Il-Knisja u l-ambjent

August 17, 2019

Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija Mosta – Awwissu 2019

Il-knisja u l-ambjent

Alfred E. Baldacchino

Il-Ġenesis jgħidilna kif Alla ħalaq id-dinja u s-smewiet. Ħalaq id-dawl, is-sema, l-ibħra, l-istillel, l-art, il-pjanti u s-siġar, u l-annimali bħall-bhejjem u l-għasafar. U Alla fl-aħħar ħalaq il-bniedem biex ikun fuq il-ħut fil-baħar, fuq l-għasafar fl-ajru, fuq il-bhejjem u l-annimali l-oħra u fuq kull ħolqien ieħor li jimxi fuq l-art. U Alla ra lil dak li kien ħalaq kien tajjeb.

Imma l-bniedem jaħseb u jemmen li bħala l-aktar ħolqien intelliġenti fuq din id-dinja għandu dritt mingħajr limitu mingħand Alla biex jaħkem lin-natura. U dan anki kif kien jiġi mgħallem.

Papa-Gwann Pawlu II

Kien il-Papa Ġwann Pawlu II meta f’Nairobi kellem lill-ġemgħa msejħa mill-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda (UNEP) fejn qal li Alla ħalaq kollox u għabba l-bniedem bir-responsabbiltà biex jieħu ħsiebhom u mhux biex jagħmilhom tiegħu u jeqred kemm jiflaħ. Il-Papa għallem li huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk huwa ta’ responsabbiltà kbira biex il-bniedem jsaltan fuq il-ħolqien b’governanza għaqlija. L-esplojtazzjoni tal-rikkezzi tan-natura irid isir bil-għan mhux biss tal-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, imma anki għall-bżonnijiet ta’ dawk ta’ għada. B’din il-direzzjoni li tana Alla mbiegħdu kull tmexxija ta’ kilba u ta’ gwadan personali, u twassalna biex nifhmu li dak maħluq minn Alla huwa għall-ġid tal-umanità kollha. Il-bniedem għandu r-responsabbiltà li jħares lin-natura.

Fil-kliemu, li llum huwa magħruf sewwa, li kien għamel fl-1 ta’ Jannar 1990, il-ġurnata dinjija għall-paċi, il-Papa Ġwann Pawlu II kien tkellem fuq ir-responsabbiltà tal-bniedem għall-ambjent. Tkellem fuq ir-rispett tan-natura, fuq l-egoiżmu kollettiv, fuq in-nuqqas ta’ rispett għall-ġirien, fuq id-diżonestà, fuq il-kriżi ekoloġika li tikxef in-nuqqas ta’ karattru morali u ta’ valuri etiċi tal-bniedem, fuq it-tbagħbis fl-ekosistema, fuq il-qerda bla kontroll tal-annimali u tal-ħajja tal-pjanti, u fuq ħtif u l-użu bla rażan tar-riżorsi naturali.

Il-Papa kompla jgħid li l-paċi fid-dinja hija mhedda, mhux biss bil-ġirja għall-armi, l-gwerrer u l-inġustizzji, imma anki bin-nuqqas ta’ rispett lejn in-natura, il-ħtif tar-riżorsi naturali, u bit-telf dejjem jiżdied tal-kwalità tal-ħajja. Dan l-istil ta’ ħajja jħaddan fih sens ta’ nuqqas ta’ kontrol u nuqqas ta’ serħan il-moħħ u, kif qal il-Papa huwa “ġuf ta’ egoiżmu kollettiv, nuqqas ta’ stima għall-oħrajn, u diżonestà.” Hawn il-Papa jgħid u jerġa jgħid u jwissi li l-kriżi ekoloġika “hija kriżi morali”.

Papa-Frangisku

Fuq dan il-pedament li firex il-Papa Ġwann Pawlu II, komplew bnew il-Papiet li ġew warajh. Tant li l-Papa Franġisku fl-24 ta’ Mejju 2015, ippubblika ittra pastorali Laudato Si li wieħed jista’ jsib fuq il-ħolqa http://thechurchinmalta.org/files/article/Enciklika_LaudatoSi.143514750116.pdf

Din tispjega, tgħallem, u twissi dwar ir-responsabbiltà li aħna bħala Nsara għandna lejna nfusna, lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, lejn id-dinja u l-aktar lejn Alla li ħalaqna.   L-Enċiklika tiftaħ bil-kliem mill-għanja ta’ San Franġisk t’Assisi lill-ħolqien: Tifhir lilek Mulej, (Laudato Si’) liema kliem ifakkarna li d-dar tagħna lkoll hija bħal oħtna li magħha naqsmu din il-ħajja. Jfakkarna wkoll fl-omm ħelwa tagħna li tiftaħ idejha biex tħaddanna magħha, li titmagħna bi frott, bi fjuri mlewna u bi ħwawar.

L-Enċiklika ta’ Papa Franġisku tgħallem kemm l-ekoloġija hija importanti u meħtieġa. Hija importanti bħala nisġa li għandha tkun il-mera tagħna f’kollox, l-aktar biex turina r-relazzjonital-persuna tagħna ma’ Alla, mas-sistema ekoloġika, magħna nfusna, ma’ persuni oħrajn, u mal-ħolqien.

aebaldacchino@gmail.com

 

Ara wkoll

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/09/22/l-enciklika-laudato-si-u-l-kummerc/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/03/16/it-taghlim-tar-religjonijiet-u-l-ambjent-9/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/06/25/a-prayer-for-our-earth-pope-francis/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/04/04/the-biblical-apple-tree/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/08/14/mother-earth-brother-sun-sister-moon-some-spiritual-teachings/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/08/16/458/

 

Advertisements