L-GĦARGĦAR: is-sigra nazzjonali

November 16, 2015

book-cover-2

2015

L-GĦARGĦAR: is-sigra nazzjonali

Alfred E. Baldacchino

Is-siġra tal-għargħar darba kienet komuni ħafna fil-gżejjer Maltin. Din kienet tiksi wesgħat kbar f’Birkirkara u fl-inħawi ta’ madwarha. Hemm inħawi li huma maħsuba li kienu msemmijin għal din is-siġra, bħal San Ġwann tal-Għargħar u Ħal-Għarghur. Iżda hawn minn jgħid li l-Għargħur, kif jixhdu mappi qodma, hu mnissel mill-isem Girgor. Mhux dokumentat li din is-siġra kienet tikber fis-selvaġġ la f’Għawdex u lanqas f’Kemmuna, għalkemm illum jinstabu xi siġar żgħar li ġew imħawwla mill-bniedem f’dawn iż-­żewġ gżejjer.

1 - Siġra tal-għargħar li tinstab San Anton

 Waħda miż-żewġ siġriet tal-għargħar li jikbru f’San Anton

L-għargħar hija siġra mill-­familja taċ-ċipress. Din ma tinstabx biss fil-gżejjer Maltin, għax fl­-Ewropa tikber f’roqgħa żgħira fix­-xlokk ta’ Spanja viċin Kartagena, fir-­reġjun ta’ Mursja. Hemm indikazzjonijiet li fl-imgħoddi din is-sigra kienet aktar komuni fl-Ewropa u nqerdet għalkollox ħlief f’dik ir­-roqgħa fi Spanja u fil-gżejjer Maltin. Dan jirriżulta minn numru ta’ fossili ta’ din is-sigra li nstabu fi Franza.

Illum hija aktar komuni u mifruxa fil-Magreb, bħal fil-Marokk fuq il-kosta tal-Atlantiku, fl-Algerija u f’Tunes. Mhemmx provi li din is-sigra tikber fil-Libja għalkemm huwa rrappurtat li din tikber hemm ukoll.

Fil-gżejjer Maltin illum hija meqjusa bħala siġra rari ħafna u tikber fis-selvaġġ f’xi ħames postijiet, fosthom l-aktar magħrufa huma fil­-Maqluba, viċin il-Qrendi fejn hemm xi tliet siġriet, fl-inhawi tal­-Mellieħa, il-Mosta, u fl-Imġiebah viċin Selmun. F’uħud minn dawn l-inħawi tikber siġra waħda biss.

gharghar-3

Il-prinjoli tal-għargħar għadhom ma sarux.

Oħrajn kienu jikbru f’Wied Filep, li kien fergħa minn Wied il-Għasel. Dawn inqerdu minn barriera tal-­qawwi li ħadet il-blat kollu għaż-żrar. Hemm għargħar oħra li ġew imħawla mill-bniedem. Fost dawn insibu tnejn fil-ġonna ta’ San Anton u oħra fil-ġonna privati tal-President ta’ Malta.

Huwa maħsub li dawn tkabbru minn żerriegħa li ttieħdet mis-siġar tal­-Maqluba. Siġar oħra nsibuhom il-­Mall u l-Argotti fil-Furjana, tnejn fil­-ġnien San Filep, biswit l-Argotti, tnejn iżgħar oħra fil-Ġnien tal-Milorda Sa Maison, tlieta oħra fil-Buskett, daqs nofs tużżana oħra fil-ġonna tal-Università f’tal-Qroqq, u waħda l-Marsa.

Is-siġra tal-għargħar tħaddar is-sena kollha u tiflaħ għan-nixfa. Hija tikber fil-makkja tal-Mediterran, għalkemm ġieli tikber fi xquq fil-blat u f’wesgħat bi blat b’pendil. Din tilħaq għoli ta’ madwar 15-il metru, fuq zokk kanella ħamrani, u togħla għall-ponta għalkemm mifruxa fil-­baxx.

gharghar-4

Il-weraq tas-siġra tal-għargħar.

Meta jkunu għadhom qed jifformaw iz-zkuk ewlenin li fuqhom is-siġra tal-għargħar tkun mibnija, dawn ikunu mgħottija bil-weraq. Il-weraq ta’ din is-siġra huma rqaq bħal tal-koniferi l­-oħra, twal bejn  1 mm sa 8 mm u wesgħin minn madwar 1 mm sa 1.5 mm. Huma għandhom leħħa fl-ikħal. L-aktar friegħi żgħar ikunu ċatti. Il-­weraq huma żgħar u ċatti u jikbru f’pari imsallbin fuq xulxin, aktar qrib xulxin lejn il-ponta tal-magħseb, qishom bukkett ta’ erba’ madwar il-­magħseb. Il­-friegħi ċatti u fini jkunu miksija b’dan il­-weraq li jkollhom qisa għatja ta’ qxur, l-­iżjed minn fejn jaqbdu mal­-magħseb.

gharghar-5

Il-prinjoli tas-siġra tal-għargħar miftuħa meta ż-żerriegħa tkun taret.

Għall-ħabta ta’ Novembru u Diċembru, xi minn daqqiet ukoll qabel, jibda jidher il-weraq speċjalizzat. Dan ikun weraq raġel jew weraq mara, iżda t-tnejn li huma jikbru fuq l-istess siġra. Ġo dan il-weraq speċjalizzat raġel ikun hemm l-għabra tad-dakra. Dawn ifarfru din l-għabra tad-dakkra għall-habta ta’ Settembru sa Diċembru, u b’hekk idakkru l-weraq speċjalizzati nisa li jifformaw il-frott li jissejjah prinjol. Kull frotta tas-siġra tal-għargħar tkun għaliha, waħda fit-tarf tal-ponot tal-friegħi. Din il-prinjol żgħir ikun tond u bejn 8 sa 12-il millimetru u jkun mibni minn erbat iqxur trijangulari tal-­injam. lż-żerriegħa li tkun ġo fih għandha par ġwienah wesgħin, qishom tal-karta, biex ikunu jistgħu jitferrxu bir-riħ bla tbatija.

Mis-siġra tal-għargħar toħroġ qisa gomma li bl-Ingliż tissejjah sandarac gum. Huwa għalhekk li wieħed mill-ismijiet tas-siġra bl’Ingliż huwa sandarac gum tree, għalkemm l-ismijiet l-aktar użati bl-­Ingliż huma arar tree jew alerce. Il­-kelma għargħar ġejja mill-­isem Għarbi tas-­siġra, araar.

Din il-gomma għandha numru ta’ użi fl-industrija. Jingħad ukoll li tintuża kontra t-taħsir tas-snin billi tingħorok fuqhom. Ġieli ntużat ukoll minflok il-balzmu tal-Kanada fil-tħejjija ta’ ħġieġ għall-mikroskopju.

L-injam tal­-għargħar bl-ingliż jissejjah citron wood u għalhekk xi mindaqqiet din is-siġra bl-Ingliż tissejjah ukoll citron wood tree. Il-kelma citron ġejja mit-Taljan citro jew aktarx cedro. Dan l-injam huwa mfittex ħafna għal xogħol fin fl-injam.

Ir-Rumani kienu jfittxu ħafna dan l-injam biex jużawh bħala materjal għall-bini.

Bħas-siġar koniferi oħra, l-għargħar tiflaħ ħafna għan-nixfa, kif ukoll kapaċi tikber qrib ix-xatt għax tiflaħ ukoll għal ammont ta’ melħ. Dan jagħmilha siġra adattata ħafna biex biha nħaddru wesgħat b’pendil fil-blat li għandna fil-gżejjer Maltin.

Minkejja li l-għargħar tinħaraq mill-ewwel, ma tinqeridx malajr għax wara l-ħruq dlonk terġa’ ttella’ friegħi oħra minn taħt l-art.

Fis-16 ta’ Jannar tal-1992 l­-għargħar ġiet iddikjarata s-siġra nazzjonali. Ġiet imħarsa bil-liġi b’Avviż Legali Numru 49 tal-1993. Hija wkoll meqjusa bħala siġra mhedda u b’firxa żgħira fil-gżejjer Maltin, imniżżla wkoll fil-ktieb l-aħmar tal-gżejjer Maltin (Red Data Book) bħala siġra mhedda u li għandha firxa żgħira fil-Mediterran.

L-għargħar hija waħda mis-siġar imniżżla fi skeda I tar-regolamenti tal-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar li ġew ippubblikati f’Avviżi Legali 200 tal-24 ta’ Mejju, 2011.

Minħabba li s-­siġra tal­-għargħar mhix komuni, u hekk l-­ambjent naturali tagħha ma għandux stat ta’ ħarsien tajjeb, kif ukoll il-­firxa tagħha hija dejqa, dan it-­tip ta’ ambjent huwa meqjus bħala ambjent ta’ priorità mill­-Unjoni Ewropea. Dan wassal biex fejn hemm siġar tal­-għargħar jikbru fis-selvaġġ fil-­gżejjer Maltin, dawn ġew dikjarati bħala Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni.

Hija mnissla wkoll fil-lista tal-Kunsill tal-Ewropa li jinkludu pjanti rari, mhedda, u endemiċi tal-Ewropa. Hija tidher ukoll bħala siġra mhedda, fil-lista ppublikata fl-1997 mill-Għaqda Internazzjonali tal-Ħarsien tan-Natura (International Union for the Conservation of Nature).

L-għargħar hija siġra li tista’ ssebbah ’il-pajjiina, kemm bi msaġar li hija tista’ tinseġ, kif ukoll bil­-preżenza tagħha fl-irħula u l-ibliet tagħna. Hija siġra maħluqa għall-klima Mediterranja, kif ukoll għall-karatteristiċi tal-ambjent Malti.

Minn mindu ġiet magħrufa bħala s­-siġra nazzjonali, bdiet titħawwel f’numru ta’ postijiet oħra, l-­aktar fl­-iskejjel, u llum hija mferrxa mhux ħażin. Numru minn din is-siġra ġew imħawwla f’Wied Għollieqa. Wieħed jieħu gost jara li qed tintuża aktar u titħawwel aktar biex issebbaħ ’il-pajjiżna. Hija ħafna faċli li titnissel minn żerriegħa meħuda minn siġar Maltin kif jafu sewwa t-tfal tal-iskola, anki dawk primarji, li jkabbruha kull sena.

Tetraclinis-articulata---FD-152

Iż-żerriegħa tal-għargħar li tkun moħbija fil-prinjoli.

L-għargħar mhix siġra diffiċli biex titnissel, Iż-żerriegħa tinstab fil-prinjoli żgħar li għandhom jiġu miġbura matul Settembru sa kmieni f’Ottubru. Meta ż-­żerriegħa tinħareġ mill­-prinjol għandha titqiegħed fix-xemx għal xi ġimgħatejn. Iż-żerriegħa għandha tinżera f’Marzu f’ħamrija li tkun imqalba tajjeb biex fiha tiġbor l-arja. Iż-żerriegħa tħobb postijiet niexfa. Metodu li jgħin fit-tnissil tas-siġra tal-għargħar hija li l-borża li fiha tkun miżrugha titqiegħed kemmxejn fuq ġenbha biex b’hekk tgħin ħalli l-ilma joskula ’l barra.

Sfortunatament, dawk li jaraw biss qligħ kummerċjali, jimpurtaw din is-siġra minn barra minn Malta, kif wieħed jista’ jara’ fit-triq Diċembru 13. Minbarra li dawn is-siġar jistgħu jdaħħlu magħhom mard u speċi oħra barranin li jagħmlu ħsara lill-ambejnt Malti, kif fil-fatt ġara meta ġew importati xi siġar oħra, siġar tal-għarghar importati jniġġsu l-għaġna ġenetika tal-popolazzjoni tas-siġra tal-għargħar Maltija.

Hemm ħafna aktar bżonn ta’ tagħrif u edukazzjoni biex l-apprezzament tas-siġar jiżdied.

Isem Malti: Għargħar

Isem Ingliż: Sandarac Gum Tree

Isem xjentifiku: Tetraclinis articulata

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

Fjuri indigeni Maltin 7 – Is-Sempreviva ta’ Għawdex

August 18, 2015

NewsBook

L-Erbgħa, 26 ta’ Awwissu, 2015

Sempreviva ta’ Għawdex

Alfred E Baldacchino

Sempreviva-ta'-Għawdex---habita3t

L-ambjent naturali tas-Sempreviva ta’ Għawdex

Fil-gżejjer Maltin sal-lum nafu bi 18-il speċi ta’ fjuri slavaġġ li huma endemiċi, jiġifieri li jinstabu jikbru biss fil-gżejjer Maltin u mkien aktar fid-dinja. Waħda minn dawn hija s-Sempreviva ta’ Għawdex. Din il-pjanta endemika tikber biss fil-għarb (punent) ta’ Għawdex, u hawn tikber biss fuq il-Blata tal-Ġeneral fid-Dwejra u mal-uċuħ weqfin tal-irdumijet tal-madwar fuq il-baħar. Jingħad li darba kienet tikber ukoll f’xi nħawi ewlenija f’Ħad-Dingli, imma llum ma għadhiex tinstab.

Sempreviva-ta'-Għawdex---habita2t

Il-weraq u l-fjuri tas-Sempreviva ta’ Għawdex.

Is-Sempreviva ta’ Għawdex hija arbuxell li tħobb  Ix-xemx u li togħla minn 30 sa 70 ċm. Tikber b’ ħafna friegħi fuq zokk li jkun iffullat bil-weraq.  Il-weraq ikunu forma ta’ lanza żgħira dritta ’l fuq li fuq il-wiċċ tagħhom ikollhom bħal xagħar li jtihom id-dehra fiddiena tagħhom. Imma meta jkunu mxarrba jidhru ħodor. L-għan ta’ dan ix-xagħar fin huwa biex jgħin  lill-pjanta mill-irjiħat qawwija u anki minn nixfa fis-sajf u hekk jgħinhom biex ma jinxfux.

Il-fjuri tagħha huma sofor forma ta’ bukkett żgħir li jkun fih numru ta’ fjuretti tawwalin żgħar li għandhom riħa ta’ kari (curry). Il-fjuri jidhru bejn Mejju sa Ġunju.

Meta dawn jinqatgħu jżommu l-kulur tagħhom għal numru ta’ snin, u għalhekk l-isem xjentifiku tagħha huwa sempreviva.

B’diqa wieħed jgħid li din il-pjanta importanti fil-gżejjer Maltin dejjem qed tonqos fis-selvaġġ. Is-Sempreviva ta’ Għawdex hija mhedda, kemm minhabba li ma għandiex firxa wiesgħa fejn qed tikber, kif ukoll minħabba kemm nuqqas ta’ għarfien u t-telf tal-ambjent tagħha. Dan minkejja li din il-pjanta titnissel bl-ebda tbatija.

Biċċiet mill-irduminjiet fejn tikber ġieli jaqgħu fil-baħar minħabba t-tħabbit tal-mewġ.  Dawn jiġu wkoll mgħejjuna min numru tat-theżżiż mill-furnelli li jintużaw fil-barrieri ta’ biswit. It-trubien li jtiru mill-barrieri l-aktar fil-ġranet tas-sajf xejn ma jgħinu lanqas, kif ma jgħinx l-anqas l-iskart li jitfa’ l-bniedem fl-inħawi fejn tikber.

L-apprezzament tal-bniedem ma jistax ikun aktar fqir. U dan narawh minn numru ta’ pjanti invażivi li qed jiddaħħlu minn barra u jintużaw fl-hekk imsejjaħ ‘landscaping’ imħallas minn flus pubbliċi, bħal ngħidu aħna s-swaba tal-Madonna, l-agave American, mgħejjuna mill-bajtar tax-xewk, u siġar tat-tin li jikbru fl-irdumijiet. Il-bini biswit ukoll għandu l-impatt negattiv tiegħu.

Sempreviva-ta'-Għawdex---fjuri

Dehra mill-viċin tal-fjuri tas-Sempreviva ta’ Għawdex.

Minħabba f’hekk, din il-pjanta endemika, ewlenija u mhedda fil-gżejjer Maltin  hija mħarsa bir-regolamenti kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Avviż Legali 311 tal-2006 għall-ħarsien tal-flora u tal-fawna Maltija jħares lis-Sempreviva ta’ Għawdex u hekk “ebda persuna ma għandha deliberament tiġbor, tikkollezzjona, taqta’ taqla’ mill-għeruq, tiddistruġġi, jew tikkaġuna ħsara b’xi mod”.

Barra minhekk l-ambjent naturali tagħha fid-Dwejra huwa ddikjarat bħala Wesgħa  Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC – Special Area of Conservation) biex b’hekk kemm il-pjanta nnifisha, kif ukoll l-ambjent naturali tagħha jkunu mħarsa. U l-Blata tal-Ġeneral fejn tikber, hija wkoll Riserva Naturali, fejn ħadd ma jista’ jitla’ ħlief għall-għanijiet xjentifiċi.

Tant hija mhedda s-Sempreviva ta’ Għawdex li hija wkoll imniżżla fil-Kiteb l-Aħmar ta’ Malta (Red Data Book).

Min-naħa Internazzjonali tinstab ukoll fil-lista numru I tal-Konvenzjoni ta’ Berna tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-ħarsien tal-ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali ta’ l-Ewropa,  kif ukoll ġiet miżjuda fi skedi tad-Direttiva tal-Ambjent Naturali tal-Unjoni Ewropea meta Malta ssieħbet fl-2004.

Skeda II tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea tiġbor fiha speċi ta’ annimali u ta’ pjanti li huma ta’ interess għall-Komunità Ewropea u li għalhekk il-ħarsien tagħhom jeħtieġu li jiġu dikjarati Wesgħat Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC) fejn jinstabu.

Skeda V tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea tiġbor fiha speċi ta’ annimali u pjanti li huma ta’ interess tal-Komunità Ewropea li għandhom ħtieġa ta’ ħarsien strett.

Minħabba li tant hija mhedda hija wkoll imniżżla fil-lista tal-Unjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Natura (IUCN – International Union for the Conservation of Nature).

Iżda dan waħdu mhux biżżejjed. Hemm bżonn aktar immanniġġar tal-post, infurzar tal-liġi, aktar riċerka, u aktar komunikazzjoni, edukazzjoni u tisħiħ tal-kuxjenza pubblika dwar dan.

Skont l-obblilgi ta’ Malta bħala sieħba fl-Unjoni Ewropea, kull sit li ġie ddikjarat bħala Wesgħa Speċjali ta’ Konservazzjoni (SACs) għandu jiġi mmaniġġjati sa sitt snin mid-dħul fl-UE. Fl-ewwel u t-tieni ġimgħa ta’ Awwissu 2015, kien hemm l-aħħar konsultazzjoni pubblika dwar dawn. Wieħed jittama’ li meta dawn jiġu approvati jibdew jittieħdu il-passi biex:

Sempreviva-ta'-Għawdex---mhedda

Is-Sempreviva ta’ Għawdex mhedda mis-swaba tal-Madonna, pjanta invażiva.

  • L-ispeċi invażivi lil qed jħeddu lill-pjanti endemiċi f’dawn il-wesgħat, fosthom is-Sempreviva ta’ Għawdex, jiġu eleminati, l-aktar is-swaba tal-Madonna li qed toħnoq lis-Sempreviva ta’ Għawdex bħalma qed toħnoq pjanti slavaġġ fi nħawi oħra. Sfortunatament din il-pjanta għadha qed titħawwel fl-hekk imsejħa ‘lanscaping’ u hekk hemm bżonn li l-Ministru tal-Trasport u l-Landscaping, li huwa responsabbli għal dan,  jiġi mġiegħel biex iwaqqaf din il-ħsara ekoloġika .
  • Jitħejja programm ta’ azzjoni biex is-Sempreviva ta’ Għawdex (u speċi oħrajn rari u mhedda) jibdew jiġu mnissla u jintużaw madwar il-pajjiż minflok dawk il-ħafna speċi importati ukoll imħallsa minn flus pubbliċi, li qed jagħmlu ħafna ħsara lill-ekosistema Maltija.
  • Isir pjan ta’ immaniġġar tal-post fejn tikber is-Sempreviva ta’ Għawdex biex jikkontrolla t-tgħaffiġ u t-tqaċċit tagħha bla kontrol li jeżisti llum, kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti.
  • Isiru studji u monitoraġġ biex jinstabu l-għala din l-ispeċi endemika qed tonqos fis-selvaġġ.
  • l-attività kummerċjali fid-Dwejra, anki dik turistika, issir b’mod sostenibbli biex din il-pjanta unika fid-dinja ma tinqeridx.

Wieħed jittama’ li jibda’ jara din il-pjanta endemika Maltija mħawla kemm f’postijiet urbani kif ukoll fil-ambjenti naturali xierqa, dejjem  bl-approvazzjoni tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Ambjent, kemm biex titqajjem aktar kuxjenza pubblika lejha, kif ukoll biex ikollha aktar ħarsien u ma tinqeridx minn wiċċ id-dinja.

Isem Malti: Sempreviva ta’ Għawdex

Isem xjentifiku: Helichrysum melitense

Isem Ingliż: Maltese Everlasting

ara wkoll:

Fjuri indigeni Maltin 6 – Għajn is-serduq http://wp.me/pL6Mk-QR

Fjuri indigeni Maltin 5 – It-Tengħud tax-Xagħri http://wp.me/pL6Mk-N4

Fjuri indigeni Maltin 4 – It-Tengħud tas-siġra http://wp.me/pL6Mk-Mp

Fjuri indigeni Maltin 3 –Il-Kappar http://wp.me/pL6Mk-Kp

Fjuri indigeni Maltin 2 – Kromb il-Baħar http://wp.me/pL6Mk-Jw

Fjuri indigeni Maltin 1 – Il-Ħannewija http://wp.me/pL6Mk-ua

Discovering wild flowers at Dingli http://wp.me/pL6Mk-uB

aebaldacchino@gmail.com