kienet tal-­Minstru tal-­Ambjent fejn il-MEPA kienet l-Awtorità Kompetenti biex tħares il-­wirt nazzjonali (u xorta dawn kienu jsiru!). Illum il­-Mepa mhix taħt ir-­responsabbiltà tal-­Ministru tal-­Ambjent imma taħt Segretarju Parlamentari fl­-Uffiċċju tal­-Prim Ministru (u xorta għadhom isiru). Mill-­2013 it­-tisbih tal-­art waqa’ taħt ir-­responsabbiltà tal-­Ministru tat­-Transport u l-Infrastruttura, minkejja li s-­siġar huma parti mill-­biodiversità u mhumiex sinjali tat-­traffiku jew lampi tad­-dawl. U l-MEPA… imħabbta bil-­ħruġ tal­-permessi tal-­bini u tara kif tibbilanċja dawn mal­-qerda tal­-ambjent li hija suppost li twaqqaf,  kif jingħad uffiċjalment

Sakemm hemm il­-qliegħ tal-­flus b’din l-­attività kummerċjali bis-­sigar; sakemm hemm numru ta’ ħaddiema li qed jitħallsu biex jagħmlu dak li jgħidulhom, anki jekk ma jaqblux miegħu; sakemm il­-flus biex dan isir, ħafna drabi bi flus pubbliċi wkoll; sakemm il-mexxeja politiċi u soċjali ta’ dan il-­pajjiż jibqgħu ma jagħtux każ il-­bżonn tal-­ħarsien tal­-ambjent u jkejlu l-progress biċ-­ċifri ta’ flus biss, u jibqgħu ma jridux jafu bil­-ħsara ekoloġika u soċjalil li qed issir, wieħed bilforsi jibqa’ jistaqsi kemm sejra tkun kbira din il­ħsara ekoloġika, soċjali, u ekonomika.

U hekk rajna l-­impatt indirett tas-­siġar barranin imdaħħla fil­-gżejjer Maltin. Aktar ’il quddiem naraw xi speċi li qed jgħinu f’din il-ħsara soċjali, ekonomika u ekoloġika, minħabba din il-­viżjoni għamja li qed twassal biex il­-ftit igawdu finanzjarjament u l­-poplu u l­-ambjent iħallsu.

ara wkoll:

Is-siġar barranin… u l-impatt dirett tagħhom

http://wp.me/pL6Mk-Bu

alfredbaldacchino@gmail.com