Qalu li jridu jsalvaw lid­-dinja

May 26, 2014

NewsBook

Qalu li jridu jsalvaw lid­-dinja

It-Tnejn, 26 ta’ Mejju, 2014.

 Alfred E. Baldacchino

Meta nisma’ kliem bħal dan iweġġgħani. Xi wħud jistgħu jkunu maħsuda meta jsimgħuni ngħid hekk. Imma dan jurini li l­bniedem jaħseb li l­-ekosistema qiegħda taħt il­-kontrol tiegħu u tiddependi minnu. U jaħseb li din jista’ jsalvaha.

Nafu bil­-mod kif il-bniedem qed jisfrutta din l-ekosistema li huwa parti minnha, għalkemm dan ma jammettihx. L-impatt tal-attività tiegħu fuq l-arja, fuq l-art u fuq l-ilma u fuq il-ħlejjaq li jaqsmu din il-pjaneta magħna naħseb li kulhadd jaf bihom.

Biex jgħix aħjar, dejjem kif jgħidulna, nużaw kull tip ta’ kimika u dak li ma jkollniex bżonnu aktar, nitfgħuh jew fl-arja, fl-art jew anki fl-ilma, kemm ilma baħar kif ukoll ilma ħelu. It-tniġġiż li jseħħ minn dan l-iskart mhux ta’ taħbil ir-ras għall-bniedem. Dan isir mingħajr kontrol, mingħajr qies, mingħajr kuxjenza, u ħafna drabi anki kontra xi regolamenti li l-bniedem ikun għamel huwa stess. Il-bniedem jaħseb li meta dawn jarmihom u ma jarahomx aktar, allura ħeles minn skart li jkun qed idejqu, anki jekk dan ikun tossiku.

id-dinja

Skart tossiku, fuq l-art, fil-baħar u anki fl-arja.

Ir-riżorsi tad-dinja qatt ma kienu daqshekk sfruttati u esplojtati. Il-ġirja għall-konsumiżmu u għall-materjaliżmu saru l-għan ewlieni tal-ħajja tal-bniedem tal-lum.

Anki l-ħlejjaq li jaqsmu din l-art magħna u li fuqhom tiddependi l-ħajja tal-bniedem fis-sistema ekoloġika lanqas ma jeħilsuha ħafif, kemm jekk din il-hajja tikkonsisti fi pjanti jew f’annimali. Il-bniedem joqtol għall-gost għax jaħseb li għandu dritt, jew biex juri s-superjorità tiegħu fuq ħlejjaq li huwa jqis li huma anqas minnu. Jaħtaf u jeqred dawk il-ħlejjaq li jaħseb li qed ifixkluh fil-mixja ta’ rgħiba bla qies għall-matrjaliżmu.

earth

L-ilma sfruttat, espojtat u velenat

Illum naraw ukoll kif il-bniedem qiegħed ibagħbas l-għaġna ġenetika tal-ħlejjaq (GMOs) biex kif jgħidulna, ikun jista’ jgħix aħjar u jitma l-ħluq madwar id-dinja. Wasal biex jikkoreġi dak li ħalaq il-Ħallieq, għax dawn mhumiex tajbin biżżejjed. Imma ma għandniex xi ngħidu li dawn iħallu qliegħ imdaqqas.

 

Tbagħbis mal-għaġna ġenetika (GMOs) biex kif jgħidu jinqata' l-ġuh mid-dinja, imma bl-għan ewlieni li xi ħadd jistagħna.

Tbagħbis mal-għaġna ġenetika (GMOs) biex kif jgħidu jinqata’ l-ġuh mid-dinja, imma bl-għan ewlieni li xi ħadd jistagħna.

 

 

U l-mexxejja tal-entitajiet soċjali tad-dinja, mhux talli ma jippruvawx iwaqqfu din il-ġirja suwiċidali, imma jkomplu jrewħula, għax b’hekk biss jistgħu jkomplu jogħxew fil-poter. Arahom jiftaħru bil-progress li qed jagħmel il-bniedem u ħallihom jiftaħru biss biċ-ċifri ta’ qligħ, kummerċ u flus. L-impatt u l-prezz moħbi tħallsu l-ekosistema u l-impatt ta’ dan tħallsu s-soċjeta, jigifieri l-bnedmin li jgħixu fid-dinja. Bilkemm wieħed jista’ jitkellem fuqhom, anzi dawk li jagħmlu hekk fl-interess tal-ħajja fuq din il-pjaneta jiġu mgħajjra fundamentalisti jew ġakbini għax jeħduha kontra t-tmexxija politika mgħammda.

canstock8171004

Flus, flus, flus… l-ewwel u qabel kollox

Nistħajjel lil xi ħadd jistaqsi: imma allura għaliex tiddejjaq u tweġġa’ meta tisma’ lil min jgħid li hemm bżonn insalvaw id-dinja meta taf b’dan l-eġoiżmu li tant qed jagħmel ħsara lill-ekosistema.

Id-dinja ma għandha bżonn lil ħadd biex isalvaha. Lanqas lil dik l-ispeċi l-aktar intelliġenti jew li taħseb li hija l-aktar intelliġenti. Is-sistema ekoloġika hija bilanċ dinamiku u tirranġa kull theddida waħedha, mingħajr għajnuna ta’ ħadd. Veru li dan il-bilanċ jista’ jitkisser u jsir aktar diffiċli biex jitranġa fi żmien qasir. Imma ż-żmien għall-ekosistema mhux importanti.

Naħseb li llum kulħadd sema bid-dinosawri. Rettili kbar u b’saħħithom li anki meta tħares lejhom impinġijin ukoll inisslu biża’. Kienu jiddominaw id-dinja, imma kienu wkoll jiddependu fuq l-ekosistema. Bħal bniedem tal-lum eżatt. Dan illum jiddomina d-dinja u anki jnissel biża’ bl-armi tal-qerda tal-massa, u dawk eletroniċi li għandu u li fassal. Agħti ħarsa madwar id-dinja ħalli tara kif il-bniedem jilgħab b’armi qerrieda, armi kimiċi li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-qerda tal-ħajja, kemm dik tal-bniedem stess kif ukoll ta’ kull ħajja oħra li taqsam din il-pjaneta magħna. Imma anki l-bniedem, bħad-dinosawri jiddependi mija fil-mija fuq l-ekosistema li tħaddan din il-pjaneta tagħna.

 

Ġirja fuq il-passi tad-dinosawri

Ġirja fuq il-passi tad-dinosawri

Meta l-iżbilanċ f’din l-ekosistema jiżdied, din tieħu l-passi meħtieġa. U mhux sejra toqgħod tħares la lejn l-uċuh u lanqss lejn l-intelligenza jew nuqqas tagħha, biex is-sistema ekoloġika terġa tikseb il-bilanċ dimaniku tagħha. U għalhekk il-bniedem ma għandux għalfejn jinkwieta biex isalva d-dinja. Din issalva ruħha waħedha, meta u xħin ikun il-waqt, anki jekk ma jkunx irid il-bniedem. Għalhekk il-bniedem għandu jinkwieta biss biex isalva lilu n­nifsu.

Fi żmien 100,000 sena l-ħlejjaq jerġgħu jiġu f’tagħhom bl-armonija bejn il-ħajja mifruxa madwar il-pjaneta, mingħajr ebda speċi li taħseb li hija l-aktar intelliġenti li taħseb li l-kontrol huwa f’idejha. U fi ftit miljuni ta’ snin il-bilanċ dinanimku jerġa jsib l-armonja perfetta. Għall-ekosistema dawn il-miljuni ta’ snin huma biss tebqa t’għajn.

U l-bniedem, l-ispeċi li tgħid li hija l-aktar intelliġenti fuq din il-pjaneta, bil-materjaliżmu kollu li tkun kiseb, bil-flus li jkun ġemmgħa, bil-bini majestuż u kbir li jkun tella’, bit-teknologija u bl-armi nukleari u kimiċi li jkun fassal, bil-kisbiet kbar li jkun għamel, l­-ispeċi waħdanija li tista’ teħodha kontra minn ħalaqha, tkun wasslet ukoll biex qerdet lilha n­nifisha.

U l-armonija f’din il-pjaneta terġa’ sseħħ u ssib il-bilanċ naturali tagħha, mingħajr l-ispeċi li kienet taħseb li kienet l-aktar waħda intelliġenti u l-aktar b’saħħita u li ma kinetx kapaċi ssalva lilha nnifisha minħabba l-kilba egoista.

downward-walk

Mixja mgħammda li qed twassal il-bniedem sal-qiegħ ta’ qabru.

 

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

GĦALL-­ĠID TAL-­POPLU… dejjem kif jgħidu

December 29, 2013

NewsBook

GĦALL-­ĠID TAL-­POPLU… dejjem kif jgħidu

il-Ħadd, 29 ta’ Di1embru, 2013 

Alfred E. Baldacchino

Xi kultant nistaqsi lili nnifsi: xhini d­differenza bejn il-­komuniżmu u l-kapitaliżmu, jew aħjar x’­xebh hemm bejniethom? Jgħidu li tal-­ewwel hija sistema ekonomika fejn minkejja li r­-riżorsi ma huma ta’ ebda individwu imma huma ta’ kulħadd, l-­istat ifassal u jikkontrollha  dawn ir­-riżorsi ambjentali u finanzjarji. Mill­-banda l­-oħra l-­kapitaliżmu huwa sistema ekonomika oħra ikkontrollata mill­-privat bil­-għan li dan jagħmel qligħ minn suq li jikkontrolla l-­prezzijiet. It-­tnejn jgħidu li l­-għan ewlieni tagħhom huwa għall­-ġid tal­poplu.

Illum bil­-globalizzazzjoni tad-­dinja, il-kapitalizmu u l­-komuniżmu  għebu fl­istorja. Imma mhux qabel tgħammru u weldu wild. Bħal bgħula kollha (hybrids), dan il-­wild huwa b’saħħtu ħafna tant li kapaci jilqa’ u jxejjen kull ‘iżmu’ ieħor li jiġi quddiemu u li ma jaqbilx miegħu, sew jekk dan ikun professjonaliżmu, spiritwaliżmu, soċjaliżmu jew nazzjonalizmu, tant li dan il­-wild nistgħu nsejħulu K­iżmu. Dan il­-K­iżmu juża r-­riżorsi finanzjarji, teknoloġiċi, akkademiċi u privati tiegħu biex jipprovdi servizzi u prodotti aħjar, irħas u fi kwantitajiet akbar, biex, dejjem kif jgħidu, joffrihom u jitma’ l­-popli tad-­dinja dejjem fl-interess u għall-­ġid tagħhom.

Tant dan il­-K­iżmu huwa b’saħħtu li ġieli jkun hemm fejn is-­saħħa tiegħu tiżboq dik tal-­istat li huwa mistenni u obbligat biex jirregolah fl-interessi tal-­poplu. U ġieli jkun hemm xi politikanti li b’għafsa ta’ qalb ikollhom iħammġu xi ftit idejhom, ma għandniex xi ngħidu mingħajr ma jixtiequ, biex jgħinu lil ­dawn l-entitajiet li jagħmlu parti minn dan il-­Kiżmu. U ġieli wkoll, bil­-għajnuna ta’ xi politikant, riżorsi finanzjarji pubbliċi jiġu mgħoddija lil dawn l­-entitajiet privati, biex jgħinhom jerġgħu iqumu fuq saqajhom. Ma għadniex xi ngħidu li dan kollu wkoll jsir fl­interess u għall-ġid tal-­poplu kollu… dejjem kif jgħidu. Imma din il­-ġirja, dejjem kif jgħidu, fl-­interss tal-­poplu, u kif qatt ma jingħad, bil­-għan ta’ gwadan materjalistiku individwali, wasslet ukoll biex kull rokna tiġi sfruttata għal dawn l-għanijiet.

Hekk naraw li bit­-teknoloġija tal­-lum wasslet, fost oħrajn,  biex dak li ħalaq il­-Ħallieq jinħass li mhux tajjeb biżżejjed u għalhekk irid jiġi modifikat biex isir aħjar. Naraw li organiżmi ħajjin qed jiġu ġenetikament modifikati (GMOs)  b’mod l­-aktar mgħaġġel biex iwasslu ikel fuq il-­platt tal­-popli. Ma hemmx għalfejn ngħidu li dan kollu qed isir ukoll għall-­ġid tal­-popli… dejjem kif jgħidu. Imma t-­teknoloġija tal-­lum wasslet ukoll biex turi li dawn il-­GMOs jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa mhux biss tan­-nies imma anki fuq l­-ekosistema. Ngħidu aħna dawn jistgħu jwasslu għall­-mard bħall-ażma, kankru u anki jistgħu, kif jingħad wkoll, ikollhom impatt fuq il­-fertilità tal-­bniedem. Dan biex ma nsemmux li jagħmlu ħsara wkoll lill-ekosistema minħabbba l-­kimika li tintuża fil-­ħolqien u tkabbir ta’ dawn l-organiżmi ġenetikament modifikati, kif ukoll fl­-użu tal-­kimika marbuta mat­-tkabbir tagħhom li tiġi mbexxa fuq l­-uċuħ tar­-raba’, li jkollha mhux biss impatt negattiv fuq il­-biodiversità, jiġifieri l-­ħlejjaq ta’ fawna u ta’ flora, u l-ambjent fiżiku tagħhom, bħal ngħidu aħna l-ilmijiet u l-­art. U bażi ta’ dan kollu hija li dan qed isir għall-­ġid u fl­-interess tal-­poplu wkoll… dejjem kif jgħidu. Il­-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jidher imkien. Saħansitra anki l-Papa tkellem ukoll fuq l-­impatt ta’ dan fuq il­-popli, u ġie mxebbah ma’ Marxist!

Imma llum ukoll, it-­tekonoloġija wżata b’mod ġust u xieraq u b’mod professjonali u etiku, wasslet ukoll biex qajmet kuxjenxa pubblika b’saħħitha fejn il-­popli qed jgħidu li mhumiex lesti li jiġu mitmugħa ross bil­-labra. U din il-­kuxjenza hija mħassba fuq saħħitha u l-­ambjent naturali li jweżinna lkoll. Din  qiegħda dejjem tikber u tissaħħaħ filwaqt li qiegħda tgħid li ma tridx ikel modifikat la għaliha u lanqas għall­-bhejjem tagħha, kif ma tridx lanqas bexx ta’ kimika mbexxa fuq l-­art b’rabta tat­-tkabbir ta’ dawn il­-GMOs.

Din il-­kuxjenża pubblika qed tikber saħansitra anki fl-Amerika li weldet il­-kapitaliżmu, u tat sehemha biex immodifikatu f’K­iżmu, fejn insibu wkoll l-akbar kumpaniji jaħdmu l-­GMOs li jbigħuh madwar id-dinja kollha. Tant din il-­kuxjenza ġdida qed tinħass fl-­Amerika li wasslet il-kumpaniji jħossu l-­bżonn l­-għajnuna politika biex tgħinhom ħalli jkunu jistgħu jkomplu jitimgħu l-­popli tad­-dinja, dejjem kif jgħidu. U bħalissa għaddejja kampanja kbira minnhom biex iġegħlu l-­gvern Amerikan japprova li tikketti tal-prodotti tal-­ikel ġenetikament modifikat ikunu jistgħu jneħħu kull referenza mit-­tikketta li dawn għandhom xi tip ta’  GMOs fihom. Kif qalu, jekk fuq it-­tikketta jkun hemm xi ħjiel ta’ GMOs fil­-prodott, dan ma jinxtarax minħabba l­-kuxjenza kbira kontrihom: il­-ġid tal-­poplu issa waqa’ fit-­tieni post. U hemm politikanti li qed jgħinu biex jintlaħaq dan il­-għan.

L-­Unjoni Ewropea qed tirrifjuta li taċċetta dan in­-nuqqas ta’ tagħrif fuq it-tikketti. Jista’ wieħed jaħseb x’jinqala, jekk xi ħadd imur biex jinxtri karozza u l­-bejjiegħ jgħidlu li ma jistax jara l-­magna u d­-dettalji tagħha għax mhux fl­-interess tiegħu?  Imma fl-­ikel… Wieħed jista’ kważi kważi jgħid li l-­operaturi f’din is-sistema ekonomika ġdida saru wkoll ir-regolaturi, u l-istati li kienu r-­regolaturi issa saru l-­benefatturi.

Dan il-Kiżmu qed ikompli jikber, u jidher ukoll li mhux ’l bogħod minn xtutna. Diġa jidher li hemm kuxjenza politika li lesta li tilqgħu b’idejha miftuha. Sadanittant l-­ambjent u l­-popli qed ikomplu jħallsu l-­prezzijiet moħbija biex dan il­-K­iżmu jkompli jikber, u jistgħana, dejjem kif jgħidu… għall-­ġid tal-­poplu kollu!

Hemm bżonn  li l­-poplu jkollu aktar sehem fid-deċiżjonijiet u fit-­tmexxija tal-­pajjiż, u dan għall­-ġid veru tal-poplu.

aebaldacchino@gmail.com