Il-bexx kimiku, is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – 2

May 11, 2015

 

NewsBookit-Tlieta, 2 ta’ Ġunju, 2015

Il-bexx kimiku, is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – 2

 Alfred E. Baldacchino

Kif rajna fl-ewwel parti, il-kimika glyphosate qed tintuża dejjem aktar kemm biex toqtol ħaxix li huwa meqjus ‘ħażin’ u kif jingħad ukoll biex ikun hawn aktar ikel biżżejjed għan-nies! Wieħed mill-prodotti li fih din il-kimika u li jintuża madwar id-dinja kollha huwa r-Roundup. Rajna wkoll studji internazzjonali li saru dwar l-impatt ta’ din il-kimika fuq is-saħħa tan-nies u tal-ambjent.

Fl-imsaren il-bniedem għandu miljuni u miljuni ta’ organiżmi mikroskopiċi ħajjin (batterja). Dawn jgħinu biex iżommu l-ġisem tagħna b’saħħtu, u fost oħrajn, biex mill-ikel li jiekol il-ġisem jieħu nutrienti u vitamini meħtieġa, kif ukoll biex iżommu u jwaqqfu l-batterji oħra milli jagħmlulhom ħsara. Instab li l-glyphosate ikisser dan il-bilanċ bejn il-batterji tajba u dawk ħżiena fl-imsaren tat-tjur.

Naraw illum kif din il-kimika glyphosate, skont studji li saru u li ġew ippublikati fil- Journal of interdisciplinary toxicology, jista’ wkoll iwassal għall-marda seliak.

Il-marda tas-seliak hija marbuta ma’ dan l-iżbilanċ ta’ dawn il-batterji fl-imsaren. Dawk li jbagħtu minn din il-marda tas-seliak huma aktar faċli li jkollhom il-kankru taċ-ċelluli bojod tad-demm, u jistgħu isofru minn infertilità, korriment, u wlied immankati. Dan b’xi mod huwa marbut ma’ din il-kimika. Sintomi oħra huma diareja, ħmura fil-ġilda, depressjoni u ħedla, kollha marbuta ma’ xi nuqqasijiet fl-ikel. Problemi fil-kliewi qed jiżdiedu wkoll fuq skala dinjija, u anki dawn huma marbuta mal-marda tal-seliak.

Dan l-istudju jagħti ’l wieħed x’jifhem li l-glyphosate li jistab fir-Roundup jista’ qiegħed iwassal għal dan.

Ta’ min wieħed jistaqsi x’qed isir f’pajjiżna f’dan il-qasam. Nafu li dan ir-Roundup jintuża kemm minn individwi kif ukoll minn entitajiet uffiċjali mħallsa kemm mill-gvern ċentrali kif ukoll minn gvernijiet lokali. Wieħed ma jistax jgħid li l-istudji li saru barra minn Malta ma japplikawx għall-pajjiżna wkoll.

bexx-fit-toroq

bexx fit-toroq imħallas minn flus pubbliċi

bexx-flurban

bexx fl-urban ma tmurx tikber xi werqa.

Ta’ spiss wieħed jara nies bil-maskra għaddejjin ibexxu kimika fit-toroq, fuq il-bankini, madwar is-siġar, fl-għelieqi, insomma kull fejn tikber xi ħaxixa li hija meqjusa bħala ħażina. Wieħed jara wkoll medded maħruqa kannella wara li dawn jiġu mbexxa minn din il-kimika. Ta’ spiss ngħaddi minn numru ta’ toroq fejn jidher dan it-tapit kannella ta’ ħaxix li safa mbexxex biex jinqered il-ħaxix u fjuri slavaġġ.

bexx-agrikolu-1

bexx fl-agrikultura

Postijiet li jiġu f’moħħi mill-ewwel huma d-daħla għall-ajruport, li tisfa’ mbexxa sena wara sena, u anki l-medda f’nofs it-triq l-Imrieħel. Darba hawn kienu jikbru u kien ikun hemm tapit ta’ leblieb roża u ieħor ta’ ħubbejża li tant kienu jkunu sbieħ. Illum tara xi tapit kannella ta’ ħaxix maħruq u dawn il-fjuri ma jikbrux aktar. Minbarra li qed jinqerdu dawn il-fjuri slavaġġ, dan qed iwassal ukoll biex anki n-naħal li jirgħu fuq dawn il-fjuri biex jagħmlu l-għasel ukoll qed isofru u jinqerdu. U mgħandniex xi ngħidu annimali oħra li jieklu dawn l-insetti mċappsa bil-kimika, bħal għasafar u anki rettili.

Dan ix-xogħol isir, fost oħrajn, mis-sieħeb kummerċjali privat tal-gvern li jingħata €8 miljun fis-sena biex ‘isebbaħ’ ’l-Malta.

bexx-fuq-il-bankingi

bexx fuq il-bankini anki bi ħsara għall-ħaddiem innifsu. Tgħid għax dan mhux Malti?

Xogħol ieħor bħal dan isir minn xi Kunsilli Lokali li jqabbdu wkoll xi kuntratturi biex ibixxu bi prodott li fih din il-kimika fir-raħal jew belt tagħhom. U hekk naraw ukoll nies bil-maskra jbexxu bankini, passaġġi, madwar siġar, insomma kull fejn tikber xi ħaxixa li hija meqjusa ħażina fil-konfini tagħhom.

Dan il-prodott jintuża wkoll fil-qasam tal-agrikoltura b’impatt negattiv ukoll fuq in-naħal u l-industrija tal-għasel, u fuq annimali oħra li jieklu l-insetti milquta.

Kemm għaqdiet mhux governattivi, kif ukoll individwi u anki jien, ktibna u tkellimna kemm-il darba dwar din il-ħela ta’ flus pubbliċi b’dan il-bexx, li huwa ta’ ħsara kemm għas-saħħa tal-poplu kif ukoll għall-biodiversità. Minkejja wkoll li anki mort ma’ oħrajn inkellmu lill-uffiċjali ta’ entitajiet governattivi responsabbli, dan il-bexx kien isir u għadu jsir. Ir-risposta mill-entitajiet li ngħatatilna kienet “mhux jien” u sfajna mibgħutin minn Qajfas għand Pilatu. Ħadd mhu responsabbli u ħadd ma jaf minn hu responsabbli! Ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex tindirizza t-trażżin ta’ dan l-aġir. Wieħed ma jistax ma jgħidx u ma jaħsebx li hemm aktar interess biex dan il-bexx kimiku bl-impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent ikompli jsir, milli hemm xi rieda biex dan jitwaqqaf fl-interess ta’ saħħet il-poplu u tal-ambjent.

bexx-f'mater-dei

bexx fl-Isptar Mater Dei biswit fejn in-nies jistennew il-karozzi tal-linja. Forsi dan xi riklam għall-isptar?

Tal-anqas wieħed jistenna lill-Ministru li huwa responsabbli mill-Ministeru tal-Landscaping minn fejn jitħallas l-użu ta’ dan il-bexx; lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-agrikultura fejn jintuża dan il-bexx; lis-Segretarju Parlamentari li huwa responsabbli mill-Kunsilli Lokali li jħallsu biex jintuża dan il-bexx; u lis-Segretarju Parlamentari li huwa responsabbli mis-saħħa tal-poplu li qed isofri minn konsegwenzi ta’ dan il-bexx; u l-aħħar imma mhux lanqas lis-Segretarju Parlamentari li huwa responsabbli mill-ambjent naturali (il-biodiversità), li jieħdu l-passi meħtieġa u urġenti biex jaraw li l-poplu u l-ambjent ma jibqgħux iħallsu kemm finanzjarjament kif ukoll fiżikament biex jaqdu lil dawk li jridu jibqgħu jużaw din il-kimika.

hubbejża-tar-raba'

Ħubbejża tar-raba’ li wkoll kienet issebbaħ il-madwar – għebet ukoll bil-bexx

leblieb-tar-raba'

Leblieba tar-raba li kienet tikber mingħajr ebda spiża. Meqruda bil-bexx.

L-ghibien-tal-leblieb-u-l-hubbejż-wara-t-tqaxxir-u-bexx

Il-fjuri slavaġġ li kienu jikbru, mqaxxrin u meqrudin, bil-ħlejjaq kollha li kienu jwieżnu. U dan sar bi flus puibbliċ u bil-barka politika.

Imma, ma niskanta xejn jekk ikun hemm xi politiku intelleġenti aktar milli naħseb, li jgħidilna li kemm-il poplu kif ukoll l-ambejnt iridu jħallsu xi ħaġa, anki b’saħħithom, biex ma jwaqqfux il-progress u ma jintilfux l-impiegi. U wara kollox il-kura fl-isptarijiet mhix b’xejn?!

Nafu kif dan il-pajjiż jitmexxa politikament. Nistennew il-bajtra taqa’ u mbagħad nagħmlu studju biex naraw għaliex din waqgħet. U jekk l-istudju ma jogħġobniex, nerġgħu nagħmlu studju ieħor. Sadanittant il-bajtar ikompli jaqa’.

U hekk is-saħħa tal-poplu u tal-ambjent jibqgħu jmorru lura waqt li l-kimika tkompli tintbexx, sakemm…

2015.05.23---march-against-Monsanto---Valletta

Mixja fil-Belt Valletta minn għaqdiet ambjentali li saret is-Sibt 23 ta’ Mejju. 2015, kontra minn jipproduċi din il-kimika.

ara wkoll:

Il-bexx kimiku, is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-Rw

 

 

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

Kunsilli Lokali… mill-Imdina għal Pembroke

July 7, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 7 ta’ Lulju, 2014

Kunsilli Lokali… mill-Imdina għal Pembroke
Alfred E. Baldacchino

Rajna u tkellimna dwar xogħolijiet li kellhom impatt negattiv fuq il-biodiversità. Tkellimna fuq ix-xogħol li sar fil-konfini tal-Kunsill Lokali tal-Imdina li jiġbor fih il-qerda tal-biodioversità fil-foss tal-Imdina fejn inqalgħu numru ta’ siġar biex isir ġnien ta’ kwalità. Rajna ż-żrar li ntefa fil-madwar tal-ġnien Howard u fih tħawlu numru ta’ kaktus eżotiċi, biex kif intqal isebbah l-­ambjent. Rajna ukoll is-serħan tal-karozzi fuq it-Tomba fil-ġnien Howard. Rajna kif pjanti indiġeni tqaxxru mill-ġnien Howard u tħallew pjanti invażivi. Insomma rajna l-faqar ta’ dan il-Kunsill lejn l-apprezament u l-ħarsien tal-biodiversità Maltija, u kif il-qerda tagħha issir bil-għajnuna ta’ flus pubbliċi.

Xi kultant naħseb li qisu hemm xi taqtigħa bejn xi kunsilli biex jaraw min minnhom iħallas l-aktar biex tinqered il-biodiversità Maltija. Ftit wara li dehru dawn l-artikli fuq dan il-blog dwar ix-xogħol tal-Kunsill Lokali tal-Imdina, ċempilli ħabib tiegħi u qalli bil­-qerda li qed issir fix-xagħri ta’ Pembroke. Ħaddiema, li kif nista’ nifhem kellhom l-approvazzjoni u mħallsa mill-Kunsill ta’ Pembroke (sakemm ma kienux ta’ xi Ministeru), dehru fix-xagħri jaqtgħu l-ħaxix li huwa meqjus bħala ħaxix ħażin.

Il-ħaxix-imqaxxar-minn-Natura-2000

Il-ħaxix – ambjent naturali – imqaxxar mis-sit Natura 2000 f’Pembroke.  U dan mhux la tal-ewwel u lanqas tal-aħħar.

Ix-xagħri f’Pembroke ġiet dikjarata mill-gvern ta’ Malta bħala wesgħa li hija sinjura fil-pjanti indiġeni Maltin li jikbru waħdehom fis-selvaġġ. U din toffri ambjent naturali għall-fawna li tgħix fuqhom u madwarhom. Dan ix-xagħri f’Pembroke huwa meqjus bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni taħt id-Direttiva tal-Ambjenti Naturali tal-Unjoni Ewropa. Tant li kienet uffiċjalment imħarsa u ntbgħatek lill-Unjoni Ewropea bħala waħda mill-obbligi li kull pajjiż għandu meta jissieħeb biex jiddikjara żona li tkun sinjura fil-biodiversità, bħal fil-każ tax-xagħri ta’ Pembroke. Illum din hija meqjusa li għandha importanza internazzjonali, tant li titqies li hija ta’ importanza għall-UE u tifforma parti mix-xibka Natura 2000. Jidher li dan ix-xogħol sar qrib proġett li sar bil-flus tal-UE! U kull xogħol li jsir fiha jrid l-barka tal-MEPA!

Pembroke---Heritage-Trail

It-tabella li turi li l-heritage trail sar bi flus tal-UE. Il-ħaxix li tqaxxar kien biswit il-passaġġ u parti mill-ambjent naturali importanti. It-tneħħija tiegħu tmur kontra l-għan tal-heritage trail.

Meta mbgħad wieħed jisma’ u jara kif kunsill lokali li għandu ambjent daqshekk importanti fil-konfini tiegħu jonfoq flus pubbliċi biex jibgħat jew iħalli ħaddiema jaqtgħu l-ħaxix li jitqies bħala ħażin, wieħed ma jistax ma jgħidx li n-nuqqas ta’ għarfien u apprezzament tal-biodiversità tagħna f’dan il-pajjiż hija fil-qiegħ net, minkejja wegħdiet politiċi li saru, u obbligi internazzjonali li pajjizna għandu, sa mid-dħul tagħna fl-UE.

Ma naħsebx li wieħed ikun qed jgħid xejn ħazin li wħud mill-kunsilli lokali mhux biss ma għandhomx l-iċken idea tal-obbligi ta’ pajjiżna fil-qasam tal-ħarsien tal-biodiversità, imma lanqas għandhom ħjiel tal-programm elettorali tal-gvern. U lanqas ikun ħażin li wieħed jikkonkludi li xi kunsilli lokali jonqfu flus pubbliċi li jkollhom sempliċement biex ikunu nefquhom. Fin-nuqqas ta’ direzzjoni professjonali, tagħrif tekniku, kooperazzjoni ma’ entitajiet oħra governattivi, allura l-ħsara fil-qasam tal-ħarsien u apprezzament tal-biodiversità sejra tikber matul iż-żmien, obbligi u mhux obbligi,  wegħdiet u mhux.

Vandalism

Il-vandaliżmu li sar fil-heritage trail fin-Natura 2000 f’Pembroke. Mhux aħjar li l-flus marru biex ġew imsewwija dawn il-ħsarat milli biex għamlu l-ħsara lill-ambjent naturali tas-sit Natura 2000.

 

Niżżu ħajr ‘l Alla li  dan ma japplikax għall-kunsilli lokali kollha. Meta kunsill ifittex tagħrif professjonali u tekniku, jew inkella ikollu fi ħdanu xi membru li jkollu għarfien tal­-ħtieġa tal-ħarsien ta’ dan il-wirt naturali, mill-ewwel wieħed jista’ jara ix-xogħol fejjiedi u professjonali tal-kunsill, bir-riżorsi jintefqu b’mod għaqli li jkun ta’ ġid kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-biodiversità Maltija.

Smajt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fuq pariri professjonali ta’ wieħed mill-membri tagħhom, li mhux biss huwa kwalifikat iżda għandu kuxjenza soċjali u ambjentali, ħa deċiżjoni li wieħed jittama li tiftaħ it-triq għall-kunsilli oħra biex jimxu fuqha. Il-Kunsill waqqaf il-bexx bl-erbiċida li kien isir fuq pjanti slavaġġ fl-inħawi. Bexx li kien joqtol il-ħajja ekoloġika kollha f’dan l-ambjent naturali, u li wkoll seta’ jkollhu impatt negattiv fuq l-ilma u jniġġeż inħawi oħra.

Dan ukoll wassal biex minbarra li ma baqgħux jinħlew bla ħtieġa riżorsi finanzjarji, li jistgħu jintużaw għal xogħol ieħor, twaqqfet ukoll il-ħsara fil-qasam soċjali u ambjentali. U wasal għal widnejja wkoll li kunsilli oħra ġirien ta’ San Pawl il-baħar imħajrin li jaħdmu ukoll fuq l-istess linja.

Wieħed jifhimha li mhux kulħadd huwa mistenni li jkun jaf kollox. U għalhekk hemm il-ħtieġa li jkun hemm diskuzzjonijet u direzzjoni fuq xogħol delikat li għandu jew jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-biodiversità u s-soċjetà. Meta r-rieda tajba ma tkunx imsejsa fuq ħsibijiet u tagħrif xjentifiku u tekniku, din twassal għall-ħsara ambjentali u soċjali; bħal meta sikkina li biha jista’ jsir ħafna ġid, tingħata lil tarbija għada kif telqet timxi. Jekk il-kunsill lokali ikollhom direzzjoni professjonali jistgħu jagħmlu ħafna ġid fil-qasam soċjali u ambjentali.

aebaldacchino@gmail.com

ARA WKOLL:

Tkompli l-qerda fil-ġnien Howard… imma għaliex? http://wp.me/pL6Mk-H9

Ir-rabja tar-Rabtin… u bir-raġun http://wp.me/pL6Mk-D3

Cash cow in the ditch  http://wp.me/pL6Mk-Ek