IS-SIĠAR BARRANIN… l-impatt dirett tagħhom.
Alfred E. Baldacchino
L-aħħar li tkellimna kien fuq id-differenza bejn is-siġar indiġeni Maltin, u s-siġar li mhumiex indiġeni Maltin. Is-siġar indiġeni Maltin huma dawk is-siġar li minn dejjem kienu jikbru f’dawn il-gżejjer. Dan, b’mod sempliċi, huwa l-istess bħal mal-lingwa Maltija hija lingwa indiġena tal-gżejjer Maltin, u bħalma l-Ġappuniż huwa lingwa indiġena tal-Ġappun.

iż-Żnuber – siġra indiġena Maltija
Meta tinġab siġra barranija u titħawwel hawn Malta, din jista’ jkollha numru ta’ impatti negattvi fuq il-biodiverstà Maltija. Dawn nistgħu niġbruhom taħt tlett irjus: dawk ekoloġiċi, dawk soċjali u dawk ekonomiċi. Dawn limpatti jistgħu jkunu kemm diretti kif ukoll indiretti.
L-impatt ekoloġiku ma jgħoddx biss għas-siġar imma jgħodd għal kull speċi li tiddaħħal fl-ambjent, fl-ekosistema li ma tkunx naturali tagħha. Din tista’ tiddaħħal bi żball, bil-ħsieb, jew inkella wara li tinġieb minn barra l-ambjent mhux tagħha, taħrab u tibda toktor f’dan l-ambjent natural fejn qatt ma kienet tikber qabel.
U meta din tinfiles f’dan l-ambjent natural, ma tistax ma tagħmelx impatt li jkollu effett ħazin fuq l-ekosistema – in-nisġa naturali tal-post. U hawnhek f’dan il-każ, insibu siġar mhux indġeni li jew jaħarbu waħedhom billi jxerrdu ż-żerriegħa, kif spjegajna fl-ewwel artiklu, jew inkella billi xi ħadd jarmihom fl-ambjent naturali.
U l-impatt negattiv ta’ dawn huwa li huma jikkompetu ma’ speċi oħra indiġeni, jikkompetu għall-art, u għall-ispazju, jikkompetu għad-dawl, jikkompetu għall-ilma li bħalna mingħajru ma jgħaddux. U dawn issigar li ddaħħlu minn barra jistgħu jkunu tant b’saħħithom li s-siġar, il-pjanti u l-fawna indiġena ma jkunux jistgħu jagħmlu xejn kontrihom. Tant li ma jkun hemmx xejn li jista’ jwaqqafhom u jikkontrollahom.
Uħud minn dawn is-sigar barranin li jiddaħħu Malta meta jirnexxilhom jaħarbu u jibdew jokbtru mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu kkontrollati, jsiru invażivi ikunu qed jinvadu ambjent naturali li mhux tagħhom.
Hemm saħansitra wħud minn dawn is-siġar li nġabu u ddaħħlu hawn Malta li wara li jaħarbu, u anki jekk ma jaħarbux, huma kapaċi li kemm mill-weraq tagħhom li jaqgħu taħthom kif ukoll mill-għeruq tagħhom jagħmlu kimika bijoloġika li ma tħallix speċi oħra jikbru filmadwar, biex hekk ma jkollhomx kompetizzjoni għas-saħħa u l-għixiem tagħhom. Waħda minn dawn is-siġar hija l-Ewkalyptus jew kif isibuha xi wħud, is-siġra tal-gamiem.

L-Ewkalptus – siġra Awstraljana
Minbarra hekk, billi huma ma jkunux jiffurmaw parti mill-ekosistema tal-post ma jkunx hemm speċi oħra la ta’ fawna u lanqas ta’ mikoorganismi li jattakkawhom u jgħixu fuqhom biex jikkontrollawhom.
Iżda dan huwa biss impatt dirett. Minbarra dan hemm ukoll l-impatt indirett. Illum kif wieħed jista’ jara, anki f’pajjiżna l-ġirja għalkonsumiżmu u l-qligħ tal-flus f’qasir żmien għelbet kull etifka, rispett u responsabbiltà ekoloġika, soċjali u ekonomika. Jekk hemm il-qligħ tal-flus, mela mexxi u toqgħodx taħseb fuq l-impatti li jista’ jkun hemm fil-qrib jew fil-futur. Dan iħallsuhom il-poplu u l-ambejnt.
Jekk wieħed illum idur dawra mal-pajjiż wieħed jista’ jara numru ta’ siġar kbar li ġurnata ma jkunux hemm u l-għada Alla jbierek tarahom siġar kbar ta’ aktar minn 10, 12, 20 sena. Dan kif jingħad isir biex isebbħu l-pajjiż, għalkemm mhux kulħadd jaqbel ma’ dan. U wieħed jista’ jara minn dawn is-sigar li lanqss biss huma Mediterranji imma migjuba minn kontinenti oħra bħal Asja, l-Amerika t’Isfel u l-Affrika. Siġar kbar li jiġu importati fi qsari kbar bl-għeruq fil-ħamrija. U magħhom aktar iva milli le, dawn iġibu organiżmu oħra li ma jkunux jidhru u ma jkunux jistgħu jiġu kkontrollati. U meta dawn jitħawlu f’posthom madwar Malta dawn l-organismi jinfirxu u jagħmlu l-ħsara lill-ekoloġija Maltija. Ngħidu aħna bħalma qed jagħmel il-Bumunqar Aħmar tal-Plm, fost ħafna oħrajn.
Imma fuq dan nitkellmu fl-artiklu li jmiss.
alfredbaldacchino.wordpress.com