L-Erbgħa, 27 ta’ Novembru, 2013.
Ġej il-Milied u… dak dundjan!
Alfred E. Baldacchino
Waħda mill-aktar festi kbar tas-sena hija l-Milied, għall-anqas għal dawk li jħaddnu t-twemmin u jemmnu fit-twelid ta’ Ġesu Kristu. U waħda millkaratteristiċi ta’ din il-festa hija l-ikla mal-familja nhar il-Milied. Niftakar meta kelli madwar għaxar snin, in-Nanna Karmena kienet issajjar ħasi-serduq imsewwi biex ma jaħlix enerġija żejda u hekk jikber akbar fid-daqs.
Bħalma ħadna l-lingwa Ingliża mill-Ingliżi, minn għandhom ħadna wkoll id-drawwa li nieklu dundjan minflok ħasi għall-ikla ta’ nofsinhar.
Huwa għalhekk li matul dawn il-ġranet it-talba għad-dundjani tikber. Hemm żewġ għejjun minn fejn nixtru dawn id-dundjani għall-imwejjed tagħna: jew minn dawk li jitrabbu u jissemmnuhom hawn Malta, jew mingħand dawk li jimportawhom.
Illum il-ħajja hija waħda mgħaġġla: imsejjsa, marbuta u mbuttata minn għan ewlieni li jgħola fuq kull għan ieħor etiku, morali, u kuxjentuż: l-għan ta’ gwadan materjali fl-anqas ħin possibbli. U ma hemm l-ebda rokna jew qasam li mhux mittiefes minn dan il-għan, anki fil-qasam tal-ikel.
Skont kif jaħdem is-suq, aktar ma jkun hemm talba għall-prodott, aktar il-prezz ikun għoli, u aktar mal-prezz ikun għoli aktar ikun hemm ħeġġa biex tikber il-ħażna għall-bejgħ. Barra minn Malta, dawk li jkabbru d-dundjani jagħmlu ħilithom kollha biex ikollhom l-akbar numru possibbli ta’ dawn ittjur biex ikunu jistgħu jilqgħu għal din it-talba. U aktar dawn ma jkunu kbar u ‘sbieħ’ aktar dawn jinxtraw. U ma għandiex xi ngħidu li anki fil-qasam tal-ikel l-ewwel ma tiekol l-għajn.
L-akbar numru ta’ dundjani possibbli jitkabbru fil-fabbriki tal-annimali fil-gaġġeg u jkunu fuq xulxin. Minħabba hekk dawn jingħataw dożi żgħar ta’ antibijotiċi biex ma jkunx hemm mard u infezzjonijiet. U ġieli d-doża tiżdied xi ftit biex tgħinhom jikbru akbar u aktar malajr ukoll. Iżda studji xjentifiċi sabu li mikrobi li jifilħu għal dawn l-antibijotiċi jitrabbew fid-dundjani . U dawn il-mikrobi jistgħu wkoll jgħaddu għand dawk li jieklu d-dundjani, tant li meta dawn ikollhom bżonn l-antibijotiċi, dawn ma jaħdmux fuqhom.
Sadanittant, l-Unjoni Ewropea qed tieħu passi biex bil-mod twaqqaf l-użu ta’ mediċina fuq l-annimali li jkunu qed jitkabbru għall-ikel, jekk din il-mediċina ma tingħatax għall-għan ewlenin ta’ mard.
Dan mill-ewwel juri li l-konsumatur Malti għandu bżonn malajr kemm jista’ jkun aktar tagħrif dwar l-ikel li qed jiekol. Minbarra mediċina li tintuża fuq l-annimali li qed jiekol, hemm ukoll l-użu tal-pestiċidi u aktar u aktar l-organiżmi ġenetikament modifikati li jitpoġġew fuq is-suq. Ix-xerrej għandu jkun jaf x’qed jixtri, biex b’hekk ikun jista’ jagħżel hu dak li jixtieq. Dan mhux biss biex ikollu għażla imma anki biex ikun żgur li l-ikel li jkun qed jiekol ma jkollux effett fuq saħħtu mingħajr ma jkunx jaf.
Wieħed mill-passi li jistgħu jittieħdu huwa li l-prodotti tal-ikel ikollhom tikketta li sserraħ moħħ ix-xerrej. F’dan il-każ tad-dunjani, biex ma ninfirxux ħafna, kull dunjdjan mibjugh jista’ jkollu fuqu kitba li tidher u li tgħid jekk hux “impurtat minn (pajjiż). Ma fihx antibiotiċi” jew “Imkabbar u msemmen Malta”.
U hawn jista’wkoll igawdi l-bidwi Malti li b’daqsxejn għajnuna jista’ jiġi mgħejjun biex irabbi, kemm annimali kemm ħxejjex li ma jkollhomx fiħom mediċina u kimika. Ma għandniex xi ngħidu dawn jistgħu iqumu xi ftit aktar, imma konsumatur edukat ikun lest li jħallas ftit aktar għall-ikel għax jaf li sejjer ikun qed jiffranka l-flus li jkun irid jonfoq minħabba saħħtu.
Kif jgħidu ssuq issuq. U hija biss it-talba jew in-nuqqas tagħha li tista’ twassal biex ix-xerrej isib il-prodott li jixtieq u jrid hu u mhux li jiġi mogħti lilu.
Nixtieq minn hawn nawgura lill-qarrejja tan-NewsBook il-Milied ħieni, mimli risq, saħħa, u paċi… u l-ikla t-tajba. Imma kull bil-għaqal!