Is-siġra nazzjonali u l-politikanti Maltin
Alfred E. Baldacchino
Is-siġra tal-Għargħar darba kienet komuni ħafna fil-gżejjer Maltin. Kienet tiksi wesgħat kbar f’Birkirkara u l-inħawi ta’ madwarha. Illum hija meqjusa bħala siġra rari ħafna u tikber fis-selvaġġ f’xi ħames postijiet biss.
Minħabba l-kuxjenza pubblika dejjem tikber, illum insibuha tikber f’numru ta’ postijiet. Ma għandiex dubju li dawn tnisslu minn żerriegħa miġbura mis-siġar Maltin. Mhix sigra diffiċli biex titnissel u wieħed jieħu gost jinnota li minn meta din is-sigra ġiet magħżula bħala s-siġra nazzjonali ta’ Malta, qed tintuża aktar u titħawwel aktar biex issebbah ’il pajjiżna.
Illum wieħed jista’ jara li din is-siġra qed tiġi wkoll imħawwla fit-toroq u dan huwa pass ’l quddiem. IMMA wieħed ma jistax ma jgħidx li l-aspett kummerċjali qed jgħeleb dak soċjali u dak ekoloġiku, meta siġar bħal dawk li tħawlu fit-triq Diċembru 13, ħdejn il-momunemt tar-repubblika, ma ġewx imnissla minn siġar Maltin imma ġew importati. Dan juri li:
1. Il-fragmentazzjoni li hawn fir-responsabbiltajiet tal-ambjent qed iwasslu biex jagħmlu ħafna ħsara u wasalt biex naħseb li din il-fragmentazzjoni mhix b’kumbinazzjoni. Dawn is-siġar importati sejrin inniġġsu l-għaġna ġenetika tal-popolazzjoni tas-siġra nazzjonali Maltija li ilha eluf ta’ snin mingħajr ebda kuntatt ma’ siġar oħra bħala barra minn pajjiżna.
2. Dawn setgħu wkoll ġabu magħhom mard u speċi oħra li jistgħu jagħmlu ħsara kemm lis-siġar tal-għargħar infushom kif ukoll lill-biodivertsità Maltija bħal ma għamel u qed jagħmel il-Bumunqar Aħmar tal-Palm.
3. Dan juri wkoll li l-Ministru tat-Trasport u l-Infrastrutta li huwa responsabbli għat-tħawwil ta’ siġar u pjanti fit-toroq, huwa fqir wisq fit-tagħrif xjentifku u professjonali meħtieġ biex l-attivitajiet li japprova ma jkunux ta’ ħsara soċjali u ambjentali.
4. Juri wkoll li anki l-kuntrattur li qed juża l-Ministru lanqas għandu idea ta’ din ir-responsabbiltà ekoloġika u soċjali, minkejja l-kritika kontinwa li għaddejja mill-pubbliku. U hawnhekk wieħed ma jistax jingħata tort meta jingħad li l-viżjoni approvata mill-Ministru responsabbli hija nieqsa u fqira minn kull viżjoni soċjali u ekoloġika.
5. Il-Mepa li hija mħallsa mill-poplu biex tħares l-ambjent tagħna lkoll mhux biss ħaslet idejha imma ilha li xxotathom ukoll u tħossha aktar komda tindihes man-naħa li tagħmel ħsara ambjentali milli ma’ dawk li jitkellmu fl-interess nazzjonali. Forsi għax qegħdha taħt ir-resonponsabbiltà tal-Prim Ministru?
Jista’ jgħati l-każ li l-Ministru responsabbli ma fetħulux għajnejh u ma jafx bil-ħsara li qed issir b’dan il-miżimmaniġġar tal-biodiversità. Dan faċilment jista’ jikkoordina mal-Ministru tal-Ambjent, li jista’ jgħidlu u jinformah b’mod xjentifiku u professjonali fuq kif dan ix-xoghol għandu jsir. Barra minhekk ilMinistru tal-Ambjent jista’ wkoll joffrilu siġar tal-Għargħar imkabbrin f’mixtliet hawn Malta. Imma forsi jekk jagħmel dan iħoss l-oppożizzjoni qawwija minn dawk li jgħidulu li dan sejjer inaqqsilhom il-qliegħ mill-importazzjoni ta’ dawn is-sigar. Dan minkejja li dan il-qliegħ qed iħallas għalih il-poplu u l-ambejnt Malti. Forsi wkoll illum dan mhux importanti għat-tmexxija politika?

1. ls-siġra ta l-għargħar fis-selvaġġ. 2 . Dehra tas-siġra mill-viċin. 3. il-weraq tas-siġra tal-għargħar. 4. il-weraq speċjalizzati nisa. 5. il-weraq speċjalizzati rġiel. 6. il-weraq bil-frott. 7. Dehra tal-fjuri tal-għargħar. 8. iż-żerriegħa tal-għargħar. 9. iz-zokk tas-siġra. Ritratti. Martin Psaila (1 & 8) Alfred E Baldacchino (2-7, 9)
Fis-16 ta’ Jannar tal-1992 l-għargħar ġiet id-dikjarata s-siġra nazzjonali. Fl-1993 din is-siġra ġiet imħarsa bil-liġi permezz tal-Avviż Legali 49 tal-1993. Hija wkoll imniżżla fil-lista tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ pjanti rari, mhedda u endemici tal-Ewropa. Tidher fil-lista ta’ pjanti mhedda ppublikata fl-1998 mill-Għaqda Internazzjonali tal-Ħarsien tan-Natura. Hija wkoll meqjusa bħala siġra mhedda u b’firxa żgħira fil-gżejjer Maltin. Tgħid illum f’Malta dan ma għadux jagħmel sens politikament fejn jidħlu l-interessi kummerċjali?
Qrib il-31 ta’ Marzu 2014, jum ir-repubblika, bil-approvazzjoni tal-Minsiteru tat-Trasnport u Infrastruttura, il-popolazzjoni tas-siġra tal-għargħar Maltin ġew mhedda bl-importazzjoni ta’ siġar bħalhom li sejrin iniġġsu l-għaġna ġenetika ta’ dawk Maltin. U l-MEPA bħal dejjem ma titniffesx quddiem ħsara ambjentali u soċjali.
L-għargħar hija siġra li tista’ ssebbaħ pajjiżna, kemm bi msaġar li hija tista’ tinseġ, kif ukoll bil-preżenza tagħha fl-irħula u fl-ibliet tagħna. Saħansitra t-tfal fl-iskejjel ikabbru din is-siġra bla wisq diffikultà. Imma milli jidher, minn jingħata 8 miljun euro fis-sena minn flus il-poplu mhux kapaċi jnissel minn dawn is-siġar hawn Malta u juża siġar miġjubin minn barra minkejja l-perilku ambjentali u l-ħsara soċjali.
Il-fragmentazzjoni u l-politika liberali f’hekk twassal. Il-politikanti mingħajr pariri xjentifiċi u professjonali malajr jaqgħu vittma f’idejn minn ma għandu l-ebda interess ambjentli. Aktar u aktar meta l-operatur jagħmilha ta’ regolatur ukoll. U dawn jippermettu lil dawk il-ftit biex jistgħanaw u l-poplu u l-ambjent iħallsu. Ħadd ma jisma’ minkejja l-wegħdiet. Tgħid inkun ottimist iż-żejjed jekk forsi naħseb li l-Prim Ministru jista’ jwaqqaf din il-ħsara ambjentali?
aebaldacchino@gmail.com
alfredbaldacchino.wordpress.com