Ambjentalist jgħid li l-virus qed jgħin l-ambjent

March 21, 2020

Is-Sibt, 21 ta’ Marzu, 2020

L-ambjentalista magħruf Alfred Baldacchino huwa tal-fehma li  l-coronavirus qed iwassal biex in-natura tieħu nifs mill-impatti negattivi li  l-bniedem kien qed iħalli fuqha.

Fi zmien fejn il-coronavirus qed tħalli impatt negattiv mill-aspett ta’ saħħa, ekonomija u ħajja soċjali madwar id-dinja ġew innutati diversi postijiet fejnc l–ambjent qed jitjieb.

In-nuqqas ta’ użu ta’ ajruplani u karozzi wassal biex l-arja tjiebet f’diversi pajjizi waqt li ċertu annimali bdew jiġu osservati f’postijiet fejn soltu ma kienux jidhru.

L-iktar eżempju riċenti kien dak ta’ Venezja fejn mhux biss  l-ilma fil-kanali iċċara imma ġew innutat wkoll ċinji u dniefel li daħlu f’din il-belt Taljana li soltu tkun mimlija dgħajjes u anke vapuri tal-passiġġieri.

Mistoqsi minn dan il-ġumal għar-reazjoni tiegħu dwar dan, Baldacchino beda biex innota li dan il-virus, li lanqas jidher bl-għajnejn, irnexxilu jagħmel dak li  l-bniedem la qatt ried u la qatt rna kellu rieda jifhem u jagħmel.

“Il-coronavirus poġġa lil kulħadd f’postu u waqqaf il-ġirja u l-kilba sfrenetika ta’ attivitajiet li kollha kien qed ikollhom impatt negattiv fuq l-ambjent u l-biodiversità”.

Huwa irrimarka li l-biodiversità, jew in-natura, diġà tidher li qed tieħu r-ruħ anki wara dan il-ftit żmien qasir u sostna li l-bniedem qed jara b’għajnejh li  l-ħajja li qed jgħix illum, imsejsa biss fuq poter u materjaliżmu, mhux biss qed teqred il-biodiversità imma anki lilu nnifsu.

“Kif dejjem għidt il-pjaneta, id-dinja ommna, ma għandha bżonn lil ħadd biex isalvaha. Huwa  l-bniedem li jrid isalva lilu nnifsu. Dan jidher ċar bil-biża’, u  l-paniku li mhux biss jinħass, imma jidher sewwa wkoll. Kulħadd magħluq ġewwa daru biex isalva lilu nnifsu”.

Baldacchino zied li huwa fatt li biex il-biodiversità tirranġa u terga’ ssib il-bilanċ dinamiku li jippermetti l-ekosistema tkompli taħdem b’armonija ma tħaresx lejn  l-uċuh jew il-kuluri jew x’pożizzjoni għandha persuna fil-ħajja.

“U dan huwa l-prezz kbir u qares li  l-bniedem irid iħallas għan-nuqqas ta’ apprezzarnent tiegħu lejn l-ekosisterna li qed twieżnu.

Wieħed jittama li l-bniedem jitgħallem lezzjoni minn dan kollu u jibda’ jifhem li ma jistax jibqa’ għaddej b’arroganza qisu hu jikkmanda  l-ekosistema. Il-biedem huwa parti minn nisġa ekoloġika u dak li jagħmel huwa sejjer ikollu impatt fuq din in-nisġa li jkollha effett anki fuqu”.

Baldacchino żied li huwa jittama li din l-armonija tidħol f’kull deċiżjoni li  l-bniedern jieħu mhux biss biex il-biodiversità tkompli toktor imma anke biex il-bniedem stess ikun jista’ jkun parti minn din  l-armonija.

 aebaldacchino@gmail.com

 

 

 


Il-Knisja u l-ambjent

August 17, 2019

Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija Mosta – Awwissu 2019

Il-knisja u l-ambjent

Alfred E. Baldacchino

Il-Ġenesis jgħidilna kif Alla ħalaq id-dinja u s-smewiet. Ħalaq id-dawl, is-sema, l-ibħra, l-istillel, l-art, il-pjanti u s-siġar, u l-annimali bħall-bhejjem u l-għasafar. U Alla fl-aħħar ħalaq il-bniedem biex ikun fuq il-ħut fil-baħar, fuq l-għasafar fl-ajru, fuq il-bhejjem u l-annimali l-oħra u fuq kull ħolqien ieħor li jimxi fuq l-art. U Alla ra lil dak li kien ħalaq kien tajjeb.

Imma l-bniedem jaħseb u jemmen li bħala l-aktar ħolqien intelliġenti fuq din id-dinja għandu dritt mingħajr limitu mingħand Alla biex jaħkem lin-natura. U dan anki kif kien jiġi mgħallem.

Papa-Gwann Pawlu II

Kien il-Papa Ġwann Pawlu II meta f’Nairobi kellem lill-ġemgħa msejħa mill-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda (UNEP) fejn qal li Alla ħalaq kollox u għabba l-bniedem bir-responsabbiltà biex jieħu ħsiebhom u mhux biex jagħmilhom tiegħu u jeqred kemm jiflaħ. Il-Papa għallem li huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk huwa ta’ responsabbiltà kbira biex il-bniedem jsaltan fuq il-ħolqien b’governanza għaqlija. L-esplojtazzjoni tal-rikkezzi tan-natura irid isir bil-għan mhux biss tal-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, imma anki għall-bżonnijiet ta’ dawk ta’ għada. B’din il-direzzjoni li tana Alla mbiegħdu kull tmexxija ta’ kilba u ta’ gwadan personali, u twassalna biex nifhmu li dak maħluq minn Alla huwa għall-ġid tal-umanità kollha. Il-bniedem għandu r-responsabbiltà li jħares lin-natura.

Fil-kliemu, li llum huwa magħruf sewwa, li kien għamel fl-1 ta’ Jannar 1990, il-ġurnata dinjija għall-paċi, il-Papa Ġwann Pawlu II kien tkellem fuq ir-responsabbiltà tal-bniedem għall-ambjent. Tkellem fuq ir-rispett tan-natura, fuq l-egoiżmu kollettiv, fuq in-nuqqas ta’ rispett għall-ġirien, fuq id-diżonestà, fuq il-kriżi ekoloġika li tikxef in-nuqqas ta’ karattru morali u ta’ valuri etiċi tal-bniedem, fuq it-tbagħbis fl-ekosistema, fuq il-qerda bla kontroll tal-annimali u tal-ħajja tal-pjanti, u fuq ħtif u l-użu bla rażan tar-riżorsi naturali.

Il-Papa kompla jgħid li l-paċi fid-dinja hija mhedda, mhux biss bil-ġirja għall-armi, l-gwerrer u l-inġustizzji, imma anki bin-nuqqas ta’ rispett lejn in-natura, il-ħtif tar-riżorsi naturali, u bit-telf dejjem jiżdied tal-kwalità tal-ħajja. Dan l-istil ta’ ħajja jħaddan fih sens ta’ nuqqas ta’ kontrol u nuqqas ta’ serħan il-moħħ u, kif qal il-Papa huwa “ġuf ta’ egoiżmu kollettiv, nuqqas ta’ stima għall-oħrajn, u diżonestà.” Hawn il-Papa jgħid u jerġa jgħid u jwissi li l-kriżi ekoloġika “hija kriżi morali”.

Papa-Frangisku

Fuq dan il-pedament li firex il-Papa Ġwann Pawlu II, komplew bnew il-Papiet li ġew warajh. Tant li l-Papa Franġisku fl-24 ta’ Mejju 2015, ippubblika ittra pastorali Laudato Si li wieħed jista’ jsib fuq il-ħolqa http://thechurchinmalta.org/files/article/Enciklika_LaudatoSi.143514750116.pdf

Din tispjega, tgħallem, u twissi dwar ir-responsabbiltà li aħna bħala Nsara għandna lejna nfusna, lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, lejn id-dinja u l-aktar lejn Alla li ħalaqna.   L-Enċiklika tiftaħ bil-kliem mill-għanja ta’ San Franġisk t’Assisi lill-ħolqien: Tifhir lilek Mulej, (Laudato Si’) liema kliem ifakkarna li d-dar tagħna lkoll hija bħal oħtna li magħha naqsmu din il-ħajja. Jfakkarna wkoll fl-omm ħelwa tagħna li tiftaħ idejha biex tħaddanna magħha, li titmagħna bi frott, bi fjuri mlewna u bi ħwawar.

L-Enċiklika ta’ Papa Franġisku tgħallem kemm l-ekoloġija hija importanti u meħtieġa. Hija importanti bħala nisġa li għandha tkun il-mera tagħna f’kollox, l-aktar biex turina r-relazzjonital-persuna tagħna ma’ Alla, mas-sistema ekoloġika, magħna nfusna, ma’ persuni oħrajn, u mal-ħolqien.

aebaldacchino@gmail.com

 

Ara wkoll

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/09/22/l-enciklika-laudato-si-u-l-kummerc/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/03/16/it-taghlim-tar-religjonijiet-u-l-ambjent-9/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/06/25/a-prayer-for-our-earth-pope-francis/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/04/04/the-biblical-apple-tree/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/08/14/mother-earth-brother-sun-sister-moon-some-spiritual-teachings/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/08/16/458/