Ir-Rabat, ir-Rabtin u l-Kunsill Lokali

October 7, 2014

NewsBook

Ir-Rabat, ir-Rabtin u l-Kunsill Lokali

it-Tlieta, 7 ta’ Ottubru, 2014

Alfred E. Baldacchino

Dawn l-aħħar ġimgħat ir-Rabtin kienu mħassba u xi ftit inkwetati minħabba proġett li qed isir bil-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li l-Kunsill Lokali tar-Rabat ġab għall-proġett li fassal għat-triq Santa Rita fejn kull nhar ta’ Ħadd kien jarma l-monti.

Mhux minħabba l-proġett innifsu, għaliex kulħadd huwa favur li jara li dan isir. Imma minħabba l-mod kif dan ġie u qiegħed jiġi amministrat mingħajr mar-Rabtin għandhom it-tagħrif li jixtiequ jkunu jafu, u kif huma ma humiex parti minn dawn id-deċiżjonijiet meħuda. Uħud minnhom isiru jafu bihom meta dawn jitħabbru.

l-ewwel intopp faqqa’ fuq is-sit eletroniku Rabti People who like or live in Rabat Malta meta tħabbar li sakemm jitlesta’ x-xogħol, il-monti kellu jmur fi triq it-tiġrija taħt is-Saqqajja fejn fl-Imnarja jtellqu l-ħmir u ż-żwiemel.

Dan kellu impatt fuq ir-Rabtin, ix-xerrejja li kienu jżuru l-monti nhar ta’ Ħadd u anki fuq il-bejjiegħa nfushom. U dan wassal għal numru ta’ kummenti, suġġerimenti pożittivi, u kritika kostruttiva li dehret  fuq is-sit eletroniku Rabti.

Imma mhux talli dawn ma ġewx mismugħa mill-Kunsill Lokali, imma lanqas biss ingħata kas tagħhom. Uħud ukoll qalu li xi deċiżżjonijiet tal-kunsill xi kultant jidhru li ttieħdu wara bibien magħluqa jew mingħajr konsultazzjoni wiesgħa biżżejjed.

Wara li sit eletroniku Rabti far b’dawn il-kummenti, bdew ħerġin xi kummenti minn xi membri tal-Kunsill. Mhux ċar jekk dawn kienux qed jitkellmu għan-nom tal-Kunsill jew kienux personali biex forsi jttaffu l-weġgħat ta’ dawk ir-Rabtin li tellgħu lil dawn il-membri li jirrapreżentaw  il-partiti l-kbar, fuq il-kunsill.

siġar-qabel-ma-nqalgħu

Ritratti meħuda mis-sit eletroniku Rabti: siġar qabel ma nqalgħu.

Il-kobba kompliet titħabbel meta beda x-xogħol. Numru ta’ siġar tal-wirdien, jew difla jew kif jafuhom xi wħud, siġar tal-oleandru, ġew maqlugħa minkejja li mhux kollha jidhru fil-permess tal-MEPA. Siġra oħra mħarsa bil-liġi ġiet maqlugħa u skont kif kiteb membru tal-Kunsill fuq is-sit eletroniku, ġiet imħawla d-Dwejra. Siġar oħra fuq il-post, li jissemmew fil-peremess tal-MEPA huma siġar tal-wirdien, awrikarja, ballut, tin u żebbuġ. Dawn kellhom jiġu mħawla fi Triq Santa Rita fil-postijiet indikati. Uħud minn dawn imħarsa bil-ligi jidhru li huma lesti għal qlugħ.  Mhux talli hekk talli l-permess tal-MEPA, bid-data tas-27 ta’ Ottubru 2010,  jidher ċar li dawk is-siġar li kellhom jinqalgħu riedu jithawlu fuq il-post mill-ġdid u mhux id-Dwejra. Permess tal-MEPA aktar qarib ma jitkellem xejn fuq qlugħ ta’ siġar.

siġar-maqlugħa-minn-triq-Santa-Rita-Rabat

Ritratti meħuda mis-sit eletroniku Rabti: siġar li għebu għalkollox.

U hawn wara li l-Kunsill Lokali naqas bil-kbir li jagħti tagħrif lil dawk ir-Rabtin li tellgħuh u oħrajn, u naqas ukoll li jilqa’ l-ilmeti tagħhom, wieħed ma jistax ma jagħmelx xi mistoqsijiet:

  1. Għaliex il-MEPA, wara dawn l-ilmenti kollha pubbliċi li saru u għadhom qed isiru mir-Rabtin dwar dan ix-xogħol, tibqa’ siekta u ma tiħux passi biex tara li x-xogħol isir skont il-kondizzjonijiet li għamlet?
  2. Għaliex is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali ma għamel l-ebda kumment, pubbliku jew le, fuq il-mod kif il-Kunsill Lokali tar-Rabat mhux qed jagħti kas tal-ilmenti Rabtin u mhux qed jitkellem magħhom b’mod uffiċjali dwar dan ix-xogħol u l-permessi li għandu?
  3. Għaliex il-wegħda 56 fil-programm elettorali tal-Gvern, li tgħid “Inħarsu kontinwament is-sigar eżistenti fl-ibliet u l-irħula Maltin u ninċentivaw it-tħawwil ta’ aktar siġar, partikolarment dawk indigeni” qed tiġi mwarrba, aktar u aktar meta l-Kunsill tar-Rabat huwa fil-maggoranza tiegħu mill-partit fil-gvern?
il-futur-imċajpar-ta'-siġar

Siġra oħra fi Triq Santa Rita, ir-Rabat, li l-futur tagħhom huwa mċajpar.

Dawn il-problemi setgħu ma nqagħlu xejn . U mhux xi ħaġa diffiċli biex wieħed jitkellem ma’ dawk kollha li għandhom interess fir-Rabat. Possibbli li f’dan il-pajjiż meta wieħed jikseb il-poter ma jara xejn ħażin meta ma jismax u jwarrab kompletament lil dawk li poġġewh hemm?

aebaldacchino@gmail.com

 

 

 

Advertisements

TKOMPLI L-QERDA FIL-ĠNIEN HOWARD… imma għaliex?

June 9, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 9 ta’ Ġunju, 2014

TKOMPLI L­-QERDA FIL-ĠNIEN HOWARD… imma għaliex?

Alfred E. Baldachino

Kull darba li nitla’ nittawwal il-Ġnien Howard, dejjem niltaqa’ ma xi impatt negattiv ġdid. Xi kultant inħoss li f’dan il-pajjiż hawn xi direttiva jew xi politika uffiċjali biex l-ambjent naturali jew il-biodiversità ta’ pajjiżna tinqered, u minn jeqridha jitħallas minn flus pubbliċi.

Fit-2 ta’ Marzu 2014, tpoġġa ritratt fuq sit Rabti li wera ammont ta’ żrar li tferrex taħt is-siġar taż-żnuber fil-Ġnien Howard, ir-Rabat. Wara li tliet Rabtin marru l-uffiċċju tal-Prim Ministru, il-MEPA waqqfet dan ix-xogħol. Il-Kunsill Lokali (tal-Imdina) ġie ordnat li fi żmien xahar ineħħi dan iż-żrar li sar mingħajr permess. Il-K.L. Mdina appella minn din id-deċiżjoni. Issa għaddew tliet xhur u kollox għadu kif kien. Dan wassal biex inbdiet talba biex dan jitneħħa: http://www.thepetitionsite.com/takeaction/665/188/518/?taf_id=11173325&cid=fb_na

Il-MEPA għadha qed tistudju, taħsibha, tixtarr, twieżen din il-problema u għadha ma ħadet l-ebda passi. Nafu li l-MEPA tħalli deċiżjonijiet bħal dawn minn ġurnata għal oħra sakemm forsi ssib kif taħsel idejha u ma tieħu l-ebda deċiżjoni, bħalma ġara fil-­każ taċ-ċimiterju f’Wied il-Qasab fin-Nadur Għawdex. Wieħed ma jistax ma jgħidx li l-MEPA ssibha bi tqila biex turi  interess fil-ħarsien tal-ambjent, qasam fejn falliet bil-kbir, saħansitra anki fi kwistjonijiet żgħar.

Il-kisi ta' parti mill-Ġnien Howard biż-żrar

Il-kisi ta’ parti mill-Ġnien Howard biż-żrar

Fl-aħħar mawra tiegħi r-Rabat, bħas-soltu mxejt matul il-ġnien; bdejt mill-ġnien tas-Salib, dak iż-żgħir, u pass pass wasalt sa fuq it-Tomba, li għal dawk li ma humiex midħla tal-Ġnien Rabti, hija l-aktar parti ’l ġewwa li tħares lejn l-Imtarfa, fuq l-istazzjon tal-ferrovija l-antik.

Fil-ġnien is-siġar tal-palm, dawk tal-kanizzati u dawk tat-tamal, kollha kienu meqruda mill-bumunqar aħmar tal-palm. Baqa’ biss il-fdal taz-zokk tagħhom: momument għal dik il-politika li minkejja li kellha l-parir biex ma jiġux impurtati siġar mill-Eġittu u minn Sqallija, xorta tat il-barka biex dawn jidħlu Malta. Baqa’ waħda biss, fil-kantuniera tat-Tomba tħares lejn il-Domus Romana u konvint li meta nerġa nitla’ r-Rabat, tkun għebet mal-oħrajn.

L-aħħar siġra tal-palm li baqa' fil-Ġnien Howard. L-oħrajn kollha mietu u nqatgħu

L-aħħar siġra tal-palm li baqa’ fil-Ġnien Howard. L-oħrajn kollha mietu u nqatgħu

 Dort dawra mejt mat-Tomba fejn matul dawn l-aħħar ġranet fix-xfar tal-wesgħa kien ikun hemm numru ta’ fjuri slavaġġ, fosthom is-suffejra ta’ Malta, endemika għall-gżejjer Maltin (ara ritratt). Il-biċċa l-kbira tagħhom għebu, mqaxxrin, u ma niskantax jekk kienu anki mbexxin bil-kimika velenuża biex ma jerġgħux jitilgħu aktar. Lanqas naħla ma tista’ tirgħa u ddakkar il-fjuri slavaġġ, minkejja li din ittina’ l-għasel u ddakkar il-frott. U dan fi ġnien.

Suffejra tar-raba' li kienet tikber madwar it-tomba.

Suffejra ta’ Malta li kienet tikber madwar it-Tomba.

Jiena u ħiereġ lura mit-­Tomba għan-naħa tad-Domus Romana, inħsadt. Ftit ġimgħat ilu kien hemm numru ta’ pjanti slavaġġ bħal ngħidu aħna ġarġir abjad, ħarira ħamra, fjurdulis, u oħrajn li kollha, mingħajr ħlas, kienu jlibbsu l-inħawi bil-kuluri u jwieżnu insetti dakkara, fosthom in-naħal. Dawn għebu għax kollha ġew maħruta u ma kien baqa’ xejn minnhom. Imħallas mill-K.L. Mdina, bi flus pubbliċi, ma għadniex xi ngħidu. Imma l-isbaħ, u li vera turi l-mentalità miskina ta’ dan il-pajjiż, wara li qerdu kull fjura u werqa Maltija li kienet qed tikber f’dawn il-mixtliet, x’taħsbu li ħallew? Penisetum (Fountain Grass), pjanta invażiva li qed tintuża mill-kuntrattur tal-Gvern fit-toroq u li sabet ruħha fil-Ġnien Howard; minkejja li din hija invażiva u qed tinfirex madwar il-gżejjer Maltin kemm fit-toroq, kif ukoll fl-ambjent naturali. Din tħalliet hemm!

Ġarġir Abjad kien isebbaħ il-=mixtliet fil-ġnien. Inqered kollu.

Ġarġir Abjad kien isebbaħ il-mixtliet fil-ġnien. Inqered kollu.

U hawnhekk sfortunatament niddejjaq ngħid li dan il-pajjiz milli jidher ma jista’ jinfeda qatt. Il-valur li jingħata lill-biodiversità huwa valur ta’ flus biss. Jekk wieħed jixtri pjanta jew siġra, dan itiha valur. Imma jekk pjanta tikber waħeda, allura din ma għandiex valur u tista’ tinqered, u titbexx bil-kimika valenuża biex ma terġax titla’. U mhux talli hekk, talli din il-qerda għandha l-approvazzjoni uffiċjali u tithallas minn flus il-poplu.

 

2012.12.28---it-Tomba---karozzi,-siġar-imutu,-u-penisetum
It-Tomba, fil-Ġnien Ħoward, taħt ir-responsabbiltà tal-K.L. tal-Imdina
– Karozzi, siġar tal-palm qed imutu jew mietu. u pjanti invażivi tal-Penisetum.

 L-akbar xokk ta’ din il-metalità miskina ta’ dan il-pajjiż kien in-numru ta’ karozzi li bdew deħlin biex jistrieħu fuq it-Tomba. Tista’ timmaġina karozzi fi ġnien? Qaluli li kien hemm tieġ l-Imdina u hekk il-K.L.Mdina jħalli is-serħan tal-karozzi fil-Ġnien Howard. Jista’ wieħed jimmagina kieku l-K.L. Mdina jħalli karozzi fil-foss fil-passaġġi fejn sar ġnien għall-familja? Jew iħalli l-karozzi kollha tat-tieġ jidħlu l-Imdina u jitħallew quddiem il-Katidral? Jew aħjar jitqiegħdu fuq iz-zuntier tal-Katidral? U aktar u aktar jiddaħħlu ġewwa l-Katidral? Ara kieku kif ir-residenti tal­-Imdina u l-Maltin iqumu għal minn ikun ta dan il-permess. Mhux talli hekk talli l­-ebda karozza ma tista’ tidħol ġol­-Imdina, ħlief dawk tar-­residenti. Imma li l-karozzi jitqiegħdu ġo ġnien fir-Rabat, jidher li kollox sew għall-K.L. Mdina!

2014.05.23 - Calendula-suffruticosa-subsp.-fulgida3

L-anqas naħla ma tista’ ddakkar fjura u tagħmel l-għasel

Li jinkwetani huwa li milli jidher ma hemm l-ebda entità politika li hija responsabbli biex twaqqaf dawn l-oxxenitajiet. Suppost li hemm Ministeri li huma responsabbli mit-trasport; mill-ġonna; mill-Kunsilli Lokali, u anki mill-MEPA. Din tal-aħħar issa ħaditha drawwa li meta jkun hemm il-qerda tal-ambjenbt tħares in-naħa l-oħra sakemm xi ħadd minn fuqha jiġbdilha l­attenzjoni. Ara ż-żrar issa għadu hemm tliet xhur minkejja l-protesti tan-nies u nuqqas ta’ permessi. U la ma hemm l-ebda azzjoni ministerjali, allura wieħed jista’ jgħid li dawn għandhom il-barka ta’ min imexxi. Kont anki naħseb li r-Rabat hemm kunsill lokali wkoll, imma mid-dehra sejjer żball. Wara kollox kappell ma jmejjilx lill-ieħor.

Mill-esperjenza li għandi u mill-kuntatti li għandi mal-Kunsilli Lokali ma nsibhiex diffiċli biex ngħid li l-Kunsill tal-Imdina ma jħabbatha miegħu ħadd fuq in-nuqqas ta’ apprezzament tal-ambjent: il-foss tal-Imdina, il-Ġnien Howard, u issa smajt l-għajdut li qed ikun hemm xi ħsibijiet biex jinqalgħu dawk is-siġar ta’ taħt it-Tomba li jwasslu sa Għajn Ħamam biex din il-wesgħa tintuża għall-karozzi. Wieħed għad irid jara x’se jiġri imma, għalkemm jekk din tasal sa għand il­MEPA wieħed jista’ jgħid mill-ewwel x’se jiġri.

Il-fdalijiet tas-iġra tal-palm fil-ġnien Howard, ir-Rabat. Pedestal lest għal minn daħħal il-bumunqar aħmar f'dawn il-gżejjer.

Il-fdalijiet tas-siġar tal-palm fil-ġnien Howard, ir-Rabat. Pedestal lest għal minn daħħal il-bumunqar aħmar f’dawn il-gżejjer.

Kif jgħidu mhux il-flus u l-poter jagħmluk matur u konxju għall-weġgħat tas-soċjetà u tal-ambjent. Anzi ħafna drabi huma dawn li jwasslu għal dawn il-weġgħat, aktar u aktar meta wieħed isib ruħu jgħum fihom.

aebaldacchino@gmail.com

alfredbaldacchino.wordpress.com

 

 


U l-qerda tas-siġar tkompli bl-istess ritmu

October 23, 2013

U l-qerda tas-siġar tkompli bl-istess ritmu

Alfred E. Baldacchino

L-Erbgħa 24 ta’ Ottubru, 2013.

Wara kampanja twila kontra l-­qerda tas-­siġar f’pajjiżna, wieħed kien jistenna’ li bil-­bidla fil-­gvern kien ikun hemm xi ħjiel ta’ xi miżuri biex dan jibda’ jsir b’mod regolat u bi professjonalità. Imma b’dispjaċir wieħed jinnota li l­qerda, iż­-żbir bla rażan, in-­nuqqas ta’ apprezzament, id-­dilettantiżmu, in­-nuqqas ta’ rieda u interess, u l­isparpaljar ta’ fondi pubbliċi għadu għaddej bl-­istess ritmu li kien għaddej qabel l­-elezzjoni, minkejja xi wegħdiet.

Dan kollu sforz il­-fragmentazzjoni li hemm bħalissa f’dawn ir-­responsabbiltjiet li kulħad qe ifarfr u jgħid li mhux tiegħu.

Mela għandna l-­Ministru tat­-Transport u l-­Infrastruttura li huwa responsabbli mill-­landscaping. Is­-Segretarju Parlamentari fil­-Ministeru tal-­Prim Ministru responsabbli mill-­MEPA li hija l-­Awtorità Kompetenti għall­-Ħarsien tas-­siġar; u l­-Ministru tal-­Kunsilli Lokali li huwa responsabbli mill-­Kunsilli Lokali. Hemm ukoll il-­Ministru tal­-Ambjent li bnir-raġun ma għandu l­-ebda responsabbiltà fejn jidhlu s-­siġar minħabba din il-­fragmentazzjoni ta’ responsabbiltajiet.

Is-sura ta' dwn is-Siġar turi l-mentalita mikina u l-kultura kontemporanja taż dan il-pajjż

Is-sura ta’ dawn is-Siġar turi l-mentalita miskina u egoistika, l-kultura kontemporanja ta’ dan il-pajjż

Is-­sit eletroniku Rabti People who like or live in Rabat Malta poġġa ritratt ta’ dan il-massakru fuq is-­sit eletroniku permess ta’ Chris Farrugia fl-­interess tar­Rabat, tar-­Rabtin, u anki tal-­biodiversità Maltija, hekk kif beda dan il­-massakru fuq is­-siġar tas­-Saqqajja r-­Rabat. Skont kummenti fuq dan is-­sit ix-­xogħol ġie mqabbad mill­-Kunsill Lokali tar­Rabat u ma għandniex xi ngħidu sejjer jitħallas minn flus il­-poplu. In-­numru ta’ kummenti fuq dan is­-sit kienu mijiet, u l­-karba tal-­poplu Rabti għal din il­-qerda hija kbira. Wieħed jistenna’ biex jara kemm sejjer jismagħha l­-Gvern.

Qiegħed inpoġġi l-­kummenti li għamilt jien kemm fuq dan is­-sit kif ukoll fuq siti oħra li siltu xi ­kummenti minnu u tefgħuhom fuq siti tagħhom. Qiegħed ukoll inżid l­-indirizz eletroniku fejn dehru u xi ritatti biex wieħed jekk irid ikun jista’ jara l-­istampa kollha u l-­kummneti tagħna r-Rabtin, ma’ oħrajn li jaqblu magħna, saħansitra anki barra xtutna.

THE TREE BUTCHERY CONTINUES ­– 19 ta’ Ottubru 2013

https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/10151935648499645/?notif_t=group_comment_reply

SIĠAR IMMASAKRATI 2013 – Is-Saqajja — 19 ta’ Ottubru 2013

Christopoher Farrugia with Astrid Vella and 3 others– The latest attack on trees took place two days ago at Saqqajja, Rabat, reducing the former row of majestic trees to ugly, bare and leggy branches topped by a few leaves! Now MEPA is defending this Rabat Local Council action, saying that the trees can be ‘pruned’ savagely as they are not over 50 years old, when in fact elderly Rabat residents remember them already grown 75 years ago!

THE TREE BUTCHERY CONTINUES ­ – 19 ta’ Ottubru 2013

https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/10151935648499645/?notif_t=group_comment_reply

Alfred E. Baldacchino – Chris, prosit talli bdejt din it-thread fuq ir-Rabat u minn veru jħobbu speċjalment fuq dawn il-ħniżriet ta’ żbir li llum mhux ir-residenti tar-Rabat biss, imma l-Maltin u l-Għawdxin kollha qed jilmentaw minn dan in-nuqqas ta’ professjonalità. Il-Kunsill Lokali tar-Rabat imissu jistħi meta hawn din il-kritika kollha u jibqa’ għaddej qisu qed jgħix fiq xi pjanetà oħra. Imma l-Kunsilli Lokali li huma fformati mir-rapreżentanti tal-partiti politiċi, suppost għandhom il-barka kemm tal-Ministeri mill-Kunsilli Lokali kif ukoll mill-Ministeru responsabbli għall-MEPA biex setgħu jagħmlu dawn l-oxxenitajiet.

saqqajja trees3

Kif kienu jinżabru mill-ħġaddiema tal-Gvern is-siġar tas-Saqqajja fl-imgħoddi meta la kellhom cherry pickers u lanqas srieraq mekkaniċi. Dawn huma l-istess siġar li jidhru fir-ritratt ta’hawn fuq. wara li nżabru il-ġimgħa li għaddiet.

Nixtieq inkun naf min qed jgħati dawn il-pariri professjonali lill-Kunsill Rabti. Kif taf int Chris jiena llum għandi 67 sena. Niftakar meta kont għadni mbuttat fil-pushchair biex inmorru l-ġnien kont narahom hemm. U dan kellhom aktar minn 10 snin fil-wisa’. Forsi l-MEPA għadhom ma jafux jgħoddu… is- siġar. Imma il-MEPA la qatt kellhom u lanqas għandhom interess li jħarsu s-sigar u l-pjanti oħra indiġeni Maltin. Jekk tħares kif amendatw ir-regolamenti tal-Ħarisen tas-Siġar tal-2001 u kif dawn il-MEPA biddlithom fl-2012 biżżejjed biex wieħed jara kemnm il-MEPA hija interessata. Illum il-MEPA kważi kważi saret aġenżija tal-iżviluppaturi. Nixtieq inkun naf b’dan it-tqaċċit tas-siġar kollha għal kemm il-siġra il-MEPA oġġezzjonat. Bil-politika tal-MEPA, minkejja kemm bil-pjanijiet tal-gvern ta’ qabel (imfasswlin mill-MEPA stess) kemm b’dawk tal-gvern ta’ issa tidher li tiġi taqa’ u tqum. Ħares ftit lejn il-permess li tgħat fix-xogħol tal-foss tal-Imdina fejn inqerdu tant siġar biex il-foss inkesa bit-turf u ġabet is-swar tal-Imdina qishom Windsor Castle. Naturalment xi ħadd qala balla flus. Dan jidher aktar importanti minn xi 300 siġra (waħda minnhom żebbuġa li kellha viċin il-100 sena u li nqalgħet bil-barka tal-MEPA) kollha inqerdu.

Kien hemm suġġeriment aktar ‘l fuq biex fir-Rabat jitwaqqaf grupp jew kumitat dwar il-ħarsein tas-siġar u l-ambjent naturali Rabti. Jekk timxi din l-idea għidluli għax inkun minn ta’ quddiem bħala Rabti li noffri l-ħin biex inkun fuqu. Ma niflax nara aktar oxxenitajiet minn nies li jieħdu deċiżijoniet u ma jagħrfux siġra minn arblu tad-dawl. U mbgħad iwaħħlu f’ħadd ieħor. Ikun interessanti wkoll li l-politikant responsabbli mill-Kunsilli Lokali u dak mill-MEPA jgħidu kif jaħsbuha.

THE TREE BUTCHERY CONTINUES ­ – 19 ta’ Ottubru 2013

https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/10151935648499645/?notif_t=group_comment_reply

Kif ġabuhom is-siġar illum.  Imma kif dan il-pajjiż tilef kull sengħa, kull pġrofessjonalità, kull rispett, u tilef ruħhu għall-flus.

Kif ġabuhom is-siġar illum. Imma kif dan il-pajjiż tilef kull sengħa, kull professjonalità, kull rispett, u tilef  anki ruħhu għall-flus.

Alfred E. Baldacchino – Allura biex inkun naf x’gara irrid immur il-Kunsill tar-Rabat? Irrid nifhem li l-Kunsill kellu jdejh marbutin biex iwqqaf dawn l-oxxenitajiet? Sa fajn naf jien il-membri tal-Kunsill qegħdin hemm biex jaraw u jirrapreżentaw in-nies tar-Rabat. Ma naħsebx li dan il-pajjiż huwa xi wieħed minn dawk ta’ wara dik li darba kienet il-purtiera tal-ħadid. Jekk il-Kunsill għandu spjegazzjoni jgħidlna. Jekk qed jipproteġi lil xi hadd, jiddispjaċini ngħid li r-responsabbiltà hija xorta waħda tiegħu u tal-Ministeru lli jaqa’ taħtu. Imma ma rridx neħodha kontra l-Kunsill tar-Rabat. Jekk dan jitkellem u jafda man-nies Rabtin li tellgħuh, imexxi aħjar u mingħajr wisq problemi, speċjalment jekk ikollu xi pressjoni minn nies mhux mir-Rabat. Xi ħadd qal li dawn is-sigar hemm bżonn jinbidlu! Ma nagħmlux mod li hemm xi ħadd qed ifesfes f’widnejn xi ħadd biex dawn jinbidlu u minflokom jitħawlu siġar mill-Afrika t’isfel, mill-Amerika t’isfel u minn kull parti oħra tad-dinja, bħal dawk li ħawlu fil-Kottonera u kullimkien. Tgħid għalhekk din is-segretezza kollha? Hemm minn bi ħsiebu jaqla xi skoss flus minn fuq dahar il-poplu bil-bejgħ tas-sigar barranin?

Xi ħadd ieħor qal li lanqas tista’ tpoġġi fuq bank minħabba l-għasafar. Kumment fqir u tat-tfal. Mur daqsxejn sa’ Ħad Dingli (mhux ‘l bogħod) u ara kif il-Kunsill ta’ Ħad Dingli solva din il-problema bla wisq spejjes u bla wisq teatrin. Naħseb li n-nies tar-Rabat huma intelliġenti biżżejjed jekk iridu. Imma minn ċerti kummenti li qed jidhru qed nistenna għar.

THE TREE BUTCHERY CONTINUES ­ 19 ta’ Ottubru 2013

https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/10151935648499645/?notif_t=group_comment_reply

Il-Bankijiet f'Ħad-Dingli

Il-Bankijiet f’Ħad-Dingli

Alfred E. Baldacchino – Bankijiet f’Ħad Dingli li jippermetti lilll-għasafar ikollhom kuxjenza safja kif ukoll lil minn ipoġġi fuq il-bankijiet biex ipoġġu b’rashom serħana. U ma nqatat l-ebda siġra u kellu jħallas għaliha l-kunsill kif sejjr jagħmel dak tar-Rabat.

iNEWS

Massakru minn sigar fis-Saqqajja

http://www.inewsmalta.com/dart/20131021-massakru-minn-sigar-fis-saqqajja

Alfred E., Baldacchino  – Hija ħaġa tal-­mistħija li sena wara sena, wieħed jara dan id-­dilettantiżmu u qerda ta’ siġar u ħadd ma jieħu responsabbiltà. Dan minkejja l-­kritika kontinwa taċ-­ċittadini li minn flushom qed iħallsu għal dan ix­-xogħol u qerda.

Dawn is­-siġar għandhom ’l fuq minn 70 sena minkejja dak li qalet il-­MEPA. Jiena Rabti u llum għandi 67. Dejjem hemm nafhom. Imma l­-MEPA…

Sfortuntament il-­MEPA la għandha u lanqas qatt kellha interess li tħares is-­­siġar, minkejja l­-obbligi legali u morali li għandha. U dan jispjega għaliex ir­­regolamenti tal-2001 ġew mibdula mill­­-MEPA fl’2012. Possibbli li lanqas is­­-Segretarju Parlamentari responsbbli mill-­MEPA ma jista’ jagħmel xejn fuq hekk?

Xi Kunsilli Lokali ukoll qishom lanqas qegħdin hemm. Fir­-Rabat is-sena l-­oħra ġara l-­istess u milli jidher ma tgħallem xejn. U dan minkejja li qed iħallas il­-poplu għal dan ix-­xogħol xejn professjonali approvat u mqabbad mill­-Kunsill Lokali. Possibbli li s-­Segretarju Parlamentari responsabbli mill-­Kunsilli Lokali dan kollu ma jinteressahx?

Dan il­-qerda u xogħol bla sens u bl-­ebda professjonalità kienet bla kontrol taħt il­­-Gvern ta’ qabel. Imma jiddispjaċini ngħid li mhux talli ma rranġa xejn talli għada kif kienet qabel minkejja l-­kritika tan-­nies. Forsi l-­­Prim Ministru jista’ jinterveni hu u jwissi lil min għandu jwissi, dejjem sakemm ma jaqbelx hu wkoll ma’ dan it-­tip ta’ xogħol!

L-­Orizzont

http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1=’Ahbarijiet’&ID2=112053

Alfrd E. Baldaahino (kumment għall-pubblikazzjoni) Din il-­qerda ta’ siġar f’pajjiżna li issa ilha għaddejja s­-snin hija qerda bla rażan, bla raġuni, u milli jidher bla ħadd ma hu lest li jerfa’ reponsabbiltà għalijha. Il­-fragmentazzjoni li teżisti fil-­ħarsien tas-­sigar mhu qed tgħin xejn biex is­-siġar li qed jikbru f’pajjiżna jkunu mħarsa kif suppost.

Ritratt meħud fl-01963 fejn is-=siġar jidhru li għandhom sewwa vi1in il-15-il sena dak iż-żmien. Imma il-MEPA li qalet li dawn ma għadhomx aktar minn 50 sena, issa qed twaħħal fl-Agrikultura wara li qalgħatha barra mir-regolamenti.

Ritratt meħud fl-1961 fejn dawn is-siġar jidhru li għandhom sewwa viċin il-15-il sena dak iż-żmien. Imma il-MEPA li qalet li dawn ma għadhomx aktar minn 50 sena, issa qed twaħħal fl-Agrikultura wara li qalgħatha barra mir-regolamenti u llum ma għandha x’taqsam xejn.

Ftit tal-­ħin ilu (it­-Tlieta 22 ta’ Ottubru) kont qed nara programm ta’ diskussjoni fuq ONE TV fejn is­-CEO tal-­MEPA qal li l-­ilqugħ u ż-­żbir tas-­siġar huma responsabbiltà tal­-Agrikultura.  Dan mhux korrett. Din ir-­responsabbiltà kienet hemm taħt ir-­regolamenti l-­qodma tal­-2001.  Imma dan ġew revokati u mibdula mill­-MEPA stess fil-­2012. Illum il­-MEPA hija l­-Awtorità Kompetenti għall-­ħarsien tas­-siġar skond ir-­regolamenti tal­-ħarsien tagħhom li għamet hi stess.

Naħseb li hemm bżonn immedjat li l-­Prim Ministru jindirizza din il-­fragmentazzjoni illum qabel għada biex ma tkompliex issir aktar qerda.

Is-sbuħija tas-siġar ta' fuq is-Saqqajja ir-Rabat kif darba kienu u kif ma jistgħu ikunu qatt sakemm tinbidl din il-mentalit.a pulitika ta' pajjiżna.

Is-sbuħija tas-siġar ta’ fuq is-Saqqajja r-Rabat kif darba kienu u kif ma jistgħu jkunu qatt aktar sakemm tinbidl din il-mentalità  pulitika  u kulturali ta’ pajjiżna.