IS-SIĠAR FIL-BLIET U FL-IRĦULA MALTIN

July 17, 2011

17 ta’ Lulju, 2011

Is-siġar fil-bliet u fl-irħul Maltin 

Alfred E. Baldacchinio

Ħarsa lejn il-ġurnali lokali turi n-numru ta’ kummenti u kritika dwar l-immaniġġar tas-siġar, speċjalment dawk li jikbru fit-toroq tagħna. Ta’ min jgħid li dawn il-kummenti juru li l-kuxjenza pubblika u l-apprezzament dwar l-ambjent naturali, f’dan il-kas dwar is-siġar, qiegħdin dejjem u kuljum jikbru.

Wieħed ma jistax jgħid li l-kritika li qed issir fil-biċċa l-kbira tagħħa mhix ġustifikata, l-aktar dwar iż-żabra xejn professjonali tas-siġar fit-toroq. Biżżejjed wieħed jgħati daqqa t’għajn lejn iż-żabra f’ċerti nħawi, bħal ngħidu aħna, fir-Rabat, fin-Naxxar, f’Ħaż-Żebbuġ, f’ta’ Xbiex, f’Ħal-Balzan, u f’Ħ’Attard. U meta wieħed jaqra dawn il-kummenti, joħorġu numru ta’ mistoqsijiet, bħal ngħidu aħna:

  • Għaliex is-siġar fit-toroq qed jinżabru bil-mod kif qed jinżabru, jiġifieri:
    • jew jinħasdu xi tliett metri mill-art u jitħallew bi troffa weraq biex taparsi hemm siġra, bħal dawk li hemm fi Triq Ħal-Warda, Ħ’Attard, u riċentement ħdejn il-yacht marina l-Imsida?
    • jew inkella titqaxxar kull werqa u jinħasad kull għasluq b’kull werqa fuqu, u s-sigar jitħallew fuq zokk wieħed jew tnejn mogħla tlett sulari?
  • Meta s-siġar ‘jinżabru’ u jitħallew għoljin fuq zokk wieħed jew tnejn biss, jingħata ħsieb għall-impatt soċjali li din it-tip ta’ żabra jkollha, hekk ngħidu aħna:
    • Billi siġra miżbura hekk tkun tqila fil-quċċata tagħha (top heavy) fuq z-zokk jew tnejn li jitħallewlha, b’riħ qawwi li jaħkima, din malajr tfaqqa’ u taqa’, kif diga faqqgħu, tkissru u waqgħu numru ta’ siġar wara żabra bħal din, bħal ngħidu aħna f’Ħal Balzan u Ħat’Attard, u waħda minhom għamlet ħsara anki fil-faċċata ta’ dar?
    • X’jiġri jekk xi siġra minn dawn taqa’ fuq xi karozzi fit-triq, jew fuq xi nies li jkunu għaddejjin minn fuq il-bankina, jew taqa’ u tifqa’ l-faċċata ta’ xi dar biswit?
  • Meta jkun hemm triq li minnha jgħaddu ”l fuq minn 18,000 karozza kuljum, uħud idaħħnu qisu ma jeżiztu l-ebda regolamenti, u qisu f’dan il-pajiż ħadd mhu responsabbli ta’ xejn. u din it-triq ikun fiha siġar li jkunu qed ilibbsuha u l-weraq tagħħom iservu bħala l-pulmun u lqugħ għad-dħaħen, għall-istorbju, u għall-impatt viżiv, għaliex dawn ma jittieħdux fil-pjan meta s-siġar jinżabru?
  • Għaliex min jiġi jiżbor dawn is-siġar, biex jaqta’ zokk żgħir m’eħxen lapes, minflok juża imqass taż-żabra jiġi biex jaqtgħu b’serrieq mekkaniku (chainsaw), u minflok jaqta’ erba’ zkuk żgħar jaqta’ fergħa sħiħa?
Dik żabra eh! Ejja ha nmorru. Tiswa daqs ġurnata xogħol.
  • Min qed jiżbor dawn is-siġar qed jingħata taħriġ professjonali ta’ kif għandu jagħmel dan ix-xogħol, jew sempliċement jingħata serrieq taż-żabra u trukk biex jimlieħ bil-weraq u zkuk tajbin għall-ħruq?
  • Għaliex snin ilu, meta dan ix-xogħol kien għadu taħt ir-responsabiltà tad-Dipartiment tal-Agrikultura, meta kien jinqata’ zokk kemxejn oħxon il-ġerħa kienet tinżebaħ b’materjal biex jipproteġi s-siġra kontra infezzjonijiet u mard, u llum daqqa u imxi?
  • Xi kwalifiċi għandu jew għandhom minn qed jimmonitorja dan ix-xogħol?
  • Hemm xi possibilità li ż-żbir tas-siġar fil-bliet u fl-irħula Maltin jibda’  jsir fuq bażi professjonali kif isir barra minn dawn il-gżejjer? Niftakar darba f’Monaco rajt tnejn minn nies bis-sellum u b’imqass taż-żabra iduru u jiżbru sigra b’ċerta professjonalità qishom qed jaqtgħu xaghar xi ħadd.

Naħseb li mid-dehra ta’ numru ta’ siġar miżbura fit-toroq, qishom immankati u bla sura, għad baqa’ ħafna u ħafna x’wieħed jitgħallem u xi jsir biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Nistħajjel lil xi ħadd jgħidli, “mela insejt li qed tgħix Malta fejn is-saħħa tan-numri hija bil-bosta b’saħħita minn kull raġuni xjentifika, teknika u soċjali li qatt jista’ jkun hawn f’dan il-pajjiż”. U jkolli nammetti li minn jgħid hekk ikollu raġun, sfortunatament.

Darba kienet siġra tħaddar il-madwar.  Illum monument ħaj għal dawk li jfasslu l-politika dwar iż-żbir tas-siġar Maltin. 

Ma taħsibx li tħabbatha sewwa mal-mumument ta’ Ħal-Luqa?

Advertisements