Wied il-Għasel

August 15, 2017

Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija Mosta

it-Tlieta, 15 ta’ Awwissu, 2017

Wied il-Għasel

Alfred E. Baldacchino

Wied il-Għasel, li jdur mal-Mosta,  jagħmel parti minn katina ta’ widien oħra.

Il-fomm ta’ dan il-wied huwa Wied Liemu li jirċievi ammont kbir ta’ ilma mill-għoljiet fuq kull naħa tiegħu, jiġifieri dik ta’ Ħad-Dingli u dik tal-Imtaħleb. Billi fl-inħawi ta’ Wied Liemu hemm saff ta’ tafal, dan iżomm ħafna mill-ilma li jserraħ fuqu, u jifforma l-ilma tal-pjan ta’ fuq. Meta jfawwar, joħloq numru ta’ nixxigħat li l-inħawi huma magħrufa għalihom.

Meta tagħmel ħafna xita fl-inħawi, l-ilma jaqbad it-triq lejn artijiet aktar fil-baxx. Minn Wied Liemu jgħaddi mill-Fiddien, jaqbad ma’ Wied il-Qlejgħa, magħruf aktar bħala Chadwick Lakes, jerħila lejn Wied tal-Isperanza, jgħaddi minn Wied il-Għasel fi triqtu lejn is-Salina fejn iferra’  fil-baħar.

Hemm ukoll xi widien oħra iżgħar imma li xorta waħda jgħinu biex iferrgħu l-ilma tagħhom f’din il-medda ta’ widien ewlenin. Wied il-Bużbież; Wied Għomor u Wied Għemieri kollha jgħinu biex iwasslu l-ilma tagħhom sa Wied il-Qlejgħa, li minnu mbagħad jerħila għal Wied il-Għasel.

Din id-damma ta’ widien tlaħħaq madwar 14.4 kilometru. Hija t-tieni l-aktar medda ta’ widien li jilqgħu l-ilma tax-xita fil-gżejjer Maltin.

Jgħasses fuq Wied il-Għasel, fil-parti magħrufa bħala Dawret il-Wied, hemm, jew aħjar hemm, il-fdalijiet ta’ Wied Filep, li nbelgħa minn barriera tal-qawwi. Dan jixbaħ foss għoli u kważi dritt, riżultat ta’ ċaqliq tal-art. Fil-fdalijiet ta’ Wied Filep insibu numru żgħir tas-siġra nazzjonali, l-għargħar, li ilhom magħrufa minn dawn l-inħawi sa minn kmieni fis-seklu 20. Jista’ jgħati l-każ li dawn is-siġar tal-għargħar huma l-fdalijiet ta’ masġar ta’ dawn is-siġar maghrufa minn Wied Filep.

Dan wassal biex b’Avviż tal-Gvern numru 473 tal-24 ta’ Mejju tal-2011, Wied Filep ġie ddikjarat bħala Żona ta’ Siġar Imħarsa (Tree Protected Area) skont kif jipprovdu r-regolamenti tal-ħarsien tas-siġar u l-imsagar tal-2011.

Barra minn hekk, minħabba li Wied Filep huwa sinjur fil-flora indiġena Maltija, bħal ngħidu aħna t-tengħud tas-siġra, u s-salvja tal-Madonna li tinstab tikber fi rqajja fil-gżejjer Maltin, dawn l-inħawi huma meqjusa bħala inħawi ta’ valur għoli fil-biodiversità (Area of High Landsape Value) u ġew dikjarati bħala Riserva Naturali.

Is-salvja tal-Madonna – pjanta indiġena Maltija rari li wieħed jista’ jiltaqa’ magħha wkoll f’Wied il-Għasel.

Jingħad li f’Wied il-Għasel tant kien hemm numru kbir ta’ naħal li kienu jibnu x-xehda tagħhom fix-xquq fil-blat, li dawn kienu jagħmlu tant għasel li f’xi nħawi kien ifur u kien iqattar matul dan il-wied. Dan it-twemmin kien ta l-isem lill-kappella li nbient fl-1760. Huwa minn dan l-għijdut li dan il-Wied ha ismu.

Minbarra dan, fil-Wied il-Għasel insibu numru ta’ pjanti slavaġġ li huma wkoll komuni, bħal ngħidu aħna: iċ-ċfolloq, il-borgħom, il-buttuniera, il-ħaxixa tal-misk, il-ħobbejża tar-raba’, il-lellux, il-moxt, it-te Sqalli, ix-xewk tal-Madonna, iż-żebbuġija, l-għollieq, l-ispraġġ xewwieki u x-xewk abjad.

Pjanti slavaġġ oħra, li minkejja li ma humiex daqshekk komuni, imma huma frekwenti, huma: iċ-ċfolloq tal-ilma, il-ħobbejża tar-raba’, il-ħobbejża tal-warda kbira, il-margerita salvaġġa, il-qarsajja tal-ilma, in-narċis imwaħħar, is-siġret il-ħarir, it-tursin il-bir, l-erika, il-kalaminta, ix-xpakkapietra, u ż-żigland tal-għerq.

Saħansitra nsibu wkoll pjanti slavaġġ skarsi bħat-tursin ir-riħ, is-salvja tal-Madonna u l-kaħwiela, li tkellimna fuqha fil-ħarġa tas-sena l-oħra.

Il-ħobbejża tal-warda kbira – fjura selvaġġa frekwenti li tagħti sehmha biex isebbaħ Wied il-Għasel

Hemm ukoll pjanti rari ħafna bħall-brimba ta’ Sqallija, li nbelgħet mill-barriera, l-felċi tal-ħitan tas-sejjiegħ, il-ħaxixa tal-baħar tal-ħarifa u l-għansar tal-ġonna.

Insibu wkoll it-tulliera ta’ Malta, pjanta endemika Maltija, jiġifieri pjanta li tinstab tikber fil-ġżejjer Maltin biss.

Il-pjanta invażiva, dik tal-ħaxixa Ingliża li ddaħlet mill-Afrika t’Isfel, ukoll terfa’ rasha sewwa f’dan il-wied.

Il-kappella ta’ San Pawl l-eremita f’Wied il-Għasel.

Illum insibu żewġ kappelli matul dan il-wied. Dik tal-Isperanza fejn il-Wied tal-Isperanza jaqbad ma’ Wied il-Għasel. U dik ta’ San Pawl L-Eremita.

Kif wieħed jista’ jara Wied il-Għasel mhux biss huwa sinjur fil-biodiversità, imma anki fil-wirt storiku.

Bil-fjuri slavaġġ u anki dawk ta’ siġar tal-frott li llum huwa mżejjen bihom, dan joffri mergħat kbar fejn in-naħal jirgħu u jiġbru kemm l-għasel tal-fjuri, kif ukoll l-għabra tad-dakkra li huma jużaw biex jibnu x-xeħda u jagħmlu l-għasel. U fil-qedem kien hemm ħafna u ħafna aktar fjuri minn dawn li kienu jżejnu u jagħmlu l-mergħat aktar sinjuri. U b’dawn il-mergħat kollha fil-kenn ta’ Wied il-Għasel, ma setgħax jonqos li dan il-wied kien il-beniena tal-għasel li n-naħal kienu jaħdmu wara li jżuru l-fjuri. Wied il-Għasel, wied sinjur li ma tantx għarafna nieħdu ħsiebu biex ikomplu jsebbaħ u joffrilna ikel naturali u mediċinali.

Dan minbarra  n-numru ta’ fawna oħra bħall-ngħidu aħna friefett, rettili, għasafar u anki mammiferi li jgħammru f’dan il-wied.

Wied il-Għasel iħaddar anke fl-eqqel tas-sajf

Ma tkunx ħaġa tajba li kieku jsiru pjanijiet ta’ immanniġar biex dan il-wied jerġa jingħata l-għarfien tiegħu għal kemm kien sinjur u kemm għin lill-bniedem biex jitrejjaq, jerġa jibda jgħinna bil-kuluri tal-fjuri u tal-ħlejjaq oħra li jgħixu fih, u jerġa jibda jitma lilna bil-għasel li tant kien jgħati qabel. Kollox jiddependi minna.

aebaldacchino@gmail.com

 Speċi li jissemmew

Borgħom – Yellow Germander – Teucrium flavum
Brimba ta’ Sqallija – Beaked Spider Orchid – Ophrys oxyrrhynchos
Buttuniera – Sweet Alyssum – Lobularia maritima
Ċfolloq – Autumn Buttercup – Ranunculus bullatus
Erika – Mediterranean Heath – Erica muliflora
Felċi tal-ħitan tas-sejjieħ – Rusty-back Fern – Asplenium ceterach
Għansar tal-ġonna – Portugese Squill – Scilla peruviana
Għollieq – Bramble – Rubus ulmifolius
Ħaxixa Ingliża – Bermuda Buttercup – Oxalis pes-caprae 
Ħaxixa tal-baħar tal-ħarifa – Lesser Arrowgrass – Triglochin bulbosa subsp. laxiflora
Ħaxixa tal-misk – Musk Stork’s Bill – Erodium moschatum
Ħobbejża tal-warda kbira – Rose Mallow – Lavatera trimestris
Ħobbejża tar-raba – Common Mallow – Malva sylvestris
Kaħwiela – Crown Anemone – Anemone coronaria
Kalaminta – Lesser Calaminth – Calamintha nepeta
Lellux – Crown Daisy – Glebionis coronaria
Ċfolloq Sqalli – Scilly Buttercup – Ranunculus muricatus
Margerita salvaġġa – Southern Daisy – Bellis sylvestris
Moxt – Mallow-Leaved Stork’s Bill – Erodium malacoides
Narċis imwaħħar – Late Narcissus – Narcissus serotinus
Putorja – Stinking Madder – Putoria calabrica
Qarsajja tal-ilma – Clustered Dock – Rumex conglomeratus
Salvja tal-Madonna – Great Sage – Phlomis fruticosa
Siġra tal-għargħar – Sandarac gum tree – Tetraclinis articulata
Siġret il-Ħarir – African Wolfbane – Periploca angustifolia
Spraġġ xewwieki – Mediterranean Asparagus – Asparagus aphyllus
Te Sqalli – White Hedge-Nettle – Prasium majus
Tulliera ta’ Malta – Maltese Fleabane – Chiliadenus bocconei
Tursin il-Bir – Maidenhair Fern – Adiantum capillus-veneris
Tursin ir-riħ – Annual Maidenhair – Anogramma leptophylla
Xewk abjad – Mediterranean Thistle – Galactites tomentosa
Xewk tal-Madonna – Milk Thistle – Silybum marianum                   
Xpakkapietra – Maltese savory – Micromeria microphylla 
Żebbuġija – Olive-leaved Germander – Teucrium fruticans
Żigland tal-għerq – Tuberous Hawkbit – Leonodon tuberosus

ara wkoll:

Fjuri indiġeni Maltin 8 – Il-Kaħwiel

Advertisements