Ilek ma tara xi nannakola?

July 5, 2011

21 ta’ Ġunju 2011

Ilek ma tara xi nannakola?

Alfred E. Baldacchino

Niftakar meta konna żgħar, u bdejna nmorru l-iskola, konna nqattgħu ħin infittxu n-nannakoli u filwaqt li narawhom telgħin ma’ subgħajna konna ngħidulhom: Nannakola, Nannakola, mur l-iskola, ġib is-siġġu u ibda għola, ġib il-pinna u l-klamar, ħalli npinġu ras ta’ ħmar.  Kemm kienu żminijiet sbieħ!

Illum sfortunatament nistgħu npinġu ras ta’ ħmir kemm irridu, imma biex insibu nannakola mhux daqshekk faċli daqs kemm kien dak iż-żmien.  Fejn marru dawk in-nannakoli kollha?

Hemm ħafna tipi ta’ Nannakoli.  Dawn huma kollha tip ta’ ħanfus, u nsibu dawk sofor bit-tikki suwed, dawk suwed bit-tikki ħomor, ħomor bit-tikki suwed. Saħansitra hemm ħomor b’numru ta’ tikkek differenti: dawk li għandhom żewġ tikki, u dawk li għandhom seba’.  Hemm oħrajn li huma oranġjo bit-tikki suwed. Dawn in-nannakoli jieklu jew mell u briegħed tal-pjanti, għalkemm xi wħud jieklu l-ħaxix, bħal dawk li jinstabu fuq il-Faqqus il-Ħmir.

Nannakola tal-faqqus il-hmir

Dawk li huma predaturi u jieklu l-mell u l-briegħed tal-pjanti, huma ta’ għajnuna kbira għall-bniedem u għall-ekosistema, għaliex iżommu l-bilanċ bejn il-pjanti u dawk li jagħmluhom il-ħsara.  U hekk il-bniedem għandu għajnuna kbira minn għand dawn il-nannakoli għaliex ma jħallas xejn ta’ din l-għajnuna u aktar ma jkun hemm ikel aktar ikun hemm nannakoli.

In-Nannakola tas-seba' tikki

Imma sfortuntament, il-bniedem ħaseb li jekk ibexx kimika valenuża fuq il-mell u l-briegħed tal-pjanti, ikun jista’ jaħsed aktar frott. Ma għarafx li din il-kimika ma toqgħodx tagħżel l-insetti li jagħmlu l-ġid u dawk li jagħmlu l-ħsara imma toqtol kollox, u hekk in-nannakola llum saret rari ħafna wara snin ta’ bexx kontinwu.

Kif nafu illum huma ħafna dawk il-pajjiżi li qegħdin jifhmu li hemm bżonn li wieħed jiżen u jagħraf l-impatti li l-attivitajiet tal-bniedem jista’ jkollhom fuq in-nisġa naturali.  Dawn qegħdin jaraw ukoll li mhux biżżejjed li wieħed iqis il-profit immedjat biss mingħajr ma jaraw l-impatt negattiv, anki f’perijodu imbiegħed, li dawn jista’ jkollhom fuq il-ħlejjaq, l-ambjent naturali, u anki fuq il-bniedem stess. L-għajnuna li kienet ittina n-nannakola fil-kontroll tal-briegħed tal-pjanti llum kważi għebet għalkollox. U dan wassal ukoll biex kellha tiżdied id-doża ta’ bexx kimikali.  U l-impatt tagħhom ukoll kiber għaliex minbarra li kważi qerdu għal kollox il-predatur bħan-nannakola u insetti oħra li jiċċapsu b’dan il-bexx, bħal ngħidu aħna n-naħal li jdakkru l-fjuri u jagħmlu l-għasel.  U l-bexx li jaqa’ fl-art jew li jinġarr mir-riħ, ukoll għandu impatt f’postijiet oħra li ma kienux fil-mira oriġinali.  Saħansitra xi ftit jispiċċa jinġarr mill-ilma u jsib ruħu anki fl-ilma tal-pjan.

l-ikel taln-Nannakola - il-brieghed tal-pjanti

Dawk il-pajjizi li fehemu li hemm bżonn li wieħed iħares aktar fil-bogħod, speċjalment meta juża kimika li toqtol, marru pass aktar il-quddiem għaliex fl-irziezet esperimentali tagħhom, għamlu studju xjentifiku biex jibdew ikabbru n-nannakola ta’ pajjiżhom biex imbgħad dawn jitqassmu jew jinbiegħu biex jintelqu fir-raba’ fejn ikunu jistgħu jikkontrollaw il-mell u l-briegħed tal-pjanti. Dan mhux biss għen biex ma ssirx ħsara lill-ambjent u hekk ma jkomplux jinqerdu ħlejjaq importanti, speċjalment in-nannkola u insetti oħra li jdakkru l-fjrui tal-pjanti, imma anki biex jintefqu anqas flus u riżorsi oħra li ġħandhom benefiċċju kemm soċjali u ambjentali. X’taħseb?

U int, ilek ma tarx xi nannakola mill-ħomor tas-seba’ tikki?

aebaldacchino@gmail.com

Advertisements