
il-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru 2020

L-ambjentalista Alfred Baldacchino huwa tal-fehma li l-ħarsien, l-immaniġġar u l-infurzar tal-liġijiet fil-qasam tal-bijodiversità mhux qiegħed fuq l-agenda tal-Gvern.
Baldacchino ntalab għal reazzjoni dwar il-miżuri mħabbra fil-Budget 2021 mil-lat tal-ambjent.
L-espert fil-bijodiversità irrimarka li huwa stenna li se jsib xi ħaġa li ttaffi u tgħin biex il-bijodiversità ta’ pajjiżna tiġi aktar apprezzata, u ma tibqax tiġi mżebilħa kif inhi llum, imma ma sab xejn.
Hu sostna li stenna wkoll li jara xi inċentivi biex fil-qasam ekoloġiku tikber industrja kummerċjali Maltija, biex minflok flus imorru barra mill-pajjiż biex nimpurtaw speċi indiġeni, b’dannu soċjali, ekoloġiku u finanzjarju, dawn il-flus jibdew jintużaw f’pajjiżna għat-tkattir ta’ dawn l-ispeċi, u hekk ikun hawn aktar speċi indiġeni li jistgħu jintużaw fit-tisbiħ tal-art, imma anki hawn ma tħabbar xejn.
Baldacchino kompla li stenna wkoll li jara xi ħjiel biex il-fragmentazzjoni li hawn fil-qasam tal-użu tal-bijodiversità, fejn numru ta’ Ministri jwettqu attivitajiet li mhux kollha huma konformi mal-obbliġazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali f’dan il-qasam, jiġu koordinati u approvati b’mod professjonali mill-Minsteru tal-Ambjent, imma lanqas hawn ma sab xejn.
“Fittixt għal xi miżuri kif l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mhux biss tissaħħaħ biex tkun tista’ taħdem b’mod professjonali mingħajr indħil politiku, imma tkun tista’ wkoll tfassal u timplimenta direzzjoni ambjentali fil-qasam tal-bijodiversità u tkun tista’ tinforza, teduka u timmaniġġa (bħal ngħidu aħna s-siti Natura 2000) imma lanqas hawn ma sibt xejn”.
Baldacchino żied li stenna ukoll li jisma’ b’xi għajnuna għall-għaqdiet volontarji f’dan il-qasam, kemm għajnuna ta’ riżorsi, ta’ għarfien, u anki ta’ diskussjoni fil-ħarsien professjonali tal-ambjent, iżda anki hawn ma sema u ma sab xejn.
Hu kompla li stenna ukoll li l-landscaping jiġi ndirizzat b’mod professjonali aktar u aktar meta l-Gvern qed joħroġ il-miljuni għal dan il-għan, imma anki hawn ma tħabbar xejn.
“Mhux talli hekk talli waqt it-tmiem tad-diskors tal-baġit, il-medja soċjali xerdet video ta’ numru ta’ siġar protetti Maltin li kienu qed jiġu meqruda fis-satra tal-lejl, fit-triq tar-Rabat, minn aġenzija tal-Gvern li llum hija magħrufa sewwa għal din il-qerda ta’ bijodiversità, mingħajr ebda viżjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu immaniġġjati bi professjonalità” insista Baldacchino.
L-espert ambjentali żied li għal dawn ir-raġunijiet jasal jgħid li l-ħarsien, l-immaniġġar u l-infurżar tal-liġijiet fil-qasam tal-bijodiversità, mhux qiegħed fuq l-agenda tal-gvern.
Hu temm jgħidilna li miżuri oħra ambjentali dwar l-użu tal-plastik u l-bdil fil-klima li ssemmew misshom ilhom fis-seħħ.
aebaldacchinon@gmail.com