U l-qerda tas-siġar tkompli bl-istess ritmu

October 23, 2013

U l-qerda tas-siġar tkompli bl-istess ritmu

Alfred E. Baldacchino

L-Erbgħa 24 ta’ Ottubru, 2013.

Wara kampanja twila kontra l-­qerda tas-­siġar f’pajjiżna, wieħed kien jistenna’ li bil-­bidla fil-­gvern kien ikun hemm xi ħjiel ta’ xi miżuri biex dan jibda’ jsir b’mod regolat u bi professjonalità. Imma b’dispjaċir wieħed jinnota li l­qerda, iż­-żbir bla rażan, in-­nuqqas ta’ apprezzament, id-­dilettantiżmu, in­-nuqqas ta’ rieda u interess, u l­isparpaljar ta’ fondi pubbliċi għadu għaddej bl-­istess ritmu li kien għaddej qabel l­-elezzjoni, minkejja xi wegħdiet.

Dan kollu sforz il­-fragmentazzjoni li hemm bħalissa f’dawn ir-­responsabbiltjiet li kulħad qe ifarfr u jgħid li mhux tiegħu.

Mela għandna l-­Ministru tat­-Transport u l-­Infrastruttura li huwa responsabbli mill-­landscaping. Is­-Segretarju Parlamentari fil­-Ministeru tal-­Prim Ministru responsabbli mill-­MEPA li hija l-­Awtorità Kompetenti għall­-Ħarsien tas-­siġar; u l­-Ministru tal-­Kunsilli Lokali li huwa responsabbli mill-­Kunsilli Lokali. Hemm ukoll il-­Ministru tal­-Ambjent li bnir-raġun ma għandu l­-ebda responsabbiltà fejn jidhlu s-­siġar minħabba din il-­fragmentazzjoni ta’ responsabbiltajiet.

Is-sura ta' dwn is-Siġar turi l-mentalita mikina u l-kultura kontemporanja taż dan il-pajjż

Is-sura ta’ dawn is-Siġar turi l-mentalita miskina u egoistika, l-kultura kontemporanja ta’ dan il-pajjż

Is-­sit eletroniku Rabti People who like or live in Rabat Malta poġġa ritratt ta’ dan il-massakru fuq is-­sit eletroniku permess ta’ Chris Farrugia fl-­interess tar­Rabat, tar-­Rabtin, u anki tal-­biodiversità Maltija, hekk kif beda dan il­-massakru fuq is­-siġar tas­-Saqqajja r-­Rabat. Skont kummenti fuq dan is-­sit ix-­xogħol ġie mqabbad mill­-Kunsill Lokali tar­Rabat u ma għandniex xi ngħidu sejjer jitħallas minn flus il­-poplu. In-­numru ta’ kummenti fuq dan is­-sit kienu mijiet, u l­-karba tal-­poplu Rabti għal din il­-qerda hija kbira. Wieħed jistenna’ biex jara kemm sejjer jismagħha l­-Gvern.

Qiegħed inpoġġi l-­kummenti li għamilt jien kemm fuq dan is­-sit kif ukoll fuq siti oħra li siltu xi ­kummenti minnu u tefgħuhom fuq siti tagħhom. Qiegħed ukoll inżid l­-indirizz eletroniku fejn dehru u xi ritatti biex wieħed jekk irid ikun jista’ jara l-­istampa kollha u l-­kummneti tagħna r-Rabtin, ma’ oħrajn li jaqblu magħna, saħansitra anki barra xtutna.

THE TREE BUTCHERY CONTINUES ­– 19 ta’ Ottubru 2013

https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/10151935648499645/?notif_t=group_comment_reply

SIĠAR IMMASAKRATI 2013 – Is-Saqajja — 19 ta’ Ottubru 2013

Christopoher Farrugia with Astrid Vella and 3 others– The latest attack on trees took place two days ago at Saqqajja, Rabat, reducing the former row of majestic trees to ugly, bare and leggy branches topped by a few leaves! Now MEPA is defending this Rabat Local Council action, saying that the trees can be ‘pruned’ savagely as they are not over 50 years old, when in fact elderly Rabat residents remember them already grown 75 years ago!

THE TREE BUTCHERY CONTINUES ­ – 19 ta’ Ottubru 2013

https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/10151935648499645/?notif_t=group_comment_reply

Alfred E. Baldacchino – Chris, prosit talli bdejt din it-thread fuq ir-Rabat u minn veru jħobbu speċjalment fuq dawn il-ħniżriet ta’ żbir li llum mhux ir-residenti tar-Rabat biss, imma l-Maltin u l-Għawdxin kollha qed jilmentaw minn dan in-nuqqas ta’ professjonalità. Il-Kunsill Lokali tar-Rabat imissu jistħi meta hawn din il-kritika kollha u jibqa’ għaddej qisu qed jgħix fiq xi pjanetà oħra. Imma l-Kunsilli Lokali li huma fformati mir-rapreżentanti tal-partiti politiċi, suppost għandhom il-barka kemm tal-Ministeri mill-Kunsilli Lokali kif ukoll mill-Ministeru responsabbli għall-MEPA biex setgħu jagħmlu dawn l-oxxenitajiet.

saqqajja trees3

Kif kienu jinżabru mill-ħġaddiema tal-Gvern is-siġar tas-Saqqajja fl-imgħoddi meta la kellhom cherry pickers u lanqas srieraq mekkaniċi. Dawn huma l-istess siġar li jidhru fir-ritratt ta’hawn fuq. wara li nżabru il-ġimgħa li għaddiet.

Nixtieq inkun naf min qed jgħati dawn il-pariri professjonali lill-Kunsill Rabti. Kif taf int Chris jiena llum għandi 67 sena. Niftakar meta kont għadni mbuttat fil-pushchair biex inmorru l-ġnien kont narahom hemm. U dan kellhom aktar minn 10 snin fil-wisa’. Forsi l-MEPA għadhom ma jafux jgħoddu… is- siġar. Imma il-MEPA la qatt kellhom u lanqas għandhom interess li jħarsu s-sigar u l-pjanti oħra indiġeni Maltin. Jekk tħares kif amendatw ir-regolamenti tal-Ħarisen tas-Siġar tal-2001 u kif dawn il-MEPA biddlithom fl-2012 biżżejjed biex wieħed jara kemnm il-MEPA hija interessata. Illum il-MEPA kważi kważi saret aġenżija tal-iżviluppaturi. Nixtieq inkun naf b’dan it-tqaċċit tas-siġar kollha għal kemm il-siġra il-MEPA oġġezzjonat. Bil-politika tal-MEPA, minkejja kemm bil-pjanijiet tal-gvern ta’ qabel (imfasswlin mill-MEPA stess) kemm b’dawk tal-gvern ta’ issa tidher li tiġi taqa’ u tqum. Ħares ftit lejn il-permess li tgħat fix-xogħol tal-foss tal-Imdina fejn inqerdu tant siġar biex il-foss inkesa bit-turf u ġabet is-swar tal-Imdina qishom Windsor Castle. Naturalment xi ħadd qala balla flus. Dan jidher aktar importanti minn xi 300 siġra (waħda minnhom żebbuġa li kellha viċin il-100 sena u li nqalgħet bil-barka tal-MEPA) kollha inqerdu.

Kien hemm suġġeriment aktar ‘l fuq biex fir-Rabat jitwaqqaf grupp jew kumitat dwar il-ħarsein tas-siġar u l-ambjent naturali Rabti. Jekk timxi din l-idea għidluli għax inkun minn ta’ quddiem bħala Rabti li noffri l-ħin biex inkun fuqu. Ma niflax nara aktar oxxenitajiet minn nies li jieħdu deċiżijoniet u ma jagħrfux siġra minn arblu tad-dawl. U mbgħad iwaħħlu f’ħadd ieħor. Ikun interessanti wkoll li l-politikant responsabbli mill-Kunsilli Lokali u dak mill-MEPA jgħidu kif jaħsbuha.

THE TREE BUTCHERY CONTINUES ­ – 19 ta’ Ottubru 2013

https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/10151935648499645/?notif_t=group_comment_reply

Kif ġabuhom is-siġar illum.  Imma kif dan il-pajjiż tilef kull sengħa, kull pġrofessjonalità, kull rispett, u tilef ruħhu għall-flus.

Kif ġabuhom is-siġar illum. Imma kif dan il-pajjiż tilef kull sengħa, kull professjonalità, kull rispett, u tilef  anki ruħhu għall-flus.

Alfred E. Baldacchino – Allura biex inkun naf x’gara irrid immur il-Kunsill tar-Rabat? Irrid nifhem li l-Kunsill kellu jdejh marbutin biex iwqqaf dawn l-oxxenitajiet? Sa fajn naf jien il-membri tal-Kunsill qegħdin hemm biex jaraw u jirrapreżentaw in-nies tar-Rabat. Ma naħsebx li dan il-pajjiż huwa xi wieħed minn dawk ta’ wara dik li darba kienet il-purtiera tal-ħadid. Jekk il-Kunsill għandu spjegazzjoni jgħidlna. Jekk qed jipproteġi lil xi hadd, jiddispjaċini ngħid li r-responsabbiltà hija xorta waħda tiegħu u tal-Ministeru lli jaqa’ taħtu. Imma ma rridx neħodha kontra l-Kunsill tar-Rabat. Jekk dan jitkellem u jafda man-nies Rabtin li tellgħuh, imexxi aħjar u mingħajr wisq problemi, speċjalment jekk ikollu xi pressjoni minn nies mhux mir-Rabat. Xi ħadd qal li dawn is-sigar hemm bżonn jinbidlu! Ma nagħmlux mod li hemm xi ħadd qed ifesfes f’widnejn xi ħadd biex dawn jinbidlu u minflokom jitħawlu siġar mill-Afrika t’isfel, mill-Amerika t’isfel u minn kull parti oħra tad-dinja, bħal dawk li ħawlu fil-Kottonera u kullimkien. Tgħid għalhekk din is-segretezza kollha? Hemm minn bi ħsiebu jaqla xi skoss flus minn fuq dahar il-poplu bil-bejgħ tas-sigar barranin?

Xi ħadd ieħor qal li lanqas tista’ tpoġġi fuq bank minħabba l-għasafar. Kumment fqir u tat-tfal. Mur daqsxejn sa’ Ħad Dingli (mhux ‘l bogħod) u ara kif il-Kunsill ta’ Ħad Dingli solva din il-problema bla wisq spejjes u bla wisq teatrin. Naħseb li n-nies tar-Rabat huma intelliġenti biżżejjed jekk iridu. Imma minn ċerti kummenti li qed jidhru qed nistenna għar.

THE TREE BUTCHERY CONTINUES ­ 19 ta’ Ottubru 2013

https://www.facebook.com/groups/rabatmalta/10151935648499645/?notif_t=group_comment_reply

Il-Bankijiet f'Ħad-Dingli

Il-Bankijiet f’Ħad-Dingli

Alfred E. Baldacchino – Bankijiet f’Ħad Dingli li jippermetti lilll-għasafar ikollhom kuxjenza safja kif ukoll lil minn ipoġġi fuq il-bankijiet biex ipoġġu b’rashom serħana. U ma nqatat l-ebda siġra u kellu jħallas għaliha l-kunsill kif sejjr jagħmel dak tar-Rabat.

iNEWS

Massakru minn sigar fis-Saqqajja

http://www.inewsmalta.com/dart/20131021-massakru-minn-sigar-fis-saqqajja

Alfred E., Baldacchino  – Hija ħaġa tal-­mistħija li sena wara sena, wieħed jara dan id-­dilettantiżmu u qerda ta’ siġar u ħadd ma jieħu responsabbiltà. Dan minkejja l-­kritika kontinwa taċ-­ċittadini li minn flushom qed iħallsu għal dan ix­-xogħol u qerda.

Dawn is­-siġar għandhom ’l fuq minn 70 sena minkejja dak li qalet il-­MEPA. Jiena Rabti u llum għandi 67. Dejjem hemm nafhom. Imma l­-MEPA…

Sfortuntament il-­MEPA la għandha u lanqas qatt kellha interess li tħares is-­­siġar, minkejja l­-obbligi legali u morali li għandha. U dan jispjega għaliex ir­­regolamenti tal-2001 ġew mibdula mill­­-MEPA fl’2012. Possibbli li lanqas is­­-Segretarju Parlamentari responsbbli mill-­MEPA ma jista’ jagħmel xejn fuq hekk?

Xi Kunsilli Lokali ukoll qishom lanqas qegħdin hemm. Fir­-Rabat is-sena l-­oħra ġara l-­istess u milli jidher ma tgħallem xejn. U dan minkejja li qed iħallas il­-poplu għal dan ix-­xogħol xejn professjonali approvat u mqabbad mill­-Kunsill Lokali. Possibbli li s-­Segretarju Parlamentari responsabbli mill-­Kunsilli Lokali dan kollu ma jinteressahx?

Dan il­-qerda u xogħol bla sens u bl-­ebda professjonalità kienet bla kontrol taħt il­­-Gvern ta’ qabel. Imma jiddispjaċini ngħid li mhux talli ma rranġa xejn talli għada kif kienet qabel minkejja l-­kritika tan-­nies. Forsi l-­­Prim Ministru jista’ jinterveni hu u jwissi lil min għandu jwissi, dejjem sakemm ma jaqbelx hu wkoll ma’ dan it-­tip ta’ xogħol!

L-­Orizzont

http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1=’Ahbarijiet’&ID2=112053

Alfrd E. Baldaahino (kumment għall-pubblikazzjoni) Din il-­qerda ta’ siġar f’pajjiżna li issa ilha għaddejja s­-snin hija qerda bla rażan, bla raġuni, u milli jidher bla ħadd ma hu lest li jerfa’ reponsabbiltà għalijha. Il­-fragmentazzjoni li teżisti fil-­ħarsien tas-­sigar mhu qed tgħin xejn biex is­-siġar li qed jikbru f’pajjiżna jkunu mħarsa kif suppost.

Ritratt meħud fl-01963 fejn is-=siġar jidhru li għandhom sewwa vi1in il-15-il sena dak iż-żmien. Imma il-MEPA li qalet li dawn ma għadhomx aktar minn 50 sena, issa qed twaħħal fl-Agrikultura wara li qalgħatha barra mir-regolamenti.

Ritratt meħud fl-1961 fejn dawn is-siġar jidhru li għandhom sewwa viċin il-15-il sena dak iż-żmien. Imma il-MEPA li qalet li dawn ma għadhomx aktar minn 50 sena, issa qed twaħħal fl-Agrikultura wara li qalgħatha barra mir-regolamenti u llum ma għandha x’taqsam xejn.

Ftit tal-­ħin ilu (it­-Tlieta 22 ta’ Ottubru) kont qed nara programm ta’ diskussjoni fuq ONE TV fejn is­-CEO tal-­MEPA qal li l-­ilqugħ u ż-­żbir tas-­siġar huma responsabbiltà tal­-Agrikultura.  Dan mhux korrett. Din ir-­responsabbiltà kienet hemm taħt ir-­regolamenti l-­qodma tal­-2001.  Imma dan ġew revokati u mibdula mill­-MEPA stess fil-­2012. Illum il­-MEPA hija l­-Awtorità Kompetenti għall-­ħarsien tas­-siġar skond ir-­regolamenti tal­-ħarsien tagħhom li għamet hi stess.

Naħseb li hemm bżonn immedjat li l-­Prim Ministru jindirizza din il-­fragmentazzjoni illum qabel għada biex ma tkompliex issir aktar qerda.

Is-sbuħija tas-siġar ta' fuq is-Saqqajja ir-Rabat kif darba kienu u kif ma jistgħu ikunu qatt sakemm tinbidl din il-mentalit.a pulitika ta' pajjiżna.

Is-sbuħija tas-siġar ta’ fuq is-Saqqajja r-Rabat kif darba kienu u kif ma jistgħu jkunu qatt aktar sakemm tinbidl din il-mentalità  pulitika  u kulturali ta’ pajjiżna.

Advertisements

Qerda tal-biodiversità fil-foss tal-Imdina… biex isir ġnien ta’ kwalità!

September 28, 2012

Dan l-aħħar qrajna u smajna stqarrijiet minn Ministru tal-Gvern dwar ġonna ta’ kwalità u spazji miftuħa għall-familji.

Meta wieħed jaqra u jisma’ l-kummenti ta’ dan il-Ministru tal-Gvern li huwa responsabbli minn dawn il-proġetti, wieħed mill-ewwel jifhem għaliex illum il-qerda tal-ambjent naturali hija daqstant kbira. U wieħed ma jistax ma jistaqsiex numru ta’ misoqsijiet, bħal ngħidu aħna:

  1. Bliema immaġinazzjoni jista’ xi ħadd jgħid li sejjer jagħmel ġnien ta’ kwalità u fl-istess ħin jaqla’ u jeqred ammont kbir ta’ sigar b’impatt kbir fuq il-biodiversità tal post?  (ara ritratti aktar l-isfel).
  2. Kif jista’ wieħed jgħid li sejjer jagħmel ġnien ta’ kwalità u fl-istess ħin jiksi l-post b’medda wiesgħa ta’ konkos; konkos aktar milli hemm u aktar milli kien hemm siġar qabel ma beda x-xogħol? (ara ritratti aktar l-isfel)
  3. Liema raġuni xjentifika tiġġustifika li biex isir ġnien ta’ kwalità titqaxxar u tinqered il-liedna kollha li kien hemm fil-post u li kienet tħaddar u tiksi metri kwadri kbar tal-ħajt tal-ġnien Howard Gardens (mhux mal-ħajt tas-sur) u li kienet toffri ambjent naturali għall-numru ta’ fawna indiġena? Din kienet ukoll issebbaħ u tgħati l-ħajja lill-kull ġnien anki jekk mhux ta’ kwalità. U dan minkejja li l-Gvern ta’ Malta huwa obbligat u marbut mill-Unjoni Ewropea biex jara li jieħu miżuri biex ma tkomplix tinqered il-biodiversità tal-Unjoni Ewropea li aħna parti minnha. Il-Ministri tal-Ambjent (anki dawk li jgħidu li xi darba kienu Ministri tal-Ambjent) din kollha jafuha, kemm mid-dokumenti tal-UE li jirċevu, kif ukoll mill-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri li jattendu.

Fid-diskors tiegħu fil-video li deher fil-ġurnal The Times

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

dan il-Ministru qal li ma nqerdux siġar.  Jekk wieħed iħares lejn ir-ritratti hawn mehmuża, waħdu jasal f’konklużjoni waħda.

  1. Kif jista’ xi ħadd jgħid li dan ix-xogħol qed jerġa jieħu dan il-post għall-ġranet passati tal-glorja tiegħu?  Sa fejn naf jien fi żmien l-Għarab u l-Kavallieri ma kienux jużaw konkos (sakemm xi perit ma jikkoreġinix!) li llum huwa l-aktar ħaġa li tispikka f’dan il-ġnien (u ġonna oħra simili) ta’ kwalità. Lanqas kienu jiżirgħu turf  għax l-ilma għalihom kien jiswa mitqlu deheb, u lanqas kienu jagħmlu ilma ħiereġ jiżfen mill-art!  U lanqas ma kienu jużaw lift biex jinżlu mis-swar għall-foss. Jidher li l-Għarab u l-Kavallieri li ħakmu pajjiżna tant għexieren ta’ snin ilu, kellhom viżjoni ferm u ferm aktar professjonali, ekonomika, soċjali, ambjentali u sostenibbli milli għandhom il-mexxejja politiċi Maltin tal-lum, minkejja li dak iż-żmien ma kienx hemm obbligi ambjentali internazzjonali bħal ma għandna llum u lanqas kellhom Ministri tal- Ambjent.
  2. Ir-Rabtin u l-ġirien tagħhom  ma għandhomx bżonn xi politku li ma għandu l-ebda idea ta’ xi tfisser biodiversità biex jgħamillhom ġnien ta’ kwalità! U lanqas għandhom bżonn spazji miftuħa għall-familji għax għandhom biżżejjed spazji miftuha. Żgur li ma għandhomx bżonn ta’ spazju miftuħ ġo foss. U jekk kien hemm il-ħsieb li dan il-foss jinfetaħ għal kulħadd, kull ma kien hemm bżonn kien  li jitneħħew il-katnazzi li kienu jsakkru l-bibien li jgħalqu l-aċċess għal kulħadd. Li kieku dan id-diskors jintqal lill-kostitwenti ta’ min qalhom, li llum huma ferm u ferm konxji mill-ambjent naturali u l-qerda li l-konkos qed jagħmel lil dan l-ambjent, żgur li kienu jibgħatuh jistgħad biex forsi jaqbad xi mazzun!
  3. Imma veru li biex tagħmel ġnien ta’ kwalità illum l-ingredjenti huma: a) konkos; b) turf; c) ilma jiżfen; d)  issa anki lift; u e) l-qerda tal-biodiversità tal-post kollha, kif sar fil-foss tal-Imdina u f’kull hekk imsejjaħ ġnien ieħor li qed isir mill-istess ministeru?
  4. Ħarsa lejn il-kummenti li kien hemm fil-gazzetti f’dawn il-links

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120919/local/Mdina-ditch-returned-to-glory.437501

u fir-ritratti li ħadt jien stess u li wħud minnhom jidhru hawn taħt, kollha jitkellmu u juru  d-disastru li sar bi flus pubbliċi u b’dawk tal-Unjoni Ewropea.

  1. Forsi hawnhekk ta’ minn jistaqsi minn qed jamministra l-fondi tal-UE, f’dan il-kas il-European Regional Development Fund?  Min qiegħed jawditjahom? Fejn jista’ l-pubbliku jara rendikont tal-infiq?
  2. Barra minhekk, minn qiegħed jara li jkun hemm diskussjoni pubblika fuq il-proġetti biex b’hekk ikun involut iċ-ċittadin fid-deċiżjoni, qabel jintefqu dawn il-flus? Dan ukoll huwa fost l-obbligi li titlob l-UE.
  3. Jiddispjaċini ngħid li l-ħsara li qed issir lill-biodiversità Maltija bi proġetti bħal dawn, bi skuża ta’ ġonna ta’ kwalità u spazji miftuħa għall-familji, trid aktar minn ġenerazzjoni biex titranġa.
  4. Dan il-ġnien sejjer ikollu kwalità waħda …. dik ta’  mafkar ta’ kif l-ambjent naturali qed jiġi sfruttat u mżeblaħ f’dawn l-aħħar snin, mingħajr ebda mistħija u ebda mgħodrija.
  5. Fl-aħħarnett min huma l-konsulenti tal-Ministru li huwa responsabbli biex jaraw li dan ix-xogħol ikun wieħed sostenibbli, jiġifieri li ma ssirx ħsara ekonomika, ħsara soċjali u ħsara ekoloġika kif qed issir?
  6. Nismagħhom jgħidu li hawn Malta kollox possibli, imma ma naħsebx li hawn xi ħadd li sab kif jgħatti x-xemx bl-għarbiel, għalkemm hawm min qed jipprova u qed jagħmel ħiltu kollha.

ARA WKOLL

http://www.orizzont.com.mt/Issues/19092012/social/article95864.html

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120918/local/mdina-ditch-being-transformed-into-quality-garden.437446

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20120919/local/Mdina-ditch-returned-to-glory.437501

http://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/05/25/environmentali…ent-over-trees

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/07/31/once-there-were-green-leaves/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/04/30/massacre-of-md…eally-involved/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/02/27/government-policy-on-trees/

iL-BIODIVERSITA’   SINJURA TA’ QABEL BEDA X-XOGĦOL FIL-FOSS TAL-IMDINA U L-KWALITA’ TA’ QERDA LI SARET MINN META BEDA X-XOGĦOL FUQ IL-ĠNIEN TA’ KWALITA’

QABEL – Ringiela ta’ siġar taċ-Cipress li kienu jiffurmaw parti mill-biodiversità

WARA – L-unika siġra taċ-Cipress li baqa’ – MEJTA. L-oħrajn kollha nqalgħu u nqerdu. Ikun interessanti kieku l-esperti tal-Ministru jgħidulna kif mietet din is-siġra, jew aħjar jekk inqatletx b’xi kumbinazzjoni!  Ma naħsebx li issa sejjer ikun hemm xi ħadd li tniggżu l-kuxjenza biex jaqla’ siġra mejta, meta nqalgħu tant u tant siġar ħajjin minn dan il-post .

QABEL – ambjent naturali sinjur

WARA – parti mill- ġnien ta’ kwalità – anqas biodiversità, aktar konkos!

WARA – liedna  meqruda fil-ġnien ta’ kwalità

WARA – siġar taċ-Ċipress maqlugħa, meqruda  u mitfuha fl-art biex jagħmlu wisa għall-ġnien ta’ kwalità.

WARA – fdalijiet tas-siġar mejta taċ-Ċipress taħt it-tabella tal-Ministeru li qed jagħmel ġnien ta’ kwalità

QABEL U WARA – id-dehra tal-foss ftit wara li beda x-xogħol fuq il-ġnien ta’ kwalità.  Is-siġar immarkata b’salib isfar kollha ġew meqruda, jew maqlugħa.

WARA – post għeri mill-biodiversità fi ġnien ta’ kwalità fejn jispikka l-konkos u l-għibien tas-sigar li qabel kienu jżejnu dan il-post.

It-tabella imwarrba u mitluqa fl-art li madankollu turi l-għajuna finanzjarja li qed tgħati l-EU mill-European Regional Development Fund, għar-restawr tal-post, li qed isir fost oħrajn bit-tneħħija tal-biodiversità u kisi bil-konkos.


Bżonn ta’ aktar immanniġġar tas-Siġar Maltin

March 5, 2012

It-Tnejn, 5 ta’ Marzu, 2012

miktub minn Gaetano Micallef

Il-ġlieda ta’ raġel biex isalva s-siġar lokali

 Il-“massakru” tas-siġar lokali u l-importazzjoni ta’ ċertu speċi ta’ siġar u pjanti li magħhom qed iġibu ċertu nsetti qed jinkwetaw lill-ambjentalist ALFRED E. BALDACCHINO kif wieħed jista’ jara mill-blog tiegħu. GAETANO MICALLEF iltaqa’ miegħu biex jara għaliex mhux jara futur għas-siġar indiġeni u cioè dawk tal-lokal. Fil-blog tiegħek għidt li s-siġar lokali qed jiġu “immassakrati”. X’ridt tgħid biha? X’qed iwassal għal dak li qed tiddeskrivi bħala trattament inaċċettabbli tas-siġar? Skont il-prinċipji tal-UE hemm bżonn ta’ regolatur u operatur biex l-affarijiet jitmexxew sewwa. Jekk nieħdu l-qasam tal-enerġija għandek il-korporazzjoni Enemalta li hija l-operatur waqt li fil-qasam tal-ilma nsibu l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma li wkoll hija operatur. Imma t-tnejn li huma regolati mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA). Issa fil-qasam tal-‘landscaping’ insibu l-operatur, li huwa l-partner privat tal-Gvern, imma uffiċjalment m’hemmx indikazzjoni li hemm xi regolatur. Din tista’ twassal biex id-deċiżjonijiet u l-politika ta’ dan ix-xogħol titfassal mill-operatur innifsu. Ngħidu aħna, xi speċi ta’ siġar u arbuxelli jitħawwlu, minn fejn jinġiebu, jekk għandhomx jiġu impurtati, fejn jitħawlu, minn fejn jinqalgħu, jekk humiex skont il-liġi u jekk jonorawx l-obbligi internazzjonali li għandu l-pajjiż. Imma jidher li m’hemmx regolatur biex jgħid “ara, din l-ispeċi m’għandiex tintuża għax din għandha impatt negattiv fuq is-soċjetà, l-ekonomija u l-ekoloġija”. L-operatur m’għandux direzzjoni u mhux regolat. Ara f’Għawdex ħaġa bħal din ma tiġrix. M’ilux kont hemm u staqsejt uffiċjal fil-ministeru għaliex kuntrarju għal Malta ma rajtx il-pjanti li jgħidulhom is-Swaba tal-Madonna u l-Pjuma meta f’Malta dawn tarahom kważi kullimkien. Ir-risposta kienet li f’Għawdex huma jiddeċiedu liema pjanti jitħawlu u mhux il-kuntrattur. U billi jafu li kemm is-Swaba tal-Madonna u l-Pjuma huma pjanti invażivi ma jridux li dawn jidħlu Għawdex u jinfirxu kullimkien bi ħsara ekonomika, ekoloġika u soċjali. Tgħidli x’għandhom ħażin dawn il-pjanti? Dawn huma fost l-agħar pjanti invażivi fl-Ewropa. Pjanta invażiva hija dik li meta tiddaħħal minn barra taħrab u tinfirex mal-pajjiż fejn qatt ma kienet tikber qabel. Is-Swaba tal-Madonna hija pjanta Sud-Afrikana. Li pjanta minn barra tiddaħħal fil-pajjiż ma fiha xejn ħażin fiha nnifisha sakemm ma tkunx waħda li faċli taħrab bi ħsara kbira ekoloġika, soċjali u anke ekonomika għall-pajjiż. U meta din taħrab, tinfirex u tistabilixxi ruħha ma jkunx possibbli li tiġi kontrollata u meqruda. Ħares lejn il-Ħaxixa Ingliża jew il-Qarsu kif jafuh xi wħud. Din inġiebet xi 100 sena ilu mill-Afrika t’Isfel u tpoġġiet fil-Ġnien Botaniku fil-Floriana. Minn hemm infirxet u mliet Malta, Għawdex u Kemmuna. Saret invażiva għax illum qed tikber bla kontroll, ma tistax tiġi kontrollata u impossibbli li tiġi eliminata. Fil-fatt minn hawn Malta waslet anke Tuneż u Sqallija.

Imma mhux kull pjanta tista’ titqaċċat jew titneħħa?

Impossibbli. Kif tista’ telimina l-Ingliża minn hawn Malta li tikber kullimkien u tiksi kullimkien? Anke mas-swar u mal-irdumijiet. Jew is-Siġra tar-Riġnu jew is-Siġra tax-Xumakk? Meta tidħol speċi u ssir invażiva jkun impossibbli teliminaha. Fl-UE l-pjanta tas-Swaba tal-Madonna hija meqjusa fost l-iktar mija invażivi. U aħna nħawluha fit-toroq! Min qed jagħmel il-politika? Ir-regolatur? Anke jekk m’hawnx regolatur xorta waħda tibqa’ ir-responsabilità tal-Gvern li jara li l-obbligi internazzjonali li l-pajjiż għandu jiġu onorati. U għaliex dan l-interess u din l-għebusija tar-ras biex din il-pjanta u oħrajn invażivi bħala jibqgħu jiġu mħawla u mħallsa bi flus pubbliċi? Din jista’ jweġibha biss min qed jagħmel il-politika f’dan il-qasam. Sadanittant, is-soċjetà, l-ekonomija u l-ekoloġija jħallsu għal din il-politika żbaljata. Id-deċiżjoni li jkun hemm sieħeb privat mal-Gvern, f’dan il-każ l-ELC, mhux idea ħażina. Imma ma jistax ikun hemm operatur bla regolatur iktar u iktar meta l-operatur għandu €7 miljun kull sena għal ħames snin, jingħata l-mixtliet tal-Gvern biex jopera minnhom, jingħata l-makkinarju bħall-bowsers tal-Gvern biex jaħdem bihom u anke ħaddiema li kienu jaħdmu mad-Dipartiment tal-Agrikoltura f’dan il-qasam. F’din is-sħubija hemm riżorsi tajbin, kemm finanzjarji u umani, imma la hemm il-viżjoni u lanqas id-direzzjoni biex l-għan jintlaħaq. Il-Gvern huwa marbut mal-liġijiet lokali u anke b’dawk tal-UE u b’konvenzjonijiet internazzjonali rigward il-ħarsien u l-immaniġġjar tal-biodiversità imma kemm qed ikunu riflessi fix-xogħol li qed isir f’dan il-qasam ta’ tisbiħ tal-pajjiż? Dan narawh iktar ċar meta wieħed jara, fost orajn l-pubblikazzjonijiet uffiċjali tal-MEPA fejn jgħidu liema huma l-ispeċi invażivi li huma ta’ ħsara għall-ekoloġija lokali … fosthom is-Swaba tal-Madonna u l-Pjuma. Imma minkejja dan kollu ara kemm flus pubbliċi għadhom jintefqu fl-importazzjoni ta’ siġar eżotiċi, uħud minnhom invażivi, jew li jġibu magħhom speċi invażi. Ma tara l-ebda sinjal ta’ tkabbir ta’ siġar indiġeni lokali. Mela għala noqgħodu nippubblikaw pjanijiet, strateġiji u miżuri oħra favur l-ambjent meta dawn qed jiġu kompletament injorati? Jekk wieħed iħares lejn l-irdumijiet viċin tal-Blue Grotto jara li magħhom tikber is-Swaba tal-Madonna b’kompetizzjoni għall-pjanti indiġeni, uħud endemiċi, li jikbru hemm. Veru li dawn is-Swaba tal-Madonna kienu qed jikbru hemm qabel ma bdew jitħawlu fit-toroq. Allura nkomplu nżidu l-opportunità għal din il-pjanta biex tkompli tinfirex u tikber f’ambjent naturali mhedded.

Is-Swaba tal-Madonna – pjanta li l-UE tqis li hija fostl-aktar 100 pjanta invaziva. Hawn Malta, flus pubblici jintuzaw biex din tkompli tithawwel fit-toroqf pubblici

Anke l-Pjuma qed tinfirex sewwa u rajtha f’għelieqi, tikber taħt il-bankini fit-toroq, fil-widien u anke fix-xagħri. Min sejjer iħallas biex din tiġi ikkontrollata skont l-obbligi legali tal-pajjiż? Min sejjer jirrispondi għall-ksur tal-liġijiet u l-obbligi internazzjonali li l-pajjiż għandu biex ma jħallix pjanti invażivi jkomplu jinfirxu fl-ambjent naturali?

Il-Pjuma – pjanta invażiva li qed tinferex sewwa b'impatt negattiv soċjali u ambjentali

Kull speċi invażiva hija ħażina għall-ambjent lokali?  Mhux kull pjanta importata hija ta’ theddida għall-ambjent. Erħilha li meta dawn jiġu impurtati, magħhom jdaħħlu wkoll speċi oħra anke jekk magħhom ikollhom iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-pjanti. Hekk kellhom is-siġar tal-Palm li magħhom daħal il-Bumunqar Aħmar tal-Palm. Għalhekk għandu jkun hemm regolatur professjonali biex lill-operatur jgħidlu xi speċi għandu juża fit-tisbiħ tal-pajjiż. Li kieku kien hemm regolatur xjentifiku u professjonali ma kienux jitħallew jiġu impurtati siġar tal-Palm mill-Ewropa u mill-Eġittu meta dawn kienu diġà mifnijin bil-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm. Kieku ma kienux jitħallew jiġu mħawla ma’ Malta kollha s-Swaba tal-Madonna u l-Pjumi. Imma jekk wieħed iħares biss lejn il-parti kummerċjali mingħajr ma jagħti każ tal-impatt negattiv soċjali u dak ekoloġiku li dawn jista’ jkollhom allura dak li jiġri. Fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabilita hija tal-Gvern imma bħalissa qisu l-Gvern qed jagħti ċekk iffirmat imma vojt u l-ammont jintela minn min jirċievi ċ-ċekk.

Imma fl-ELC ma hemm ħadd li jifhem fil-pjanti u s-siġar?Ma nistax nimmaġina li ma hemmx. Li kieku le, kif ġiet fdata b’din ir-responsabilità f’idejha? Naħseb li hemm min għandu ħafna esperjenza f’dan il-qasam u għalhekk niskanta kif isiru dawn l-affarijiet u jinġiebu pjanti invażi li mhumiex ta’ ġid għas-soċjetà u għall-ambjent ekoloġiku. U għalhekk ukoll ma nistax nifhem kif fil-mixtliet tal-Gvern ma jitkabbrux iktar siġar indiġeni bħal-Luq, il-Ballut, l-Għargħar, id-Deru, is-Safsafa l-Kbira, l-Għanżalor, il-Fraxxnu, il-Ħarrub, iż-Żagħrun, ir-Rummien, il-Lewż u ż-Żnuber. Minbarra li dawn inaqqsu t-theddida ta’ speċi oħra li jġibu magħhom dawk importati – bħal bebbux, pjanti, insetti u rettili – immaniġġjar bħal dan jiffranka ħafna flus milli jmorru barra minn Malta u minflok jintefqu hawn u jservu ta’ ġid għall-ambjent. Imma għidli kemm-il siġra indiġena minn dawn li semmejt tara biex jissebbaħ l-ambjent urban? Fil-passat il-mixtliet tal-Gvern, anke jekk mingħajr r-riżorsi finanzjarji li għandhom illum, kienu jagħmlu kollox u minkejja li kienu wkoll jiżirgħu u jħawlu siġar mhux adattati għal pajjiżna, bħall-Akaċja u l-Ewkalyptus, ma kinux jimpurtaw siġar bħal ma qed isir illum u għalhekk ma kienx ikun hemm periklu li jidħlu speċi barranin. Bil-politika li qed tiġi mħaddma llum, f’dawn l-aħħar snin daħlu ħafna speċi invażivi. Huwa ferm diffiċli li meta tiddaħħal pjanta stabbilita ma ddaħħalx magħha xi speċi oħra anke fil-ħamrija li jkollha. Meta ddaħħlu s-siġar tal-Palm uħud minnhom kienu twal xi żewġ sulari u kważi impossibbli li ma jkunx hemm speċi magħhom. Il-Bumunqar l-Aħmar jgħix l-Asja. Hemm l-ambjent tiegħu. Daħal fl-Eġittu mas-siġar tal-Palm u mill-Eġittu sab ruħu fl-Ewropa mas-siġar tal-Palm li ġew esportati hemm. Fl-Afrika ta’ Fuq dan il-Bumunqar huwa ‘pest’ għax qed jeqred ħafna siġar tat-tamal u kellu impatt negattiv fuq din l-industrija.

Ir-riżultat ta' deċiżjonijiet mhux professjonali – waħda mill 400 siġra tal-palm, maqtula mill-Bumunqar Aħmar tal-Palm li ddaħħal mas-siġar importati.

Issa xi ħadd f’Malta kellu l-idea “inteliġenti” li jixtri s-siġar mill-Eġittu u anke minn Spanja u Sqallija li kienu impurtawhom mill-Eġittu u sal-lum inqerdu mal-400 palma li wħud minnhom kienu ta’ valur storiku. Sa issa dan il-Bumunqar għadu għaddej joqtol kull siġra tal-Palm li jiltaqa’ magħha u qed jintefqu ammont ta’ flus biex dan jipprova jitwaqqaf. F’Malta daħlet ukoll il-Ħanfusa s-Sewda tat-Tut. Is-siġar tat-Tut u ċ-Ċawsli li kien hemm fil-Fiddien kollha sofrew ħafna minn din il-ħanfusa. Kif ġralhom ħafna f’ġonna privati. Issa siġar tat-Tut m’hawnx ħafna f’pajjiżna u daret fuq is-siġar tat-Tin. Min qed iħallas għal dan? L-impatt qed inħallsuh jien u int. Daħal ukoll il-Farfett tas-Sardinell. Kulħadd jilmenta fuqu. Għandi erba’ qsari tas-Sardinell fit-terazzin biex nistudja dan il-farfett … kull sena joqtolhom. Biex wieħed ikompli jara n-nuqqas ta’ miżuri professjonali qed ikomplu jitħawlu s-Sardinell matul it-toroq biex dan il-farfett ikollu iktar pjanti fuqhiex ibid, jiekol, joktor u jinfirex! Diġà qed jinstab jittajjar fil-widien tagħna fejn għandna pjanta mill-istess familja tas-Sardinell li s’issa għadu ma misshomx. Nispera li issa ma narawx impjegati jbixxu kull Sardinella li jaraw bil-kimika biex joqtlu dan il-farfett! Daħlet ukoll is-susa tat-tadam. Qerdet ħbula wara ħbula ta’ tadam. Daħlet għax l-attivitajiet kummerċjali jieħdu preferenza fuq il-ħarsien soċjali u ekoloġiku. Imma hawn xi ħadd li jimpurtah u jieħu ħsieb li dawn l-affarijiet ma jiġrux?  Għandek ukoll numru kbir ta’ speċi ta’ bebbux tal-art li ddaħħal mal-pjanti impurtati. Sa issa għadu ma jinħasx imma meta jibda jinħass imbagħad naħseb li nibdew naraw kif se jintefqu l-flus biex jiġu ikkontrollati. Illum jitħawlu fjuri bħall-Pensieri, Qronfol Tork, Petunji u Sardinell li wara ftit ġimgħat jispiċċa żmienhom u jinħartu biex jerġgħu jitħawlu oħrajn. Ma nistax ngħid li mhumiex sbieħ imma meta fil-gżejjer tagħna għandna ’l fuq minn 1,000 pjanta selvaġġa kollha adattati għall-klima tagħna, li m’għandhomx bżonn ħafna ilma, allura għaliex ma nużawx dawn u nkunu qed inħarsu aħjar l-ambjent ekoloġiku u fl-istess ħin inħarsu l-ekonomija tal-pajjiż. Din bħall-kwistjoni tal-ilma. L-UE tobbliga li l-ilma tad-drenaġġ ma jistax jintefa l-baħar mhux imsaffi. X’ġara? Investejna f’impjanti biex jittrattaw dan l-ilma imma wara li jiġi msaffi jerġa’ jintrema l-baħar u mbagħad nerġgħu ntella ilma baħar iktar ikkonċentrat biex jerġa’ jissaffa mir-reverse osmosis ħalli jittieħed għax-xorb. L-istess qed jiġri fit-tisbiħ tal-pajjiż bil-pjanti. Jekk dan  immaniġġjar professjonali nixtieq lil xi ħadd jgħidli xi jfisser dilettantiżmu!

Jiġifieri bħala prinċipju taqbel li m’għandhom jidħlu ebda speċi barranin? Le, mhux qed ngħid hekk.  Hemm ftehim internazzjonali, li wkoll jagħmel parti mir-regolamenti tal-UE u li l-prinċipji tiegħu huma nklużi fil-liġijiet lokali, magħruf bħala l-“prinċipju ta’ prekawzjoni” li permess tiegħu jekk se tittieħed xi deċiżjoni u ma jkunx magħruf x’impatt din se tħalli fuq l-ambjent u s-soċjetà allura din m’għandix tittieħed. Nifhem li jekk se ssir triq u hemm siġra jew siġar fin-nofs ma tistax tħallihom hemm. Imma ma jfissirx li mingħajr ma jkun hemm konsultazzjoni, ix-xogħol isir mingħajr l-ebda pjan ta’ immaniġġjar. Jekk hemm proġett ta’ żvilupp suppost li jkun hemm il-permess tal-MEPA. U meta jkun hemm siġar bħal dawn ikun hemm kundizzjonijiet ta’ kif sejrin jinqalgħu, minn sejjer jaqlahom u fejn sejrin jerġgħu jitħawlu. Nuqqas ta’ tagħrif lill-pubbliku joħloq ukoll ċertu suspetti. Is-siġar taż-Żebbuġ li nqalgħu minn ħdejn il-Monument tal-Gwerra fil-Floriana ġew impurtati u mħawla ftit tas-snin ilu. U s-siġar fejn sar it-terminus tal-Arriva fil-Belt ukoll inqalgħu biex minflokhom tħawlu siġar oħra kbar impurtati bi prezz mhux irħis. L-aħħar darba li mort hemm kelli ċans naraw li tnejn minnhom diġà nixfu. Meta nara dawn ir-riżorsi qed jinħlew u kif bihom jista’ jsir ferm iktar ġid ma nistax ma ninkwetax għal din il-‘laisse faire’. Meta wieħed iħares lejn ir-regolamenti tal-2001 dwar il-ħarsien tas-siġar, li kienu jagħtu ħarsien anke lis-siġar li jikbru fl-urban u li kienu ġew ippubblikat bi sħab bejn il-Ministru tal-Ambjent u dak tal-Agrikoltura, u meta wieħed jikkumpara kif dawn ġew emendati fl-2010, fejn ġew ippubblikat mill-Ministeru tal-Ambjent biss u ma fihom l-ebda referenza għall-ħarsien tas-siġar li jikbru fl-urban, allura ma jistax ikun li dan il-‘laisse faire’ ma jinħasx iktar. Mhux talli s-siġar indiġeni ma jintużawx fit-tisbiħ tal-pajjiż imma minħabba n-nuqqas ta’ regolatur uffiċjali numru ta’ siġar rari u mħarsa wkoll qed isofru minn din il-mentalità. Il-Professur John Borg, li darba kien Supretendent tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, kien jara li siġar Maltin rari fil-pajjiż kienu jitħawlu jew jinżergħu fil-Ġonna ta’ San Anton. Fosthom kien hemm is-siġra rarissima magħrufa bħala s-Siġra tal-Kuruna, li aktarx hija l-unika waħda li għad baqa’, tikber f’San Anton, li l-aħħar li rajtha ftit ġimgħat ilu ġabuha qisha kurċifiss!

Ix-Xewk tal-Kuruna – l-aħħar siġra Maltija ta' din l-ispeċi rari u mħarsa strettament, li qed tikber fil-Ġonna ta' San Anton. Imbiċċra.

Barra minn hekk numru ta’ Siġar tad-Deru li kien hemm jikbru fuq ġewwa mal-ħajt ta’ dan il-ġnien tqaċċtu mill-qiegħ nett. Żabra li min jagħmel il-politika u huwa responsabbli fl-immaniġġjar tas-siġar imissu jistħi jidher quddiem in-nies. Dan biex ma nsemmiex dak li ġara l-Buskett li huwa sit tan-Natura 2000.

Id-Deru - kien jikber matul il-ħajt tal-ġnien f'San Anton. Imqaċċat mill-qiegħ.

Imma forsi għalhekk ma jeżistix regolatur… biex ħadd ma jkun f’pożizzjoni li jistħi. Huwa faċli li wieħed iwaħħal fil-ħaddiema biex taparsi jkun jidher li ħa passi. Imma l-ħaddiema jagħmlu dak li jgħidulhom. U bla regolatur x’tistenna? L-iktar ħaġa li tweġġgħani li dawn qed isiru bi flus pubbliċi u ħadd ma jidher li huwa responsabbli.

Forsi l-akbar ċertifikat ta' inkompetenza f'dan il-qasam huwa il-mod kif siġar f'Natura 200 tal-EU, il-Buskett, ġie mżeblaħ, anki dan bi flus il-poplu. Darba din kiet siġra rari u mħarsa strettament - is-sigra tal-Fraxxnu.

Sakemm ikollna dan ir-regolatur jiddispjaċini ngħid li s-siġar indiġeni f’pajjiżna m’għandhomx futur sabiħ. Jekk għandhom futur. Jekk ix-xogħol jitmexxa b’għan kummerċjali biss, u mingħajr ma jittieħdu kunsiderazzjonijiet tal-għan soċjali u ekoloġiku, wieħed ma jistax jistenna li s-siġar indiġeni ma jibqgħux sejrin lura u li ma jidħlux iktar speċi invażivi. U waqt li l-profitt kummerċjali jeħduh l-individwi, il-prezz iħallsu l-poplu u l-ambjent ekoloġiku.

Ara x'żabra dik? Certifikat għal dak il-politiku li huwa responsabbli biex dan ma jħallihx isir.

Żabra bla ebda professjonalita, bla kuxjenza u bla mistħija.

Għall-ġid tal-poplu u tal-ambjent! Dan qed ngħidu fuq dak li qalu, li qrajt u li smajt, fuq dak li rajt, u fuq ir-riżultati ta' dan kollu, dejjem bi flus pubbliċi.

NOTA: Ir-ritratti ma jidhrux fl-artiklu oriġinali li deher fl-Orizzont, imma dawn żidthom jien fuq il-blogg u kollha huma ritratti li ħadt jien.


Il-kapriċċ tal-proprjetà vojta (2) Ħadd mhu jerfa’ l-ħtija tan-nuqqas ta’ ppjanar

July 26, 2011

Il-kapriċċ tal-proprjetà vojta (2) 
Ħadd mhu jerfa’ l-ħtija tan-nuqqas ta’ ppjanar
 

minn aleander balzan
 

KIF irraportat minn din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, fi ftit snin żdiedu bl-eluf in-numru ta’ proprjetajiet vojta f’pajjiżna. Skont iċ-chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), Austin Walker, huwa stmat li llum għandna 76,000 proprjetà vojta. Minkejja dan ħadd mhu qiegħed jerfa’ l-ħtija ta’ dan in-nuqqas ta’ ppjanar. Fi kliem l-ambjentalisti Alfred E. Baldacchino u Astrid Vella dan in-nuqqas ta’ ppjanar qiegħed iwassal għal ħela ta’ riżorsi enormi.

Alfred E. Baldacchino, li huwa speċjalizzat fl-ippjanar u l-immaniġjar tal-ambjent argumenta mat-TORĊA li dawn il-proprjetajiet vojta “huma ħela ta’ riżorsi finanzjarji kif ukoll riżorsi naturali li ftit li xejn għandna minn fejn naħlu. Dan huwa wkoll nuqqas ta’ ippjanar serju għaliex wieħed qed iħares biss lejn ir-riżultat fiż-żmien il-qasir.”

“L-impatt fuq l-ambjent hu tant negattiv li qiegħed ikun hemm ħela ta’ riżorsi naturali, bħat-teħid tal-art, anki ta’ valur kbir ekoloġiku, storiku, u rikreattiv, tifrik ta’ sistemi fl-ippjanar tal-ambjent bħal sistemi tal-ġbir tal-ilma tax-xita, sfreġju u qerda ta’ sistemi ekoloġiċi bħall-ispeċi ta’ fawna u flora, u produzzjoni ta’ skart li jirriżulta mill-bini,” jargumenta Baldacchino li jgħid li dawn ir-riżorsi jistgħu jintużaw f’oqsma oħra.

“L-użu tar-riżorsi kemm naturali kif ukoll finanzjarji jistgħu faċilment jintużaw f’attivitajiet oħra minflok bini u bini li ma hawnx bżonnu. Permessi għar-restawr xorta waħda jkun hemm bżonnhom, imma hemm bżonn ukoll diversifikazzjoni. Il-’valur’ ta’ dawn il-ħela ta’ riżorsi mill-aspett ekonomiku qiegħed isir għas-spejjeż tal-valur soċjali u dak ambjentali,” żied Baldacchino.

Responsabbiltà tal-banek 
Fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd li għadda l-ekonomista Joe Vella Bonnici argumenta li s-settur bankarju qiegħed ikun iktar kawt. “Ta’ min jgħid li llum is-settur bankarju rari jsellef għal bini ġdid. Dan wara ħafna twissijiet mill-International Monetary Fund li l-banek tagħna kellhom exposure qawwi fuq il-proprjetà,” qal Vella Bonnici.

Alfred E. Baldacchino u Astrid Vella wkoll jitkellmu dwar il-banek u fuqhom jitfgħu anke responsabbiltà.

“Naħseb li hawn tidħol ir-responsabbiltà kemm tal-banek lokali kif ukoll tal-MEPA. Sfortunatament, il-banek m’ għandhomx ħjiel tal-Corporate Social Responsibility u jaħsbu li għax iqassmu xi ċekk stampat kbir kbir qegħdin jilħqu dan il-għan. Għalihom imbasta jisilfu l-flus u jdaħħlu l-interessi. Jekk proġetti jibqgħu vojta u fil-proċess jinħlew ir-riżorsi jgħidlulek li mhix responsabbiltà tagħhom,” qal Baldacchino.

Astrid Vella żżid mal-argument u min-naħa tagħha telabora dwar l-impatt li dawn id-deċiżjonijiet qegħdin iħallu fuq is-soċjetà Maltija.

“It-twemmin popolari li s-suq għandu jirregola lilu nnifsu huwa żbaljat għax wieħed ikun qiegħed jassumi li huma biss l-iżviluppaturi li jġorru r-riskju li qegħdin jieħdu. Kuntrarju għal dan it-twemmin, rapport dwar l-istabbilità finanzjarja tal-Bank Ċentrali, għas-sena 2010, jgħid li d-dgħufija preżenti fis-settur tal-proprjetà tpoġġi riskju fuq is-saħħa tas-settur finanzjarju Malti dan għax il-proprjetà tirrappreżenta ħafna mis-self tal-banek. Din toħloq riskju fi żmien li s-sitwazzjoni tal-proprjetà qiegħda twassal għal ‘defaulting loans’,” tispjega Vella.

L-irwol tal-MEPA 
Iż-żewġ ambjentalisti jaqblu dwar il-falliment tal-MEPA fi rwol tagħha ta’ regolatur.

“Mill-banda l-oħra, il-MEPA, li suppost għandha r-responsabbiltà dwar l-ippjanar ma nistax nifhem kif 76,000 post vojt wieħed jista’ jgħidli li huwa ppjanar tajjeb, bl-impatti negattivi kollha li dawn iġibu magħhom, kemm direttament kif ukoll indirettament,” jargumenta Baldacchino.

Astrid Vella żżid ma’ dan l-argument: “Il-falliment tal-MEPA li tassumi r-responsabbiltajiet tagħha bħala regolatur – li ħolqot mentalità ta’ ġirja biex nibnu – mhux biss irrovinat l-irħula tagħna u l-qalba tal-villaġġi iżda ironikament wasslet għal tnaqqis fil-bejgħ tal-proprjetà.”

“Il-MEPA falliet fid-dmir tagħha li tirrikonċilja d-drittijiet li wieħed jiżviluppa l-proprjetà privata ma’ dak ta’ saħħa tajba. Li neħħejna d-djar biex għamilna l-appartamenti għandu effett doppju għax iwassal għal iktar karozzi f’żoni residenzjali,” qalet Vella li elaborat dwar l-effetti ta’ dan il-bini żejjed, b’mod partikolari fuq saħħet in-nies.

Alfred E. Baldacchino jċanfar ukoll lill-awtoritajiet għax għażlu triq li wasslet għal iktar bini ġdid flok irranġar u restawr ta’ dak li għandna.

“Hawn ħafna bini mitluq, qadim, storiku, u mibni b’konsiderazzjoni ambjentali siewja, imma n-nuqqas ta’ ippjanar li jeżisti jwassal biex minflok dan jitranġa u jkun restawrat, dan jitwaqqa’ u jittella’ bini ġdid, fil-forma ta’ kerrejjiet moderni, biex ngħidu hekk. Dan minkejja li hawn kemm domanda għal dawn il-postijiet (bini qadim restawrat), kif ukoll hawn kuxjenza qawwija nazzjonali biex dawn ikunu restawrati kif ukoll salvati. Imma mid-dehra dan mhux parti tar-responsabbiltà ta’ min huwa inkarigat biex jara li l-ippjanar ta’ dawn il-gżejjer isir minn kull aspett, kemm soċjali, kemm ambjentali kif ukoll ekonomiku. L-importanza li tingħata hija biss mill-aspett ekonomiku u l-oħrajn jiġu kompletament injorati. Ħadd ma jgħid li huwa responsabbli għal dan. Anzi kulħadd jgħid li mhux huwa responsabbli,” jgħid Baldacchino.

Ħtija tal-politiċi 
“Il-politiċi tagħna jiddefendu iktar żvilupp billi jgħidu li l-ġenituri qegħdin jipprovdu l-appartamenti għal uliedhom. Din il-ġustifikazzjoni ntużat fl-2006 meta kien hemm l-iskema ta’ razzjonalizazzjoni u medded ta’ art fil-kampanja ttieħdu biex jinbnew mijiet ta’ appartamenti minn żviluppatur wieħed.
“Din twassal għal mistoqsija oħra: jekk il-ġenituri qegħdin jipprovdu l-appartamenti lil uliedhom, l-eluf ta’ appartamenti tal-ispekulaturi lil min se jinbiegħu? Żgur mhux lill-barranin, għax mill-2009 kien hemm biss 300 bejgħ fejn kienu involuti l-barranin. Il-MEPA kkalkulat li l-ħtieġa annwali għad-djar ġodda hija madwar 2,000, iżda mill-2005 sal-2009 kienu approvati bejn 8,000 u 12,000 unit fis-sena,” tgħid Astrid Vella li tappella għal studju serju u tisħaq li din il-problema għandha tkun indirizzata.

“In-numru ta’ postijiet vojta huwa destinat li jikber iktar, hekk kif hemm permessi approvati mill-MEPA li għad irid isir il-bini tagħhom u hemm ukoll iktar proġetti kbar ippjanati. Flimkien għal Ambjent Aħjar temmen li l-kwistjoni ta’ żvilupp iktar milli meħtieġ għandha tkun indirizzata. Jekk iktar appartamenti se jkunu approvati, fuq liema bażi se niġġustifikaw it-telfien ta’ iktar kampanja?” ittemm tgħid Vella.

Baldacchino wkoll jitkellem dwar l-irwol tal-politiċi u ma jdurx mal-lewża.

“Ir-riżultat ta’ dan kollu huwa li din hija politika żbaljata tal-entitajiet governattivi u pubbliċi li kulħadd jara l-parti tiegħu biss u ma jimpurtahx minn entitajiet ohra. Anki f ‘deċiżjonijet żgħar jittieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra tfassil u deċiżjonijiet ta’ entitajet oħra.

“Dan jidher u jinħass bħal ngħidu aħna fil-ħarsien u mmaniġġjar tal-ilma, f’dak tat-trasport, f’dak tal-biodiversità, u ħafna u ħafna oħrajn. F’dan il-qasam huwa ġenerazzjoni ta’ xogħol artifiċjali, għas-spejjeż tar-riżorsi nazzjonali, biex taparsi jinħoloq ix-xogħol, xogħol li għandu ħafna prezzijiet u piżijiet moħbija, li qed tħallas għalihom is-soċjetà u l-ambjent b’mod ġenerali,” qal Baldacchino, li fakkar ukoll kif il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli għadha ma bdietx tiltaqa’.
“Opportunità li kien hemm u li għad hemm biex dawn il-fares jinqatgħu kienet li tibda taħdem il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli. Imma din tpoġġiet fuq l-ixkaffa tistenna l-mument meta jkun tard wisq u l-pajjiż jibqa’ jħallas minn imnieħru. Imbagħad forsi tirxoxta jew inkella titfassal oħra bħalha,” temm Baldacchino.

• Ara wkoll: http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=11958