It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 8

March 2, 2015

NewsBook

It-Tnejn, 2 ta’ Marzu, 2015

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 8

Alfred E. Baldacchino

Ix-xena lokali.

Fix-xena lokali, leħen waħdu għamel l-ewwel pass kuraġġuż barra l-ħitan tal-istituzzjoni soċjali tiegħu fuq din il-blata li jidher li qed tinxef mill-imħuħ intelletwali.

Il-mibki Mons. Professur Carmel Sant, fl-20 ta’ Diċembru 1986, kien għamel diskors fiċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni fis-seminarju f’Tal Virtù. Fid-diskors tiegħu “l-ambjent naturali: perspettiva biblika” qal b’mod ċar: “Hija r-responsabbiltà morali tal-bniedem li jindokra l-ħolqien madwaru ta’ Alla, li fuqu hija msejjsa l-eżistenza fiżika, u l-kobor spiritwali tiegħu stess”. “Għalhekk mhux biss dan hu fil-kompetenza tal-Knisja u l-Ministri tagħha li jindaħlu u jieħdu pożizzjoni biex jiddefendu l-ambjent, imma hija d-dover tagħha wkoll.”

13 - Prof-K-Sant-quote

Ta’ min wieħed hawnhekk iżid li dak iż-żmien iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni kienet saret fis-seminarju Tal-Virtù għaliex il-Fakultà tat-Teoloġija ma baqatx l-Università f’tal-Qroqq bl-iskuża li dan it-tagħlim u studju ma kellhomx ikunu sussidjata minn flus pubbliċi.

Aktar qrib tagħna rajna li d-Djoċesi tal-Knisja f’Malta waqqfet il-Kummissjoni tal-Ambjent tal-Knisja. Dan l-aħħar snin din il-Kummissjoni wessgħet il-firxa tagħha biex tiġbor fiha wkoll id-Djoċesi ta’ Għawdex. Din ħadet numru ta’ pożizzjojijet matul is-snin dwar il-biodiversità, u wieħed jittama li tkompli tkun attiva kif kienet qabel anzi tikber u tibqa’ tagħti sehemha fid-dawl tar-responsabbiltajiet tagħha fuq it-tagħlim tal-Bibbja u anki fuq it-tagħlim u t-tmexxija tal-Papiet li kollha qed juru t-triq ’l quddiem, kemm għall-ħarsien tal-ħolqien, kif ukoll għat-tmexxija spiritwali.

Hekk naraw li llum, kważi ġenerazzjoni wara, l-imbatt ta’ dawn il-mewġiet ta’ tagħlim fl-aħħar waslu fil-gżejjer tagħna wkoll. Imma kif ġieli għidt kemm-il darba dan mhux xi responsabbiltà tal-Knisja biss. Hija responsabbiltà ta’ kull entità soċjali f’pajjiżna, kemm jekk din hija kummerċjali, legali, edukattiva, trejdunjonistika, u ma għandniex xi ngħidu anki dik politika, li ġġor l-akbar responsabbiltà.

Wieħed ma jistax jgħid li l-ħarsien tal-ħolqien f’pajjiżna qed jingħata l-importanza li jixraqlu. Anzi jidher u jinħass sewwa li l-viżjoni tal-ħarsien tal-ħolqien f’pajjiżna qed titnaqqar sewwa taħt is-saħħa u toqol ta’ interessi kummerċjali, kif spjegat fit-twissijet u t-tagħlim tal-Papiet fuq dan is-suġġett.

Fl-artiklu li jmiss nagħlqu bit-tagħlim modern tal-Papa Franġisku: tagħlim li juri d-direzzjoni lil dawk li jridu sinċerament u minn qalbhom iħarsu l-ambjent mhux għal xi għan personali tagħhom, imma b’responsabbiltà soċjali, ekoloġika, ekonomika  u fuq kollox spiritwali.

aebaldacchino@gmail.com

alfredbaldacchino.wordpress.com

 

ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2   http://wp.me/pL6Mk-NX

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 3   http://wp.me/pL6Mk-Of

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 4   http://wp.me/pL6Mk-Oq

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 5    http://wp.me/pL6Mk-OR

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 6    http://wp.me/pL6Mk-Pk

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 7    http://wp.me/pL6Mk-Q1

 

Advertisements

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1

November 24, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 24 ta’ Novembru 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1

Alfred E. Baldacchino

Daħla

Fl-isem tal-Missier, il-bniedem wettaq numru ta’ oxxenitajiet, kemm fil-qasam politiku, f’dak reliġjuż, kif ukoll fil-qasam tal-biodiversità, minkejja li din hija sistema ekoloġika li twieżnu. Dawn imorru kontra t-tagħlim tar-reliġjonijiet qodma daqs il-bniedem innifsu, li kollha jgħallmu li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajr ma jkun imwieżen minn din l-ekosistema.

F’dawn l-artikli sejrin nagħtu ħarsa lejn x’jgħidu l-kitbiet ta’ reliġjonijiet ewlenin – l-aktar dawk li jemmnu f’Alla wieħed – kif ukoll xi tagħlim li jagħtu l-mexxejja jew studjużi ta’ dawn ir-reliġjonijiet. Dan biex wieħed ikun jaf aħjar li l-ħsieb wara t-tagħlim ta’ dawn ir-reliġjonijiet jaqblu sewwa ma’ xulxin u li l-għan ewlieni tagħhom huwa biex il-bniedem ikun jista’ jgħix f’armonija mal-ħolqien, kemm biex juri l-kobor u r-responsabbiltà tiegħu li ngħatatlu biex imexxi, kemm biex ikun jista’ jgħaddi din id-dinja bla mittiefsa lill-dawk li silfuhielu, kif ukoll biex jitbiegħed milli jeqred lilu n-nifsu, kif ukoll biex jimxi id f’id mal-Ħallieq u jgawdi u japprezza dan il-ġnien li tpoġġa fih.

Minħabba l-mod kif l-istorja tal-kreazzjoni miktuba fil-Ġenesi ġiet mgħallma b’mod xejn xjentifiku, huma ħafna dawk il-Kristjani li jaħsbu li l-bniedem huwa għola mill-annimali l-oħra kollha u anki minn natura. Mhux talli hekk, talli jaħsbu wkoll li l-bniedem ma għandu x’jaqsam xejn ma’ din is-sistema tal-ħolqien li twieżen kull ħajja fuq din id-dinja waħda tagħna.

Iżda, ir-reliġjonijiet kollha jgħallmu li l-bniedem għandu r-responsabbiltà biex jindokrra in-natura. Il-Kristjani għandhom obbligu biex iħarsu n-natura, bħala amministraturi tal-Ħallieq: “dak li jiġri lill-ulied il-bniedem u l-bhejjem, huwa l-istess, bħal kif wieħed imut hekk ukoll jiġri lill-ieħor… il-bniedem ma għandu l-ebda vantaġġ fuq il-bhejjem…” (Ecclesiasticus 3:19). Imma t-tagħlim differenti li ngħata matul is-snin kważi dejjem kien biex jaqdi l-bniedem fil-ġirja ta’ rgħiba tiegħu għall-materjaliżmu, aktar milli biex iwassluh eqreb lejn l-Alla li ħalqu.

Jekk wieħed iqalleb u jifli l-kitba tal-kotba reliġjużi – l-aktar ta’ dawk li jemmnu f’Alla wieħed – kemm jekk dawn huma Kristjani, Iżlamiċi, Ġudaisti, Buddisti, jew Hinduisti, wieħed isib li dawn il-kitbiet jgħallmu l-istess dwar l-ambjent (illum insejħulu biodiversità).

Ngħidu aħna, jekk naqraw il-Bibbja, insibu li wara li Alla ħalaq il-bniedem, ra li dak li għamel kien kollu tajjeb ħafna. U qal Alla: ̋Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art” (Ġenesi 1:26).

U Alla poġġa lill-bniedem fil-Ġenna tal-Art u qallu, biex jindukraha u jħarisha. U berikhom Alla u qalilhom: ̋Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art (Ġenesi 1:28).

genesi-1-28

Id-dinja tal-punent, li għandha l-għeruq tagħha msejjsa fuq it-twemmin Kristjan, mhux biss interpretat ‘aħkmuha’ u ‘saltnu’ ad litteram, imma wettqet dan, u għadha twettaq dan ad nauseam.

Niftakarni naqra u nisma’ tagħlim li l-bniedem huwa ewlieni u mhux parti mill-ekosistema li Alla ħalaq, għax din ħalaqha biex taqdi l-bniedem biex jużaha kif jixtieq!

Imma bil-għajnuna t’Alla, wara qawmien spitirtwali, dan it-tagħlim ġie mwarrab, għalkemm għad hawn minn għadu jemmen hekk. Il-Bibbja u kitbiet oħra sagri kollha jgħinuna biex nifhmu sewwa t-tagħlim tagħhom dwar l-ambjent, kif sejrin naraw minn dawn it-titwiliet meħudin minn reliġjonijiet differenti.

Fl-artiklu li jmiss nagħtu ħarsa lejn il-bilanċ delikat u xi jgħidu r-reliġjonijiet fuq dan.

aebaldacchino@gmail.com