It-Tnejn, 10 ta’ Marzu, 23014
IR-RABTIN IRRABJATI… u bir-raġun
Alfred E. Baldacchino

Ritratt: Joseph Sultana
Wieħed mill-karatteristiċi tar-Rabat huwa l-ġnien Howard li hemm qabel ma tidħol l-Imdina. Dan il-ġnien, kontra kif jaħsbu xi wħud, huwa msemmi għal Malti John Howard, li twieled il-Belt fl-1862. Kien Prim Ministru ta’ Malta bejn 1921 u 1923.

Joseph Howard
(1862 – 1925)
Il-ġnien huwa maqsum fi tnejn: dak il-kbir u dak iż-żgħir jew kif jafuh xi wħud, il-ġnien tas-salib. Dawk li huma tal-età tiegħi u huma mir-Rabat, jiftakru ż-żgħożija tagħhom f’dan il-ġnien mal-ġenituri tagħhom jilgħabu b’xi ballun, jew bir-rota jduru man-numru ta’ ħammiela li madwarhom il-ġnien huwa mfassal. Dawk akbar fl-età kont tarahom jippassiġġaw matul il-mgħodija ewlenija li tħares għal fuq il-foss tal-Imdina. Ħafna b’għajnejhom mixgħulin iħarsu lejn xi ġuvni jew xi tfajla biex jisirqu xi tbissima jew jiġbdu xi ħarsa. Kienu ġranet sbieħ, b’dawk fuq l-għoxrin li jkun irnexxilhom jagħmlu ħbieb, fuq xi bank taħt xi siġra jitkellmu fil-widnejn, kif dawk żgħar kienu jaħsbu. Żmien ta’ innoċenza u żmien sabiħ li llum tar mar-riħ.
Għalkemm issa ili nieqes mir-Rabat aktar minn ħamsin sena, xorta nagħmel żjara lil dan il-ġnien kull meta nista’ biex niftakar f’dawk il-ġranet sbieħ ta’ żgħożiti. Imma kull darba li nmur hemm nitlaq lura bi qsim il-qalb. Spiċċaw dawk il-ħammiliet kollha fjuri msoqqija u mnaqqija bi mħabba u b’għira. Spiċċaw dawk il-ħwat mimlijin ilma bil-ħut fihom. Saħansitra anki għebu dawk is-siġar tal-palm xjuħ li nqerdu mill-Bumunqar Aħmar tal-Palm, wara deċiżjonijiet politiċi żbaljati li wittew it-triq biex dan fl-2007 daħal fil-gżejjer Maltin.

Waħda mill-ħafna fdalijiet ta’ siġar tal-palm li llum wieħed jista’ jara fil-ġnien Howard (A E Baldacchino)
Bħallikieku dan mhux biżżejjed dan l-aħħar dan il-ġnien waqa’ vittma ta’ deċiżjonijiet, ma nistax ma nsejħilhomx stupidi, mingħajr ebda viżjoni ta’ tfassil u mmanniġar professjonali. Fit-2 ta’ Marzu, ħarget l-aħbar fuq il-blog Rabti https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/ fejn r-Rabti Joseph Sultana, poġġa ritratt ta’ kif dan il-ġnien ġie mżeblaħ u abbużat. U rRabtin qamu f’daqqa u għajtu b’għajta f’rabja Rabtija, li ma ridux minn ikasbarhom u ma ridux min jgħaddi ż-żmien bihom.

Żrar li ntefa’ fuq il-ħamrija minflok l-imlieqa biex il-Kunsill tal-Imdina jsebbaħ l-art (Ritratt: Joseph Sultana)
Ħaġa li la jiena u lanqas numru ta’ Rabtin oħra ma jistgħu jifhmu hija kif dan il-ġnien huwa taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Imdina, meta dan huwa barra mis-swar. U ħaga oħra li tweġġa ħafna lil Rabtin hija kif dan il-Kunsill tal-Imdina, minn wara s-swar jidher li huwa maqtugħ mill-ħajja f’dawn l-inħawi tar-Rabat, qabad u ddeċieda, wara li ftiehem kif qal is-segretarju eżekuttiv tal-Kunsill, ma’ studenti minn Istitut tal-agrikoltura Franċiż. Dawn iddeċiedew li jaqalgħu parti mill-imlieqa (jiġifieri l-hedges) li jdawru l-ġnien u li l-Kunsill qal li huma ħajt, jgħattu l-ħamrija bil-plastik, jiksu dan il-plastik biż-żrar, u jħawwlu kaktus u sukkulenti oħra, li skont il-kelliemi tal-Kunsill Lokali tal-Imdina, huma pjanti indiġeni, jiġifieri pjanti Maltin. Minn fejn ġab dan it-tagħrif xjentifiku żbaljat il-kelliem għall-Kunsill Lokali tal-Imdina ma nafx. U ma naħsebx li ġabu minn Franza lanqas, għaliex kieku dawn kienu jifhmu fil-biodiversità u mhux ċwieċ kif-intqal, kienu

Skont il-pariri li ngħata l-Kunsill Lokali tal-Imdina, dawn il-kaktus huma kollha speci indiġeni Maltin
(Ritratti: Joseph Sultana)
jgħidulu li dawn mhumiex pjanti Maltin. U kif il-kelliem għall-Kunsill Lokali tal-Imdina qal ukoll, hemm il-ħsieb li dan jitkompla s-sena d-dieħla biex ilġnien iż-żgħir jiddawwar b’dan iż-żrar, bil-għajununa tal-konsulenza barranija, bi flus Maltin, u bi pjanti barranin, u mingħajr bdil ta’ fehmiet mar-Rabtin.
Lili weġġgħani l-kliem tar-rapreżentant tal-Kunsill tal-Imdina fejn ġie allegat li qal li min ma jifhimx aħjar ma jitkellimx, għax dan ix-xogħol mhux isir minn xi ċuċ. Imma min qal li l-kaktus imħawwel huwa indiġenu, dan jifhem ħafna u ara wieħed ma jaħsebx li huwa xi ċuċ.
Li jweġġa’ lir-Rabtin f’din l-affari kollha huwa li l-Kunsill tal-Imdina ma kellux il-ħeġġa u l-għaqal biex jitkellem ma’ dawk li għandhom interess f’dan il-ġnien skedat u jara x’jaħsbu, kemm b’mod ġenerali l-Maltin, kif ukoll aktar u aktar ir-Rabtin li jqisu li dan il-ġnien huwa tagħhom. Imma saru diskuzzjonijiet, ftehim u finanzjar ta’ dan il-progett ma’ studenti barranin, mingħajr ma ġew diskussi ma’ ħadd.
Aktar u aktar is-skiet tal-Kunsill tar-Rabat, li meta ra u sema’ bir-rabja tar-Rabtin, li wara kollox kienu huma li poġġewhom hemm, huma ta’ liema partit huma, biex iħarsu l-interessi tar-Rabat, baqgħu friski bħal ħassa. Ma fethux ħalqhom, sallum għall-anqas. U mid-dehra l-Kunsill tal-Imdina u l-Kunsill tar-Rabat jimxu id f’id għaliex dak tal-Imdina baqa’ sieket, wisq probabli b’idejn waħda fuq għajnejh u fuq widnejh u bl-oħra fuq ħalqu, u ma tniffsux fuq l-istragi li saret fil-foss tal-Imdina, minkejja l-protesti tar-Rabtin. U anki dak tar-Rabat baqa’ sieket mhux biss fil-proġett tal-foss tal-Imdina, imma anki meta s-siġar ta’ fuq is-Saqqajja ġabhuhom aktar jixbhu arbli tad-dawl milli siġar. Issa wkoll qisu ma qed jiġri xejn minkejja r-rabja Rabtija. Kunsilli Lokali bħal dawn ma naħsebx li jistgħu jkunu kburin bilkisbiet tagħhom, aktar u aktar meta dawn ma jinżlux tajjeb ma’ minn poġġiehom hemm. Il-Kunsilli, kif jixhdu oħrajn ħabrieka madwar Malta u Għawdex, mhux qegħdin hemm biex jingħalqu bejn erba’ ħitan, ġo kamra wara s-swar, jew biex jirritaw ir-residenti tal-lokal jew tal-lokalitajiet ġirien. Hemm bżonn li kunsilli bħal dawn joħorġu minn wara s-swar, kemm dawk fiżiċi, kif ukoll dawk psikoloġiċi, u jimxu id f’id mar-residienti u l-ġirien jekk iridu għarfien tax-xogħol tagħhom.
Imma kull azzjoni għanda reazjzoni kif jgħidu, u din narawha anki fil-qasam soċiologiku. Dan ġara meta l-mexxejja, f’dan il-każ dawk tal-lokal, agħżlu li jinqatgħu minn nies. Naraw li minn qalb in-nies nibtu dawk li ma kienux jistgħu jifiħu aktar għal din l-apatija u xogħolijiet li ma jaqblux magħhom. U hekk ġara wkoll hawn. Tliet Rabtin, Joseph Sultana, Karistu Abela, u Chris Farrugia, haduha fuqhom biex ma jħallux din il-ħsara ambjentali tkompli ssir, qisu ma kien qed jiġri xejn fir-Rabat, u r-Rabtin irrabjati mingħajr għajnuna minn ħadd. Għamlu kumitat ta’ azzjoni u marru jippreżentaw ittra f’Kastilja nhar il-Ħamis 7 ta’ Marzu.
Ma nistax ma nistaqsiex ukoll. Xi tgħid il-MEPA li hija il-kelb tal-għassa dwar affarijiet ambjentali? Veru li kważi sa tagħlaq sena lid-Direttorat tal-Ambjent għadu mhux taħt ir-responsabbiltà tal-Minsteru responsabbli għall-Ambjent u jidher li qishom qed iħossuhom li rresponsabbiltà ambjentali mhux tagħhom. Imma r-responabbiltà ambjentali għada tal-MEPA kollha kemm hi. Xi kultant, b’dispjaċir kbir u kontra qalbi ngħid u nħoss li qisha kelb tal-għassa bħal dawk li hemm biswit fil-kura tal-SPCA. Dawn ma jitniffsu xejn sakemm xi ħadd iħabbat fuq il-bieb. Nispera li l-MEPA tieħu azzjoni wara dan it-taħbit kollu fuq biebha dwar ir-responsabbiltà tagħha għall-ħarsien tal-ambjent, li sa xħin qed nikteb għadha ma qalet xejn lanqas.
Jiena konvint li wara ż-żjara tar-Rabtin f’Kastillja, nisimgħu minn għand il-MEPA. B’din it-taħbita ma jistgħux ma jqumux mill-apatija li għandhom lejn il-ħarsien tal-ambjent ta’ pajjiżna, li mingħajr dubju huwa tagħna lkoll.