IL-QERD IN-NAĦAL… u n-naħal

October 19, 2015

NewsBook

It-Tnejn, 19 ta’ Ottubru, 2015

Il-Qerd in-naħal

Alfred E. Baldacchino

Dawn il-ġranet rajna numru ta’ għasafar ipassu lejn l-Afrika, uħud anki jinżlu fil-qiegħa. Xi snin ilu ma kienx daqshekk faċli li wieħed seta’ jarahom, u għalhekk kien ta’ sodifassjon tara nies minn kull faxxa tas-soċjetà, siekta tħares, tissaħħar u anki tieħu ritratt, kemm bil-mowbajl kif ukoll b’apparat sofistikat tar-ritratti.

Fost l-għasafar kbar li kellna x-xorti li naraw mill-qrib kien hemm numru ta’ ċikonji bojod. Jistrieħu tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod f’għalqa għal ftit taż-żmien qabel ikomplu bil-vjaġġ tagħhom. Rajna wkoll, fost oħrajn, numru ta’ qerd in-naħal kollha kuluri, sbieh, itiru b’mod li jsaħħar. Stajna naraw is-seher u l-mirakli tan-natura iseħħu pass ’l bogħod.

qerd-in-naħal

Kien ta’ sodisfazzjon li wieħed seta’ jara l-frott tal-ħidma sfiqa u fejjieda ta’ matul is-snin, kemm ta’ għaqdiet ambjentali mhux governattivi, numru ta’ individwi, kif ukoll għalliema u anki l-gazzetti u x-xandir.

Ħassejt bħal sajjetta fil-bnazzi meta qrajt u smajt lil xi ħadd jgħid, anki fuq il-mezzi tax-xandir, li ma jieħux gost jara dan l-għasfur għaliex, kif qal, il-qerd in-naħal jagħmel il-ħsara għax jiekol n-naħal. Inħsadt u erġajt pass lura, għax dan il-kumment jikxef il-ħtieġa ta’ bżonn ta’ aktar edukazzjoni, aktar tgħarif, u aktar bżonn biex wieħed jifhem li l-għasafar huma parti mill-ekosistema li twieżen anki lilna l-bnedmin.

qerd-in-na]al-2

dehra f’pajjiżna tal-Qerd in-naħal

Huwa minnu li l-qerd in-naħal jiekol in-naħal kif jixhed ismu wara kollox. Imma minbarra n-naħal dan l-għasfur jiekol inseti oħra bħal ngħidu aħna, fost oħrajn, żnażan, ċikkuġwiebi, u anki bagħal taż-żunżan. Dan l-aħħar smajna u qrajna kemm uħud huma beżgħana minn dan il-bagħal taż-żunżan li qed jersaq aktar qrib lejn l-urban. U dan il-qerd in-naħal jiekolhom biex jgħix u mhux b’kapriċċ jew għal xi gwadan ieħor. U għad hemm minn ma jistax u ma jridx jifhem li anki l-qerd in-naħal għandu l-rwol tiegħu fis-sistema ekoloġika. In-naħal li jiekol ikunu jew dawk xjuħ, jew inkella mhux b’saħħithom, u għalhekk ikun qiegħed inaqqi l-kolonja minn dawk li jkunu aktar ta’ piż għall-kolonja. Waqt li jiekol hu jkun qed jagħmel il-ġid lin-naħal.

Meta smajt dan il-kumment li l-qerd in-naħal jagħmel il-ħsara lil min irabbi n-naħal għax jiekol in-naħal, ftakart f’dawk il-flus kemm pubbliċi u kemm le, li jintefqu biex jinxtara u jitħallsu n-nies biex ibexxu kimika velenuża matul il-mogħdijiet u fil-beraħ biex joqtlu l-flora u l-fawna li tgħix matulhom. U minbarra l-flora u x-xgħat tal-friefet, u fawna oħra li jinqerdu, jinqerdu wkoll in-naħal: iva n-naħal. U mhux in-naħal biss jinqerdu, imma meta n-naħal imċappsin bil-kimika qerrieda jmorru ġol miġbħa tagħhom, mhux biss iċappsu lin-naħal oħra, imma jgħaddu din il-kimika wkoll fl-għasel, kif studju fl-Amerika wera.

naħlla-fuq-fjura

In-naħal huwa parti mill-ekosistema u qed isofru telf kbir minħabba l-bexx kimiku li qiegħed jitbexx għall-raġunijiet kummerċjali.

Imbagħad ikun hemm xi ħadd li jrabbi n-naħal u bla mistħija jgħid li għax il-qerd in-naħal jiekol naħla jew tnejn biex jgħix, dan qed jaghmel il-ħsara! Imma meta bniedem, bil-għerf li għandu jbexx kimika qerrieda biex jeqred il-ħajja li jolqot, għall-qliegħ tal-flus, dan mhux qed jagħmel ħsara, lanqas lin-naħal!

Kulħadd jaf, li dan il-bexx ta’ kimika qerrieda li qed tagħmel ħsara mhux biss lill-ekosistema imma anki lill-bniedem, qed isir għax il-politikanti responsabbli mill-kontrol ta’ dan il-bexx qerriedi, li qed isir u jitħallas bi flus pubbliċi, jew ma għandhom lil ħadd biex jiftħilhom għajnejhom fuq din il-ħsara u din il-ħela ta’ flus pubbliċi, jew inkella mhux interessati li jwaqqfu din il-qerda, għaliex jarawha bħala xi ħaġa kummerċjali li tħalli l-qliegħ lil min jużaha.

U ġib il-għaġeb, kif qalli xi ħadd midħla ta’ dawk li jrabbu n-naħal, li hemm ukoll xi ħadd minnhom li jimportaw il-bexx għall-bejgħ biex jeqred il-ħajja, u jispiċċaw jinqerdu n-naħal ukoll. Imma dan għalihom ma jagħmilx ħsara lin-naħal. Wieħed hawn jista’ jgħid li sakemm in-naħal jinqerdu għall-qligħ tal-flus, allura mhux ħażin u ma ssirx ħsara!

Dan juri biċ-ċar li f’dan il-pajjiż, wieħed irid jieħu, jieħu, u jkompli jieħu mingħajr l-ebda ħsieb jew rieda li jgħati xi ftit lura: xejn. U għax għasfur jieħu naħla biex jiekol u mhux għall-qliegħ jew għall-kummerċ, dan qed jagħmel il-ħsara, u qed jagħmel għar minn dak li jimporta, u jbexx din il-kimika qerrieda li toqtol mhux biss lin-naħal, imma kull ħlejqa li tmiss ma’ dan il-bexx. U hemm il-barka tal-politikanti biex dan il-bexx qerried ikompli jsir, anki jekk jeqred lin-naħal. Imma huwa l-għasfur il-qerd in-naħal li jingħad li qed jagħmel il-ħsara!

bexx-fuq-in-naħal

Dan mhux l-għasfur qerd in-naħal. Imma huwa qerd in-naħal mill-bniedem għal raġunijeit kummerċjali, uħud minnhom imħallsa minn flus pubbliċi. U għall-uħud li jrabbu n-naħal dan mhux xejn ħażin!

 

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements