In-nixfa tax-xitwa u s-siġra tal-lewż

February 14, 2016

Alfred E. Baldacchino

Il-Ħadd 17 ta’ Frar, 2016

Nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Frar,  mort sa Wied il-Qlejgħa jew kif jafuh xi wħud Chadwick Lakes. Ma kontx qed nistenna li l-ilqugħ kienu se jkunu jfawwru minn wieħed għall-ieħor kif jagħmlu s-soltu fi Frar. Imma nħsadt għaliex Wied il-Qlejgħa kien qoxqox. Lanqas qatra ilma. Ħassejtni f’xi ġurnata f’Awissu.

wied niexef

Nixfa ta’ wied fi Frar li tbeżża’

Ma kien hemm l-ebda ċikkuġwiebi jindokra r-roqgħa tiegħu.

Ma kien hemm l-ebda ċikkuġwiebi jindokra r-roqgħa tiegħu.

Ma kienx hemm il-mużika tal-ilma jċafċaf bħas-soltu. Ma kien hemm l-ebda ċikkuġwiebi jissiefaħ fuq wiċċ l-ilma, jindokra l-roqgħa tiegħu u jħajjar xi sieħba biex jagħtu sehemhom u jkattru l-ispeċi. Lanqas marżep jew xi żrinġ wieħed meta s-soltu l-wied ikun miżgħud bihom. Fittixt iċ-ċfolloq tal-widien, li s-soltu kien jikber f’wiċċ l-ilma. Imma kif seta’ jikber f’dik in-nixfa.

Ħarsti waqgħet fuq l-għelieqi fil-madwar. Fix-xhur xitwin dawn jieħdu l-ilma tax-xita u jlestu l-art għaż-żergħa. Imma din is-sena qoxqox. Min sejjer jgħin lill-bdiewa bl-ilma biex dawn ikunu jistgħu jkabbru l-prodotti tagħhom għall-mejda.

Kienu s-siġar tal-lewż li taffewli ftit id-dieqa. F’dik in-nixfa kollha kienu mlibbsa kollha bojod bil-fjuri. Kienu juru rieda b’saħħitha biex ikomplu  jgħixu u jkompli joktru. Hekk imlibbsa kienu jolqtu lil minn jarahom u juruna l-faqar tagħna meta qed neqirdu dak li jwieżinna. Madwarhom il-ħoss, li lili jgħollina fis-seba’ sema, iż-żanżin tan-naħal, kollha bieżla jdakkru l-fjuri u jixorbu mill-għasel tagħhom waqt li jiġbru l-għabra tad-dakra li jieħdu ġewwa l-miġbħa fejn jagħmlu l-għasel u għaġna oħra bih. Għalanqas setgħu isibu fjuri friski mhux imbexxa minn kimika velenuża li tintuża mingħajr kontrol, imħallsa minn flus pubbliċi, biex xi wħud jinqdew kummerċjalment.

kewza2

Darba smajt lil xi ħadd jgħid li s-siġar Maltin mhux sbieħ għax ma jagħmlux fjuri.

Is-siġra tal-lewż ilha tikber fil-gżejjer Maltin mill-passat imbiegħed. Minħabba l-għajnuna tagħha lill-bniedem, mil-lvant nofsani fejn hija indiġena, ittieħedet madwar il-Mediterran kollu fejn anki bdiet tikber f’dan l-ambjent minn jhedda. Illum hija meqjusa bħala siġra arkeofita fil-gżejjer Maltin.

Minbarra li ssebbaħ l-art, is-siġra tal-lewż ittina l-frott u tiġbed lejha n-naħal kemm biex idakkruha kif ukoll biex jagħmlu l-għasel li jgħaddu lilna. Il-frott tagħha wkoll jgħin lill-għasafar.

Hija togħla minn 4 sa 10 metri, fuq zokk li jista’ jilħaq 30 ċm diametru. Il-fjuri, b’diametru ta’ 3 sa 5 ċm, ikollhom ħames petali bojod b’leħħa rosa mitfija. Jistgħu jidhru kmieni sa minn Frar u jiksu l-għesieleġ għarwiena, qabel ma jidher il-weraq.

Il-frotta tkun bejn 3.5 ċm sa 6 ċm. Tkun imlaħħma, iebsa u magħluqa f’qoxra b’għadma iebsa ġo nofsha li ġo fiha jkun hemm żerriegħa waħda, rari tnejn. Din issir fis-sena ta’ wara, għall-ħabta ta’ Awissu. Dawk li jikbru fis-selvaġġ ikun qarsa. Dawk ikkultivati jkollhom togħma ħelwa.

Is-siġra tal-lewż tista’ tgħix minn 70 sa 80 sena. F’ħafna pajjiżi tintuża wkoll biex isebbaħ il-madwar fl-ibliet, waqt li l-fjuri joffru ammont kbir ta’ għasel, kemm lin-nahal, kif ukoll lill-ħlejjaq oħra, minbarra li l-frott tagħha joffri ukoll ikel lill-għasafar.

Waqt li kont sejjer lura għall-karozza għidt bejni u bejn ruħhi: imma kieku dawn is-siġar jintużaw fuq id-dwawar fit-toroq (roundabouts) ma jkunux sbieħ? Jew jintużaw fit-toroq u fit-tisbiħ tal-art fl-ibliet minflok dawk li jinbġabu minn pajjiżi bħall-Amerika t’isfel, l-Awstralja, u l-Afrika t’Isfel, ma jkunx ahjar? Ma jkunx aħjar li l-flus jintużaw fl-edukazzjoni tal-ambjent Malti, fit-tisbieħ u t-tisħiħ tiegħu minflok jintefqu barra minn Malta; u barra minn hekk ma jinġabux aktar mard u speċi invażivi oħra li qed jagħmlu ħsara ekonomika, ekoloġika u soċjali?

close up of flowerImma forsi dan ma jaqbilx lil dawk li qed jagħmlu qliegħ kbir minn flus pubbliċi u ma tantx jinteressahom is-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent u tas-soċjetà Maltija. U milli jidher xi politiċi jaqblu ma’ dawn ukoll, għax iħallsuhom b’għajnehom magħluqa minkejja dan.

Ħarsa oħra lejn in-nixfa tal-wied ġagħlitni nistaqsi wkoll: kieku kellhom jiġu salvati ftit qtar tax-xita minn dawk li l-gvernijiet Maltin, bi spiża ta’ €57 miljun, qed jixkupaw lejn il-baħar, il-ħajja fil-wied ma kienetx tkun aħjar għal dawk kollha li ħajjithom hija msejjsa fuq l-ilma, inkluż il-bdiewa? Għalija din id-deċiżjoni li l-ilma tax-xita li jiġi b’xejn nixkupawħ il-baħar, hija waħda mid-deċiżjonijiet politiċi stupidi u suwiċidali li l-pajjiż fil-futur qarib irid iħallas preżż kbir soċjali, ambjentali, u ekonomiku. Min kienu dawk il-Ministri li wettqu dan il-pjan?

Dħalt fil-karozza lura għad-dar. Fuq ir-radju kien hemm l-aħbarijiet, fosthom kemm l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajba u kemm din sejra tkompli tikber. U staqsejt lili nnifsi: imma dawn ħadu inkonsiderazzjoni l-prezz tal-qerda li qed issir fl-ambjent? Dawn ħadu inkonsiderazzjon il-prezz moħbi li l-poplu sejjer ikollu jġorr minħabba kemm deċiżjonijeit politiċi żbaljati, immaniġġar xejn professjonali tal-biodiversità, kif ukoll minħabba r-riżultat tal-kilba tal-bniedem għall-materjaliżmu li qed iwassal għal bdil fil-klima?

Meta nara n-nixfa f’Wied il-Qlejgha, wied pinċipali f’Malta, u nisma aħbarijiet bħal dawn, nasal biex ngħid li bagħal mgħammad idur mas-sienja, għandu viżjoni aktar determinanta u ġenwina u jaf fejn sejjer, milli wħud mill-politikanti li jmexxu dan il-pajjiż.

siġra tal-lewżImma għaliex dan il-pajjiż mhux qed jitħalla jikber u jitħalla juri s-sbuħija tiegħi fl-oqsma kollha, kif tagħmel is-siġra tal-lewż?

 

 

 

aebaldacchino@gmail.com

Is-siġra tal-Lewż  Prunus amygdalus Almond Tree

Ċfolloq tal-widien Rannunculus trichophyllus  Thread-leaved Water Crowfoot

Marżeb Discoglossus pictus  tadpole

Żrinġ Discoglossus pictus  Painted frog

Ċikkuġwiebi Odonata spp. Dragonflies

ara wkoll:

 

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2014/10/27/fallen-trees-and-lost-water/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2014/04/28/water-harvesting-culture/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2014/06/24/xqed-naghmlu-bl-ilma-tax-xita/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2013/11/20/aghmel-xita-aghmel-2/

 

Advertisements

IL-QERD IN-NAĦAL… u n-naħal

October 19, 2015

NewsBook

It-Tnejn, 19 ta’ Ottubru, 2015

Il-Qerd in-naħal

Alfred E. Baldacchino

Dawn il-ġranet rajna numru ta’ għasafar ipassu lejn l-Afrika, uħud anki jinżlu fil-qiegħa. Xi snin ilu ma kienx daqshekk faċli li wieħed seta’ jarahom, u għalhekk kien ta’ sodifassjon tara nies minn kull faxxa tas-soċjetà, siekta tħares, tissaħħar u anki tieħu ritratt, kemm bil-mowbajl kif ukoll b’apparat sofistikat tar-ritratti.

Fost l-għasafar kbar li kellna x-xorti li naraw mill-qrib kien hemm numru ta’ ċikonji bojod. Jistrieħu tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod f’għalqa għal ftit taż-żmien qabel ikomplu bil-vjaġġ tagħhom. Rajna wkoll, fost oħrajn, numru ta’ qerd in-naħal kollha kuluri, sbieh, itiru b’mod li jsaħħar. Stajna naraw is-seher u l-mirakli tan-natura iseħħu pass ’l bogħod.

qerd-in-naħal

Kien ta’ sodisfazzjon li wieħed seta’ jara l-frott tal-ħidma sfiqa u fejjieda ta’ matul is-snin, kemm ta’ għaqdiet ambjentali mhux governattivi, numru ta’ individwi, kif ukoll għalliema u anki l-gazzetti u x-xandir.

Ħassejt bħal sajjetta fil-bnazzi meta qrajt u smajt lil xi ħadd jgħid, anki fuq il-mezzi tax-xandir, li ma jieħux gost jara dan l-għasfur għaliex, kif qal, il-qerd in-naħal jagħmel il-ħsara għax jiekol n-naħal. Inħsadt u erġajt pass lura, għax dan il-kumment jikxef il-ħtieġa ta’ bżonn ta’ aktar edukazzjoni, aktar tgħarif, u aktar bżonn biex wieħed jifhem li l-għasafar huma parti mill-ekosistema li twieżen anki lilna l-bnedmin.

qerd-in-na]al-2

dehra f’pajjiżna tal-Qerd in-naħal

Huwa minnu li l-qerd in-naħal jiekol in-naħal kif jixhed ismu wara kollox. Imma minbarra n-naħal dan l-għasfur jiekol inseti oħra bħal ngħidu aħna, fost oħrajn, żnażan, ċikkuġwiebi, u anki bagħal taż-żunżan. Dan l-aħħar smajna u qrajna kemm uħud huma beżgħana minn dan il-bagħal taż-żunżan li qed jersaq aktar qrib lejn l-urban. U dan il-qerd in-naħal jiekolhom biex jgħix u mhux b’kapriċċ jew għal xi gwadan ieħor. U għad hemm minn ma jistax u ma jridx jifhem li anki l-qerd in-naħal għandu l-rwol tiegħu fis-sistema ekoloġika. In-naħal li jiekol ikunu jew dawk xjuħ, jew inkella mhux b’saħħithom, u għalhekk ikun qiegħed inaqqi l-kolonja minn dawk li jkunu aktar ta’ piż għall-kolonja. Waqt li jiekol hu jkun qed jagħmel il-ġid lin-naħal.

Meta smajt dan il-kumment li l-qerd in-naħal jagħmel il-ħsara lil min irabbi n-naħal għax jiekol in-naħal, ftakart f’dawk il-flus kemm pubbliċi u kemm le, li jintefqu biex jinxtara u jitħallsu n-nies biex ibexxu kimika velenuża matul il-mogħdijiet u fil-beraħ biex joqtlu l-flora u l-fawna li tgħix matulhom. U minbarra l-flora u x-xgħat tal-friefet, u fawna oħra li jinqerdu, jinqerdu wkoll in-naħal: iva n-naħal. U mhux in-naħal biss jinqerdu, imma meta n-naħal imċappsin bil-kimika qerrieda jmorru ġol miġbħa tagħhom, mhux biss iċappsu lin-naħal oħra, imma jgħaddu din il-kimika wkoll fl-għasel, kif studju fl-Amerika wera.

naħlla-fuq-fjura

In-naħal huwa parti mill-ekosistema u qed isofru telf kbir minħabba l-bexx kimiku li qiegħed jitbexx għall-raġunijiet kummerċjali.

Imbagħad ikun hemm xi ħadd li jrabbi n-naħal u bla mistħija jgħid li għax il-qerd in-naħal jiekol naħla jew tnejn biex jgħix, dan qed jaghmel il-ħsara! Imma meta bniedem, bil-għerf li għandu jbexx kimika qerrieda biex jeqred il-ħajja li jolqot, għall-qliegħ tal-flus, dan mhux qed jagħmel ħsara, lanqas lin-naħal!

Kulħadd jaf, li dan il-bexx ta’ kimika qerrieda li qed tagħmel ħsara mhux biss lill-ekosistema imma anki lill-bniedem, qed isir għax il-politikanti responsabbli mill-kontrol ta’ dan il-bexx qerriedi, li qed isir u jitħallas bi flus pubbliċi, jew ma għandhom lil ħadd biex jiftħilhom għajnejhom fuq din il-ħsara u din il-ħela ta’ flus pubbliċi, jew inkella mhux interessati li jwaqqfu din il-qerda, għaliex jarawha bħala xi ħaġa kummerċjali li tħalli l-qliegħ lil min jużaha.

U ġib il-għaġeb, kif qalli xi ħadd midħla ta’ dawk li jrabbu n-naħal, li hemm ukoll xi ħadd minnhom li jimportaw il-bexx għall-bejgħ biex jeqred il-ħajja, u jispiċċaw jinqerdu n-naħal ukoll. Imma dan għalihom ma jagħmilx ħsara lin-naħal. Wieħed hawn jista’ jgħid li sakemm in-naħal jinqerdu għall-qligħ tal-flus, allura mhux ħażin u ma ssirx ħsara!

Dan juri biċ-ċar li f’dan il-pajjiż, wieħed irid jieħu, jieħu, u jkompli jieħu mingħajr l-ebda ħsieb jew rieda li jgħati xi ftit lura: xejn. U għax għasfur jieħu naħla biex jiekol u mhux għall-qliegħ jew għall-kummerċ, dan qed jagħmel il-ħsara, u qed jagħmel għar minn dak li jimporta, u jbexx din il-kimika qerrieda li toqtol mhux biss lin-naħal, imma kull ħlejqa li tmiss ma’ dan il-bexx. U hemm il-barka tal-politikanti biex dan il-bexx qerried ikompli jsir, anki jekk jeqred lin-naħal. Imma huwa l-għasfur il-qerd in-naħal li jingħad li qed jagħmel il-ħsara!

bexx-fuq-in-naħal

Dan mhux l-għasfur qerd in-naħal. Imma huwa qerd in-naħal mill-bniedem għal raġunijeit kummerċjali, uħud minnhom imħallsa minn flus pubbliċi. U għall-uħud li jrabbu n-naħal dan mhux xejn ħażin!

 

aebaldacchino@gmail.com

 


Agħmel xita agħmel

November 20, 2013

NewsBook

18 ta’ Novembru, 2013

Agħmel xita agħmel

Alfred E. Baldacchino

Hekk konna ngħidu meta konna tfal: Agħmel xita agħmel, ħalli jikber il­-ħaxix; il­-ħaxix nagħtuh ’il ­mogħża, u l­-mogħża ttina l­ħalib. U jekk ma kinetx tagħmel xita, kien isir talb fil-­knejjes, biex il-­Mulej jibagħtilna x-­xita. U jekk xorta ma kinetx tagħmel xita u jkun daħal l-­istaġun, kont smajt li kienu jindaqqu l-­qniepen tal­-knisja biex tagħmel. Bħalikieku d­daqq tal-­qniepen kien sejjer ixaqqaq is­-sħab u jġiegħlu jbattal l­-ilma li kien iħaddan ġo fih!

U meta x-­xita kienet tagħmel kienet taqa’ fuq is-­soqfa tad-­djar u tinħażen u tfawwar il­-bjar; issaqqi l­-uċuħ tar­-raba’, u x-­xebgħa tal-­ilma kienet tifforma nixxigħat iserrpu ’l hawn u ’l hemm sakemm iferrgħu fil­-widien. U x-­xita kienet timla wkoll il-­ħofor fuq il­-blat. U meta dawn il­-ħofor kienu jimtlew, il-­bajd ta’ numru ta’ ħlejjaq li kienu qattgħu sajf fit­-tajn niexef fil-­qiegħ, kien ifaqqas kif iħoss l-­ilma. U kienu jidhru l­-gamblu tal­-għadajjar, il-­gamblu tal­qoxra, u l­-kopepodu tal-­għadajjar.

Full page fax print

Ċikkuġwiebi Skarlat

U fl-­ilma aktar fond, bħal fil­-widien, jinġabru ż­-żrinġijiet li joħorġu mill­-moħba umda tagħhom fejn ikunu qattgħu s­-sajf. U ismagħhom jgħajtu qishom maħnuqa sakemm jiġbdu sieħba li mbagħad tbid u jfaqqsu l-­imrieżep. U kienet tidher ukoll xi wirdiena tal-­ilma titla’ fil-­wiċċ tieħu n­-nifs qabel dlonk terġa’ togħdos tikkaċċja l­-ikel taħt l­ilma. U fuq wiċċ l­ilma kien jidher qisu qed jaqdef xi mqass tal­-ilma, jew xi ċikkuġwiebi jissaqqar u jissiefaħ. Kien ikun hemm għamliet differenti minn dawn, bħal ngħidu aħna dak aħmar, dak skarlat, dak tal-­istrixxi jew l-­akbar wieħed dak sultan, kollha jgħassu r-­roqgħa tagħhom sakemm titfa’ ħarsitha fuq wieħed minnhom xi mara li tidhol f’dik ir-­roqgħa u jagħtu mħabbithom ’il xulxin, u wara l-­mara tbid il­-bajd fl­-ilma.

Illum il-­folja nqalbet ta’ taħt fuq. Illum sakemm wieħed jiftaħ il-­vit u jsib l-­ilma ħadd ma jinkwieta, ħadd ma jimpurtah minn xejn. Ħadd ma jqis li dak l­-ilma qed jixrob spejjes kbar fl-­użu tal-­enerġija biex minn ilma baħar jinqaleb f’ilma tajjeb għax­-xorb. Veru li wħud jieħdu ħasda meta jasal il­-kont tal­-ilma u tad­-dawl. Illum ħadd ma jnaddaf il­-bejt biex l­-ilma tax­xita nadif jinħażen ġol­-bir.

Mhux talli hekk talli għal snin twal bil-­barka ta’ min imexxi, wieħed seta’ u għadu jista’ jarmi dan l­-ilma fit-­triq jew fid-­drenaġġ. Ħadd ma jinkwieta meta jara t­-tappiri tad-­dranaġġ fit-­triq qishom funtani, bl-­ilma jaqbeż għax ma jifilħuhx aktar ġo fihom. U x’jimporta jekk dan l-­ilma kollu jxaqleb lejn il­-wied bil-­ħmieġ u soppa ta’ kimika li jġorr miegħu. Tisma’ lil minn jgħid li l-­ħlejjaq ta’ ġol-­widien huma stejjer ta’ żmien in-­nanna. Illum ħadd ma għadu jitlob ’il Alla biex jibagħtilna x-­xita. Mhux talli hekk, talli jekk wieħed ikun għadu jemmen f’Alla, jitolbu biex ma jibgħatx xita għax din tagħmillu l­-ħsara fid-­dar, tbiddel it-­toroq fi xmajjar, twassal lid-­drenaġġ biex jaqla’ kollox ta’ ġo fih u jobżqu fit­-troq, u anki tgħarraq il-­widien!

Full page fax print

Ilma tax-xita fi-triqtu għall-baħar

Din it-­telqa u n­-nuqqas ta’ għarfien u rispett lejn il-­ħolqien, il-­ġirja għall-­materjaliżmu tal-­mument, u n­-nuqqas ta’ tmexxija għaqlija, wasslu biex il­-ħażna tal-­ilma tax-­xita ġiet imwarrba għal-kollox. X’differenza minn meta kien hawn il­-Kavallieri u l-­Ingliżi.

Biex inraqqu l­-pannu bil­-qargħa aħmar, u forsi biex intaffu xi ftit il-­weġgħat tal-­kuxjenza (jekk din għada teżisti llum!) il-­gvernijiet bdew iħaffru mini taħt l­-art fejn jiġi xkupat l-­ilma mit-­toroq biex jitqabbad il­-mixja fihom u jintrema l­-baħar.  U qed jintefqu l­-miljuni ta’ ewro f’dan il-­proġett, uħud minnhom miġjuba mill­-Unjoni Ewropea. Fl­-istess waqt qed ngħallmu lit-­tfal biex irabbu kuxjenza u jibżgħu għal kull qatra ilma, filwaqt li l-­poplu jonfoq il­-miljuni biex jarmi l-­baħar eluf ta’ glalen tal-­ilma tax-­xita.

Ngħid jien, li kieku jkun hemm daqsxejn ta’ għaqal, u daqsxejn ta’ tfassil bil-­ħsieb għal dan il-­għan, kieku ma jkunx aħjar jekk tingħata għajnuna lil dawk li jixtiequ jew iħaffru bir, jew ikabbru l-­bir li għandhom, jew li jibnu ġwiebi, jew li jissewwew in­-numri kbar ta’ ġwiebi u bjar li hawn, uħud minnhom ta’ żmien il­-Kavallieri? Kieku b’hekk ma nkunux qed nużaw dawn il-­flus aħjar u nieħdu minnhom xi ħaġa lura? Kieku b’hekk minbarra li jiġu ffrankati l-­flus, ma nkunux ukoll qed insalvaw u naħżnu l­-ilma li jiġi b’xejn mis-­sema?

U kieku nsalvaw dan l­-ilma kollu, kieku ma tonqos it-­talba għall-­ilma mill­-impjanti tat­-tisfija u b’hekk jonqos l­-ammont ta’ żejt meħtieġ għall­-enerġija għal dan il­-għan, u anki jonqsu l­-flus li jmorru barra biex jinxtara dan iż-­żejt?  U kieku jkollna din il-­ħażna ta’ ilma tax-­xita, kieku ma jonqosx in-­numru ta’ dawk li jtellu l­-ilma b’xejn mill-­pjan biex ibigħuh? U kieku, il-­ġenerazzjoni ta’ għada li selfulna dan pajjiżna, kieku dawn ma jsibux pajjiż aħjar? Imma mur ifhem lil xi politikanti!

Agħmel xita agħmel, ħa tfakkarna fil­-ħaxix, il­-ħaxix li kien darba jikber, għax illum nifhmuh m’għadniex.

Alfred E Baldacchino