It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2

December 1, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 1 ta’ Diċembru, 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 2
Alfred E. Baldacchino

Bilanċ delikat

Fl-ewwel artiklu tajna ħarsa ħafifa dwar tagħlim reliġjuż dwar l-ambjent. Din id-darba sejrin inkomplu naraw aktar tagħlim f’dan il-qasam.

Fil-ktieb tal-Lhud, it-Talmud, naqraw li meta Alla l-Imbierek ħalaq l-ewwel bniedem, ġibdu lejh u wissieh: “Ara x-xogħlijiet tiegħi, ara s-sbuħija tagħhom, il-perfezzjoni tagħhom; dak kollu li ħlaqt, ħlaqtu għalik. Ħu ħsiebu biex ma tgħarrqux jew biex ma teqridx ix-xogħol tiegħi, għaliex mhu sejjer ikun ħadd biex isewwieh warajk.”

talmud

Il-Kuran, il-ktieb imqaddes tal-Musulmani, jgħallem: “Dak kollu li hemm fis-smewwiet u fl-art huwa kollu tiegħu. Kollox jobdi r-rieda tiegħu. Huwa hu li jgħati l-ħajja lill-kreazzjoni” (30:25).

Il-kreazzjoni hija mfassla biex taħdem bħala ħaġa waħda, bilanċ delikat ekoloġiku. “Tbagħbasx dan il-bilanċ, iżen bil-ġustizzja, u tindaħalx fil-bilanċ. Huwa Hu li poġġiek mexxej tad-dinja” (6:165).

koran

It-Testment il-Qadim jgħallem li l-art hija ta’ Alla. Il-bniedem huwa “barrani u mistieden”. L-art, imbagħad, ma għandiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hija tiegħi, u intom qiskom barranin jew qegħdin miegħi (Leviticus 25:23).

“Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, id-dinja u kull ma jgħix fiha” (Salm 24 (23):1). Il-bniedem għandu “jmexxi d-dinja bi qdusija u b’ġustizzja” (Għerf 9:3). “U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu (Ġenesi 2:15).

Id-Dalai Lama, fid-dawl tat-tagħlim Buddista, jgħallem: “Għandna dinja waħda biss, u kull ħsara li nagħmlulha, jaqa’ fuqna”.

dalailama-1

A. Thiradhammo, mill-monasteru Buddista ta’ Dhammapala, filwaqt li jagħmel referenza għall-bilanċ delikat ekoloġiku jfiehem: “il-fehma żbaljata ta’ suġġetti u oġġetti separati u indipendenti minn xulxin hija riżultat ta’ injuranza egoista”.

F. Khalid, id-direttur fundatur tal-Fondazzjoni Musulmana għall-Ekoloġija u Xjenzi Ambjentali, jiddikjara bis-saħħa: “id-dominanza fuq il-kreazzjoni hija biss ta’ dak li ħalaqha u ma hemm l-enda ħjiel li Hu għadda din ir-responsabbiltà lil xi waħda mill-kreatturi tiegħu, intelliġenti kemm hi intelliġenti.”

The Tablet, gazzetta Kristjana Brittanika (tal-4 ta’ Ottubru 1986), meta titkellem fuq ir-reliġjon Kristjana, tgħid li ħafna li jħaddnu l-fidi Kristjana għandhom ħafna xi jwieġbu għall-għemilhom. Filwaqt li tikkwota lil Max Nicholson, awtorità magħrufa fl-ekoloġija, tgħid li hija traġedja li l-aktar reliġjon b’saħħitha fid-dinja kellha tkun “waħda minn dawk il-ftit li ppridkat id-dritt mingħajr tarf tal-bniedem li jiddomina n-natura”. Kif għidna qabel, bil-għajnuna ta’ Alla dan sar tagħlim tal-imgħoddi.

chief seattle54

Fl-Awstralja, l-ispiritwalità tal-Aboriġini tgħallem li “l-art hija ommna” u “l-art mhux tal-bniedem, imma l-bniedem huwa tal-art”. Wieħed mill-Indiani tal-Amerika ta’ Fuq, Cheaf Seattle, jispjega: “Dan nafuh: id-dinja mhux tal-bniedem; imma l-bniedem huwa tad-dinja. Dan nafuh: kull ħaġa hija marbuta ma’ oħra bħad-demm li jgħaqqad il-familja. Kull ħaġa hija marbuta ma’ oħra. Dak li jiġri lid-dinja, jiġri lill-ulied id-dinja. Il-bniedem ma niseġx in-nisġa tal-ħajja, imma huwa biss ħajta minn din in-nisġa. Il-ħsara li jagħmel lil din in-nisġa, jagħmilha lilu nnifsu.”

Minn dan naraw ir-responsabbiltà kbira li għandu l-bniedem bħala l-aktar ħolqien intelliġenti u għalhekk bħala mexxej ta’ din is-sitema ekoloġika lil huwa għandu d-dmir li jħares.

Fl-artiklu li jmiss nitkellmu fuq din ir-responsabbiltà kbira li għandu l-bniedem lejn il-ħolqien.

Ara wkoll:

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1   http://wp.me/pL6Mk-NP

 

 

 

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1

November 24, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 24 ta’ Novembru 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1

Alfred E. Baldacchino

Daħla

Fl-isem tal-Missier, il-bniedem wettaq numru ta’ oxxenitajiet, kemm fil-qasam politiku, f’dak reliġjuż, kif ukoll fil-qasam tal-biodiversità, minkejja li din hija sistema ekoloġika li twieżnu. Dawn imorru kontra t-tagħlim tar-reliġjonijiet qodma daqs il-bniedem innifsu, li kollha jgħallmu li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajr ma jkun imwieżen minn din l-ekosistema.

F’dawn l-artikli sejrin nagħtu ħarsa lejn x’jgħidu l-kitbiet ta’ reliġjonijiet ewlenin – l-aktar dawk li jemmnu f’Alla wieħed – kif ukoll xi tagħlim li jagħtu l-mexxejja jew studjużi ta’ dawn ir-reliġjonijiet. Dan biex wieħed ikun jaf aħjar li l-ħsieb wara t-tagħlim ta’ dawn ir-reliġjonijiet jaqblu sewwa ma’ xulxin u li l-għan ewlieni tagħhom huwa biex il-bniedem ikun jista’ jgħix f’armonija mal-ħolqien, kemm biex juri l-kobor u r-responsabbiltà tiegħu li ngħatatlu biex imexxi, kemm biex ikun jista’ jgħaddi din id-dinja bla mittiefsa lill-dawk li silfuhielu, kif ukoll biex jitbiegħed milli jeqred lilu n-nifsu, kif ukoll biex jimxi id f’id mal-Ħallieq u jgawdi u japprezza dan il-ġnien li tpoġġa fih.

Minħabba l-mod kif l-istorja tal-kreazzjoni miktuba fil-Ġenesi ġiet mgħallma b’mod xejn xjentifiku, huma ħafna dawk il-Kristjani li jaħsbu li l-bniedem huwa għola mill-annimali l-oħra kollha u anki minn natura. Mhux talli hekk, talli jaħsbu wkoll li l-bniedem ma għandu x’jaqsam xejn ma’ din is-sistema tal-ħolqien li twieżen kull ħajja fuq din id-dinja waħda tagħna.

Iżda, ir-reliġjonijiet kollha jgħallmu li l-bniedem għandu r-responsabbiltà biex jindokrra in-natura. Il-Kristjani għandhom obbligu biex iħarsu n-natura, bħala amministraturi tal-Ħallieq: “dak li jiġri lill-ulied il-bniedem u l-bhejjem, huwa l-istess, bħal kif wieħed imut hekk ukoll jiġri lill-ieħor… il-bniedem ma għandu l-ebda vantaġġ fuq il-bhejjem…” (Ecclesiasticus 3:19). Imma t-tagħlim differenti li ngħata matul is-snin kważi dejjem kien biex jaqdi l-bniedem fil-ġirja ta’ rgħiba tiegħu għall-materjaliżmu, aktar milli biex iwassluh eqreb lejn l-Alla li ħalqu.

Jekk wieħed iqalleb u jifli l-kitba tal-kotba reliġjużi – l-aktar ta’ dawk li jemmnu f’Alla wieħed – kemm jekk dawn huma Kristjani, Iżlamiċi, Ġudaisti, Buddisti, jew Hinduisti, wieħed isib li dawn il-kitbiet jgħallmu l-istess dwar l-ambjent (illum insejħulu biodiversità).

Ngħidu aħna, jekk naqraw il-Bibbja, insibu li wara li Alla ħalaq il-bniedem, ra li dak li għamel kien kollu tajjeb ħafna. U qal Alla: ̋Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art” (Ġenesi 1:26).

U Alla poġġa lill-bniedem fil-Ġenna tal-Art u qallu, biex jindukraha u jħarisha. U berikhom Alla u qalilhom: ̋Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art (Ġenesi 1:28).

genesi-1-28

Id-dinja tal-punent, li għandha l-għeruq tagħha msejjsa fuq it-twemmin Kristjan, mhux biss interpretat ‘aħkmuha’ u ‘saltnu’ ad litteram, imma wettqet dan, u għadha twettaq dan ad nauseam.

Niftakarni naqra u nisma’ tagħlim li l-bniedem huwa ewlieni u mhux parti mill-ekosistema li Alla ħalaq, għax din ħalaqha biex taqdi l-bniedem biex jużaha kif jixtieq!

Imma bil-għajnuna t’Alla, wara qawmien spitirtwali, dan it-tagħlim ġie mwarrab, għalkemm għad hawn minn għadu jemmen hekk. Il-Bibbja u kitbiet oħra sagri kollha jgħinuna biex nifhmu sewwa t-tagħlim tagħhom dwar l-ambjent, kif sejrin naraw minn dawn it-titwiliet meħudin minn reliġjonijiet differenti.

Fl-artiklu li jmiss nagħtu ħarsa lejn il-bilanċ delikat u xi jgħidu r-reliġjonijiet fuq dan.

aebaldacchino@gmail.com


PREMJU GĦALL-IMMANNIĠĠAR XEJN PROFESSJONALI TAL-AMBJENT

September 15, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 15 ta’ Settembru, 2014

PREMJU GĦALL-IMMANNIĠĠAR XEJN PROFESSJONALI TAL-AMBJENT

Alfred E. Baldacchino

Sa minn mindu nkunu żgħar nistudjaw, naħdmu u nistinkaw. Ikun ta’ sodisfazzjon kbir meta niksbu xi premju jew ċertifikat. Dan ngħożżuh, nuruh lill-ħaddieħor, u ndendluh ma’ xi ħajt fejn jidher u jista’ jarah kulħadd. Inkunu ferm kburin meta x-xogħol tagħna jkollu għarfien minn ħaddieħor. Minbarra li dan jagħtina sodisfazzjon, jgħinna biex dak li nkunu tgħallimna nkunu nistgħu nħaddmuh għal ġid tas-soċjetà.

Sa mill-iċken livell tal-iskola jixgħelu l-għajnejn meta l-għalliema jagħtu xi stilla għax-xogħol mirqum. U dan is-sodisfazzjoni jibqa’ tiela’ magħna fil-ħajja. Mhux biss ikun ta’ sodisfazzjon kbir għal dawk li jiksbuh, imma wkoll juri r-risponsabbiltà li għandna lejn is-socjetà, li tkun ukoll tat sehemha u l-għajnuna tagħha biex dak li jkun jasal biex ikun jista’ jakkwista dawn il-premjiiet u ċertifikati.

Imma b’dieqa kbira wieħed jara kif illum uħud ma għandhom l-ebda sodisfazzjon b’dawn il-premijiet jew ċertifikati u l-għarfien tax-xogħol tagħhom mis-soċjetà. Is-sodisfazzjoni personali jegħleb u jxejjen kull ħsieb soċjali. Ir-rgħiba tal-materjaliżmu li llum ħakmet il-ħajja ta’ kull jum f’kull qasam soċjali, twassal biex hemm minn juża’ it-tagħlim u l-esperjenzi tiegħu biex jaħtaf għalih mingħajr ebda ħsieb ta’ kif dan sejjer jgħin jew ixekkel lis-soċjetà. Mhux talli hekk, talli s-soċjetà tħallas hi parti mill-ispejjeż ta’ meta wħud jaħtfu għalihom biss.

Illum naraw li wħud jaslu wkoll biex jgħidu li l-kuxjenza hija xi ħaġa ta’ żmien il-bużnanna. Il-morali, il-professjonalità, it-teknika, mhumiex xejn ta’ xkiel għal min ikun irid jaħtaf għalih, u jimmina s-soċjetà u l-ambjent. Anzi… Meta naraw ix-xogħol ta’ Mikelangelo, seher li għamel  bit-tinqix tal-għodda li uża, mill-ewwel nifhmu li dan mhux biss kien ta’ sodifazzjon kbir għalih, imma anki għas-soċjetà kollha, tant li x-xogħol tiegħu huwa meqjus bħala wirt artistiku internazzjonali. Ma għandniex xi ngħidu dan ma jfisserx li ma kienx hemm ukoll is-sodisfazzjon finanzjarju, imma mhux talli s-soċjetà ma ħallset xejn, imma hi ukoll gawdiet minn dan ix-xogħol. Jekk mill-banda l-oħra naraw kif l-għodod li bihom Mikelangelo naqqax l-opri tiegħu setgħu jintużaw, kif ġieli ntużaw, biex dawn neħħew il-ħajja ta’ ħaddieħor, allura nifhmu mill-ewwel li minn użahom b’dan il-mod għamel dan għas-sodisfazzjon tiegħu biss, u s-soċjetà sofriet u ħallset.

Min iwettaq dan l-għemil eġoistiku ma tantx iħossu komdu. Dan mhux biss ma jkunx iridu xi premju jew ċertifikat għal xogħlu, imma lanqas ikun irid jissemma, anzi jagħmlu minn kollox biex jinħeba bil-mezzi kollha possibbli. Saħansitra hemm min jgħatti wiċċu biex ma jidhirx u biex is-soċjetà ma tarahx u ma tagħrfux. Iħoss li l-għemil tiegħu mhux xi wieħed li jista’ jiftaħar bih, jemmen jew ma jemminx fil-kuxjenza jew fil-morali.

trophy-2014

Għall-għar kontribut lejn is-soċjetà u l-ambjent Malti.

Għalhekk għidt li tkun ta’ għajnuna kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-ambjent li kieku jkun hemm premju li jingħata kull sena lil dik il-persuna, jew entità soċjali, kemm kummerċjali, politika, jew reliġjuża, li bl-għemil, deċiżżjonijiet jew għajnuna tagħha, is-soċjetà kif ukoll l-ambjent ikollhom iħallsu prezz qares meta dan l-għemil jiġi mwettaq u fejn is-soċjetà ma kellha l-ebda sehem f’din id-deċiżjoni. Jew is-soċjetà wriet it-tħassib u l-fehmiet tagħha u jew ma instemgħetx jew ġiet imwarba.

Minkejja li pajjiżna huwa żgħir huwa mżejjen u mogħni b’ambjenti ewlenin li wħud ma jinstabu mkien aktar fid-dinja. U s-soċjetà Maltija hija mfisqija u mkabbra u għandha rabta ma’ dan l-ambjent tagħna lkoll. Għandha wkoll karatteristiċi ewlenin. B’dieqa ta’ qalb wieħed jista’ jara kif għal dawn l-aħħar snin, dawn il-karatteristiċi Maltin bil-mod il-mod qed jitherrew, jitnaqqru, jitkissru u jitfarku. Mhux talli s-soċjetà jew l-ambjent mhux qed jistagħnew, imma saħansitra qed ikollhom iħallsu huma biex ħaddieħor ikun jista’ jistagħna hu.

Il-ġenerazzjonijiet ta’ għada li silfuna dawn il-gżejjer biex neħdulhom ħsiebhom għad ikun jridu jagħfu x’wassal biex huma sabu dan il-wirt mhux f’qagħda tajba daqs kemm kien meta għaddewh lilna. Naħseb li jkunu jridu jagħfu minn kien dak jew dik l-entità li waslet għal dan l-immanniġġar xejn professjonli. Dan il-premju fl-immanniġġar xejn professjonali jagħti ħjiel ta’ minn kellu din ir-responsabbiltà u ma ħaseb xejn fihom. Din hija l-ewwel sena li qed nissuġġerixxi dan il-premju. Inti għandek xi suġġerimenti?

alfredbaldacchino.wordpress.com

aebaldacchino@gmail.com

 

 

 

 

 


TKOMPLI L-QERDA FIL-ĠNIEN HOWARD… imma għaliex?

June 9, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 9 ta’ Ġunju, 2014

TKOMPLI L­-QERDA FIL-ĠNIEN HOWARD… imma għaliex?

Alfred E. Baldachino

Kull darba li nitla’ nittawwal il-Ġnien Howard, dejjem niltaqa’ ma xi impatt negattiv ġdid. Xi kultant inħoss li f’dan il-pajjiż hawn xi direttiva jew xi politika uffiċjali biex l-ambjent naturali jew il-biodiversità ta’ pajjiżna tinqered, u minn jeqridha jitħallas minn flus pubbliċi.

Fit-2 ta’ Marzu 2014, tpoġġa ritratt fuq sit Rabti li wera ammont ta’ żrar li tferrex taħt is-siġar taż-żnuber fil-Ġnien Howard, ir-Rabat. Wara li tliet Rabtin marru l-uffiċċju tal-Prim Ministru, il-MEPA waqqfet dan ix-xogħol. Il-Kunsill Lokali (tal-Imdina) ġie ordnat li fi żmien xahar ineħħi dan iż-żrar li sar mingħajr permess. Il-K.L. Mdina appella minn din id-deċiżjoni. Issa għaddew tliet xhur u kollox għadu kif kien. Dan wassal biex inbdiet talba biex dan jitneħħa: http://www.thepetitionsite.com/takeaction/665/188/518/?taf_id=11173325&cid=fb_na

Il-MEPA għadha qed tistudju, taħsibha, tixtarr, twieżen din il-problema u għadha ma ħadet l-ebda passi. Nafu li l-MEPA tħalli deċiżjonijiet bħal dawn minn ġurnata għal oħra sakemm forsi ssib kif taħsel idejha u ma tieħu l-ebda deċiżjoni, bħalma ġara fil-­każ taċ-ċimiterju f’Wied il-Qasab fin-Nadur Għawdex. Wieħed ma jistax ma jgħidx li l-MEPA ssibha bi tqila biex turi  interess fil-ħarsien tal-ambjent, qasam fejn falliet bil-kbir, saħansitra anki fi kwistjonijiet żgħar.

Il-kisi ta' parti mill-Ġnien Howard biż-żrar

Il-kisi ta’ parti mill-Ġnien Howard biż-żrar

Fl-aħħar mawra tiegħi r-Rabat, bħas-soltu mxejt matul il-ġnien; bdejt mill-ġnien tas-Salib, dak iż-żgħir, u pass pass wasalt sa fuq it-Tomba, li għal dawk li ma humiex midħla tal-Ġnien Rabti, hija l-aktar parti ’l ġewwa li tħares lejn l-Imtarfa, fuq l-istazzjon tal-ferrovija l-antik.

Fil-ġnien is-siġar tal-palm, dawk tal-kanizzati u dawk tat-tamal, kollha kienu meqruda mill-bumunqar aħmar tal-palm. Baqa’ biss il-fdal taz-zokk tagħhom: momument għal dik il-politika li minkejja li kellha l-parir biex ma jiġux impurtati siġar mill-Eġittu u minn Sqallija, xorta tat il-barka biex dawn jidħlu Malta. Baqa’ waħda biss, fil-kantuniera tat-Tomba tħares lejn il-Domus Romana u konvint li meta nerġa nitla’ r-Rabat, tkun għebet mal-oħrajn.

L-aħħar siġra tal-palm li baqa' fil-Ġnien Howard. L-oħrajn kollha mietu u nqatgħu

L-aħħar siġra tal-palm li baqa’ fil-Ġnien Howard. L-oħrajn kollha mietu u nqatgħu

 Dort dawra mejt mat-Tomba fejn matul dawn l-aħħar ġranet fix-xfar tal-wesgħa kien ikun hemm numru ta’ fjuri slavaġġ, fosthom is-suffejra ta’ Malta, endemika għall-gżejjer Maltin (ara ritratt). Il-biċċa l-kbira tagħhom għebu, mqaxxrin, u ma niskantax jekk kienu anki mbexxin bil-kimika velenuża biex ma jerġgħux jitilgħu aktar. Lanqas naħla ma tista’ tirgħa u ddakkar il-fjuri slavaġġ, minkejja li din ittina’ l-għasel u ddakkar il-frott. U dan fi ġnien.

Suffejra tar-raba' li kienet tikber madwar it-tomba.

Suffejra ta’ Malta li kienet tikber madwar it-Tomba.

Jiena u ħiereġ lura mit-­Tomba għan-naħa tad-Domus Romana, inħsadt. Ftit ġimgħat ilu kien hemm numru ta’ pjanti slavaġġ bħal ngħidu aħna ġarġir abjad, ħarira ħamra, fjurdulis, u oħrajn li kollha, mingħajr ħlas, kienu jlibbsu l-inħawi bil-kuluri u jwieżnu insetti dakkara, fosthom in-naħal. Dawn għebu għax kollha ġew maħruta u ma kien baqa’ xejn minnhom. Imħallas mill-K.L. Mdina, bi flus pubbliċi, ma għadniex xi ngħidu. Imma l-isbaħ, u li vera turi l-mentalità miskina ta’ dan il-pajjiż, wara li qerdu kull fjura u werqa Maltija li kienet qed tikber f’dawn il-mixtliet, x’taħsbu li ħallew? Penisetum (Fountain Grass), pjanta invażiva li qed tintuża mill-kuntrattur tal-Gvern fit-toroq u li sabet ruħha fil-Ġnien Howard; minkejja li din hija invażiva u qed tinfirex madwar il-gżejjer Maltin kemm fit-toroq, kif ukoll fl-ambjent naturali. Din tħalliet hemm!

Ġarġir Abjad kien isebbaħ il-=mixtliet fil-ġnien. Inqered kollu.

Ġarġir Abjad kien isebbaħ il-mixtliet fil-ġnien. Inqered kollu.

U hawnhekk sfortunatament niddejjaq ngħid li dan il-pajjiz milli jidher ma jista’ jinfeda qatt. Il-valur li jingħata lill-biodiversità huwa valur ta’ flus biss. Jekk wieħed jixtri pjanta jew siġra, dan itiha valur. Imma jekk pjanta tikber waħeda, allura din ma għandiex valur u tista’ tinqered, u titbexx bil-kimika valenuża biex ma terġax titla’. U mhux talli hekk, talli din il-qerda għandha l-approvazzjoni uffiċjali u tithallas minn flus il-poplu.

 

2012.12.28---it-Tomba---karozzi,-siġar-imutu,-u-penisetum
It-Tomba, fil-Ġnien Ħoward, taħt ir-responsabbiltà tal-K.L. tal-Imdina
– Karozzi, siġar tal-palm qed imutu jew mietu. u pjanti invażivi tal-Penisetum.

 L-akbar xokk ta’ din il-metalità miskina ta’ dan il-pajjiż kien in-numru ta’ karozzi li bdew deħlin biex jistrieħu fuq it-Tomba. Tista’ timmaġina karozzi fi ġnien? Qaluli li kien hemm tieġ l-Imdina u hekk il-K.L.Mdina jħalli is-serħan tal-karozzi fil-Ġnien Howard. Jista’ wieħed jimmagina kieku l-K.L. Mdina jħalli karozzi fil-foss fil-passaġġi fejn sar ġnien għall-familja? Jew iħalli l-karozzi kollha tat-tieġ jidħlu l-Imdina u jitħallew quddiem il-Katidral? Jew aħjar jitqiegħdu fuq iz-zuntier tal-Katidral? U aktar u aktar jiddaħħlu ġewwa l-Katidral? Ara kieku kif ir-residenti tal­-Imdina u l-Maltin iqumu għal minn ikun ta dan il-permess. Mhux talli hekk talli l­-ebda karozza ma tista’ tidħol ġol­-Imdina, ħlief dawk tar-­residenti. Imma li l-karozzi jitqiegħdu ġo ġnien fir-Rabat, jidher li kollox sew għall-K.L. Mdina!

2014.05.23 - Calendula-suffruticosa-subsp.-fulgida3

L-anqas naħla ma tista’ ddakkar fjura u tagħmel l-għasel

Li jinkwetani huwa li milli jidher ma hemm l-ebda entità politika li hija responsabbli biex twaqqaf dawn l-oxxenitajiet. Suppost li hemm Ministeri li huma responsabbli mit-trasport; mill-ġonna; mill-Kunsilli Lokali, u anki mill-MEPA. Din tal-aħħar issa ħaditha drawwa li meta jkun hemm il-qerda tal-ambjenbt tħares in-naħa l-oħra sakemm xi ħadd minn fuqha jiġbdilha l­attenzjoni. Ara ż-żrar issa għadu hemm tliet xhur minkejja l-protesti tan-nies u nuqqas ta’ permessi. U la ma hemm l-ebda azzjoni ministerjali, allura wieħed jista’ jgħid li dawn għandhom il-barka ta’ min imexxi. Kont anki naħseb li r-Rabat hemm kunsill lokali wkoll, imma mid-dehra sejjer żball. Wara kollox kappell ma jmejjilx lill-ieħor.

Mill-esperjenza li għandi u mill-kuntatti li għandi mal-Kunsilli Lokali ma nsibhiex diffiċli biex ngħid li l-Kunsill tal-Imdina ma jħabbatha miegħu ħadd fuq in-nuqqas ta’ apprezzament tal-ambjent: il-foss tal-Imdina, il-Ġnien Howard, u issa smajt l-għajdut li qed ikun hemm xi ħsibijiet biex jinqalgħu dawk is-siġar ta’ taħt it-Tomba li jwasslu sa Għajn Ħamam biex din il-wesgħa tintuża għall-karozzi. Wieħed għad irid jara x’se jiġri imma, għalkemm jekk din tasal sa għand il­MEPA wieħed jista’ jgħid mill-ewwel x’se jiġri.

Il-fdalijiet tas-iġra tal-palm fil-ġnien Howard, ir-Rabat. Pedestal lest għal minn daħħal il-bumunqar aħmar f'dawn il-gżejjer.

Il-fdalijiet tas-siġar tal-palm fil-ġnien Howard, ir-Rabat. Pedestal lest għal minn daħħal il-bumunqar aħmar f’dawn il-gżejjer.

Kif jgħidu mhux il-flus u l-poter jagħmluk matur u konxju għall-weġgħat tas-soċjetà u tal-ambjent. Anzi ħafna drabi huma dawn li jwasslu għal dawn il-weġgħat, aktar u aktar meta wieħed isib ruħu jgħum fihom.

aebaldacchino@gmail.com

alfredbaldacchino.wordpress.com

 

 


IL­-ĦARSIEN SOĊJALI U AMBJENTALI TA’ PAJJIŻNA

April 29, 2014

NewsBook

It-Tlieta, 29 ta’ April, 2014

IL-­ĦARSIEN SOĊJALI U AMBJENTALI TA’ PAJJIŻNA

 Alfred E. Baldacchino

 Għal dawn l­-aħħar 40 sena, numru ta’ għaqdiet voluntarji ħadmu bla heda biex qajmu kuxjenza soċjali favur il­-ħarsien tal­-ambjent. Din wasslet biex twaqqaf id­-Dipartiment għall­-Ħarsien tal­-Ambjent,

Meta fl­-2002 l­-Awtorità tal­-Ippjanar ħatfet f’idejha r­-responsabbiltajiet ambjentali bil­-għajnuna politika, wasslet biex id­-Direttorat tal­Ambjent kważi ġie eliminat. Il­-MEPA qatt ma fehmet u għada sal-lum ma tistax u ma tridx tifhem ir­-responsabbiltà ambjentali u soċjali, tant li l-Direttorat tal­-Ambjent sar is­-Sindirella fil­-MEPA, u llum huwa orfni u jinstab fil­-limbu. Saħansitra llum din l­-Awtorità tinjora mhux biss legislazzjoni u regolamenti li għamlet hija stess, imma anki l­-obbligi internazzjonali bħal dawk tal­-UE. Il­-MEPA falliet kompletament fir­-responsabbiltajiet tagħha lejn il­-poplu u lejn l­ambjent tagħna lkoll, mingħajr ebda mistħija jew rimors.

Il­-MEPA falliet kompletament fir­-responsabbiltajiet tagħha lejn il­-poplu u lejn l­ambjent tagħna lkoll, mingħajr ebda mistħija jew rimors.

Il­-MEPA falliet kompletament fir-responsabbiltajiet tagħha  lejn il-poplu u lejn l­-ambjent tagħna lkoll, mingħajr ebda mistħija jew rimors.

Mhux hekk biss imma dak li nbena bil­-kontribut ta’ kulhadd, qiegħed jiġi mmermer u mormi. Dan jidher minn numru ta’ dokumenti pubblikati mill-MEPA stess li sejrin iwasslu biex l­-ambjent ikun jista’ jinħataf, jiġi stuprat u abbużat minm min jixtieq, mingħajr wisq xkiel u bil­-barka tal-MEPA. U mhux sejjer ikun faċli għall-Ministru tal­-ambjent meta jieħu f’idejh id-Direttorat tal-Ambjent.

Ħarsa lejn id­-dokumenti li l­-MEPA poġġiet quddiem il­-poplu biex tisma’ l-fehmiet tiegħu, jinkludu:

  • Politika ġdida għall­-iżvilupp barra ż­-żona tal­-iżvilupp (ODZ) fejn bil-kemm hemm referenza għall­-biodiversità u obbligi internazzjonali, u mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn lanqas mal­-Ministeru tal­-ambjent.
  • It­-twaqqif ta’ Awtorità għall­-Iżvilupp tal­-Ippjanar (DPA) li aktar tgħin lil min jixtieq jisfrutta l­-ambjent milli tgħin lil min irid iħarsu.
  • L­-iSPED (Structrure Plan for Environment and Planning) li wkoll juri nuqqas ta’ viżjoni għall­-ħarsien tal­-ambjent u jikkonferma li l­MEPA qatt ma kellha xi rieda biex tifhem din ir­-responsabbiltà.

Meta l­-MEPA qiegħda fil­-portfolio tal­-Prim Ministru, wieħed jistaqsi jekk il­MEPA qabdetx din il­-linja għax taħseb li għandha r­-riħ fil­-qala.

Kien hemm it-­tama u x­-xewqa li partit li għandu viżjoni soċjali u ambjentali seta’ jwaqqaf din il­-ħsara nazzjonali. Imma mhux talli l­-ġerħa ambjentali ma bdietx tfieq, iżda sfortunatament bdiet tikkankra, dejjem grazzi lill­-MEPA.

Huwa b’dispjacir ngħid li minn dak li qed jiġri, dak li qed jitfassal, u dak li mhux qed isir biex l­-ambjent jiġi mħares fuq bażi professjonali, l­-viżjoni soċjali u ambjentali qabdet it­-triq aktar mgħaġġla biex titlef ruħha wara t­tlellix tal­-mument u t­-tinbix kummerċjali. U min hu responsabbli?

Irrid nagħmila ċara li fil­-MEPA hemm uffiċjali kwalifikati serji u professjonali fil­qasam tal­-immanniġġar nofsani (middle management). Li kieku dawn tħallew ifasslu d­-dokumenti fuq imsemmija li qed tfassal il­MEPA, kien ikun hemm aktar serjetà f’din il­-viżjoni. U dan iwassal biex wieħed jgħid li jew dawn in-nies professjonali ma kinux involuti jew inkella l­-pariri professjonali tagħhom ġew imwarrba. Jidher li l­moħħ li fassal id­-dokumenti dwar il­-politika tal­-ODZ xtaq, jew ried jogħġob biss lill­-ispekulaturi.

Wieħed jittma li s-Segretarju Parlamentari l­-ġdid, l­-Onor. Dr Michael Falzon, jifhem, jiżen sewwa, jixtarr u jħoss ir­-responsabbiltà tal­-mod kif l-ambjent soċjali u dak ekoloġiku ta’ pajjiżna sejrin ikunu mneżża minn kull ħarsien professjonali b’din il­-politika l­-ġdida li qed tissuġġerixxi l­-MEPA.

Veru li hija r­-responsabbiltà tas­-Segretarju Parlamentari li jiddeċiedi hu l-politika soċjali u ambjentali. Imma dan irid isir bil­-għajnuna u bdil ta’ ideat bis­-serjetà u professjonali tal­-entitajiet soċjali kollha, wara kollox kif kien imwiegħed.

Veru wkoll li kemm l­-għaqdiet ambjentali mhux governattivi kif ukoll dawk kollha li għandhom għal qalbhom l­-interess ġenwin nazzjonali kemm fil-qasam soċjali kif ukoll f’dak ekoloġiku, huma mħassba bil-kbir fuq iż-żarmar jew dgħufija tal­-politika u legislazzjoni tal­-ħarsien u l-immaniġġar professjonali f’l­oqsma soċjali u ambjentali.

Din il­-biża tal­-qerda soċjali u ambjentali ma tistax ma tikberx meta l­-MEPA ­ l-awtorità mħallsa u fdata mill­-poplu Malti biex tħares il-qasam ambjentali u soċjali, kemm tal­-lum u kemm dak ta’ għada – qiegħda hi stess tfassal u tissuġġerixxi din it­-triq li sejra twassal għal ­aktar problemi u qerda f’dawn l-oqsma.

Veru wkoll li kemm il­-ġenerazzjoni tagħna u dawk ta’ għada għad jistmerru lil dawk li sejrin iwasslu għal dan l-impatt negattiv soċjali u ambjentali ta’ pajjizna. Li kieku jiddependi minni kont ngħajjat lura r-rapreżentant tal-għaqdiet mhux governattivi ambjentali minn fuq il-bord tal-MEPA, L-għaqdiet ma jixirqilhomx ikunu parti minn din il-farsa u din l-istraġi.

Mhux biżżejjed li wieħed jgħid li lest li jisma’ jekk dak li jingħad fl-interess soċjali u ambjentali nazzjonali ma jiġix infilsat fil-politika għal ġid tal-pajjiż kollu biex kulħadd ikun parti mid-deċżijoni, u mhux settur wieħed biss.

Jekk verament wieħed jixtieq futur sabiħ għall-­ambjent u s-soċjetà Maltija, u dan mhux bil-kliem imma bil-fatti, il-futur irid jiġi mfassal fuq il-mejda professjonali ma’ kulħadd, xi ħaġa li sfortunatament ħadd ma jista’ jgħid li qed issir.

aebaldacchino@gmail.com


IS-­SIĠAR BARRANIN… l-­impatti ta’ viżjoni għamja

February 12, 2014

NewsBook

IS-­SIĠAR BARRANIN…  l-­impatti ta’ viżjoni għamja

Alfred E. Baldacchino

Fl­-aħħar artiklu rajna kif speċi miġjuba minn barra l­-pajjiż jista’ jkollhom impatt negattiv dirett fuq l­-ekoloġija ta’ pajjiżna. Iżda minbarra dan l-impatt dirett jista’ jkun hemm ukoll impatt indirett. U anki hawn l-­impatti negattivi indiretti jkollhom effetti ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi. Din il-­ħsara mhix marbuta ma’ speċi ħajjin biss li jinġabu minn barra, imma wkoll ma’ oġġetti magħmula minn speċi ħajjin, bħal ngħidu aħna, injam, kif sejrin naraw aktar ’l quddiem.

Minn ma semgħax bil-­bumunqar aħmar tal­-palm? Dan daħal mas-Il-Bumunqar Aħmar tal-Palmsiġar tal-palm li ġew importati mill­-Eġittu u mill-Italja, fejn kien qed jagħmel ħerba mis-siġar tal-­palm. Li kieku intuża l-­prinċipju ta’ prekawzjoni biex jilqa’ għall-­possibiltà li dan l-­insett ma jidħolx hawn Malta, kieku ma kienx ikun hemm din il­-ħsara ekoloġika, soċjali u ekonomika. Imma l­-kilba għall-­qliegħ tal-­flus ġiet qabel kollox, u xejnet kull prinċipju ta’ ħarsien ekoloġiku.

Minn meta dan daħal f’pajjiżna fl-­2007, inqerdu ’l fuq minn 800 siġra tal­-palm. Issa rnexxilu jasal ukoll anki f’Għawdex fejn qed idur is­-siġar tal­-palm kollha. Xi ħadd ħabbel rasu u inkwieta? Iva, minn kellu s-siġar tal-­palm, uħud anki ta’ valur sentimentali u storiku.

Minn ma semgħax bil­-ħanfusa tal­-qrun twil tat-­tut, li daħlet mal-­injam u li qerdet is-­siġar tat-­tut kollha minn Ħaż­-Żebbuġ, Ħ’Attard, is-Siġġiewi, ir-Rabat u l-­madwar. Xi hadd inkweta? Iva, minn kellu dawn is-siġar, siġar xjuħ u uniċi li kienu mfittxija għall­-frott bnin tagħhom.

Il-Ħanfusa-tl-Qrun-Twil-tat-Tut

Il-Ħanfus tal-Qrum Twil li diġà qerdet numru kbir ta’ siġar tat-tut. Issa minħabba    n-nuqqas ta’ dawn is-siġar, daret fuq is-siġar tat-tin.

U dawn huma ftit mill-­ispeċi li ddaħħlu hawn Malta mas-­siġar u pjanti oħra, għax hemm numru ta’  bebbux tal-­art li qed jinfirex bil­mod il-mod sakemm il­-popolazzjoni tagħhom tikber u l­-ħsara tibda tidher, u tinħass. Xi ħadd qed jinkwieta? Żgur mhux dawk li jimportaw dawn is­-siġar u pjanti oħra li magħhom iġibu dawn l-­ispeċi f’pajjiżna. Bilkemm ma nistħajjilx lil xi ħadd, anki xi politikant jgħid, imma għalfejn tinkwieta? Ma kienx hemm minn ħaddem in­-nies, u qala’ l-flus? U billi daħlu xi insetti u bebbux, u nqerdu ftit siġar, allura x’ġara? Li ġara hu, li kien hemm xi ħadd għall-­qliegħ tal­-flus, anki bil-­barka politika, issa  l-­poplu u l­-ambjent qed iħallsu il-­prezz tal­-ħsara ta’ din il-­viżjoni għamja.

Imma forsi wieħed jistaqsi fejn qegħdin jitħawlu s­-siġar miġjuba minn barra minn Malta. Jekk wieħed imur, fost postijiet oħra, sal­waterfront il-­Belt, jew fil-­Kottonera, jew fejn jiltaqgħu l­-karozzi tal­-linji l-­Belt biex jiġbru n­-nies, barra dak li darba kien bieb il-­Belt, wieħed jista’ jara ħafna minn dawn is-siġar. Siġar li ġurnata ma kinux hemm, u l­-għada f’daqqa waħda dehru fuq il­-post xi wħud aktar minn 5 metri twal. U forsi wieħed jistaqsi dawn kemm swew. Tagħrif uffiċjali  jgħid li dawk tal-­Kottonera biss swew mat-€30,000 u nġabu mill-­Italja. Dawk ta’ barra bieb il­-Belt jingħad li swew madwar €10,000 il-­waħda. Minnhom hemm 27 waħda, ħamsa minnhom mietu u ġew mibdula b’oħrajn ġodda. Imma forsi anki hawn xi ħadd jistaqsi: imma dawn minn ħallas għalihom? Iva, int u jien. Bħalma qed inħallsu l­-ħsara indiretta ta’ xi wħud minnhom, int, jien u l-­ambjent naturali.

Forsi xi ħadd ukoll jistaqsi, imma ma hemm ħadd responsabbli għall-ippjanar u l-­ħarsien tal-­biodiversità Maltija biex jara li dan ma jiġriex. Qabel l­-2013 ir-­responsabbiltà kienet tal-­Minstru tal-­Ambjent fejn il-MEPA kienet l-Awtorità Kompetenti biex tħares il-­wirt nazzjonali (u xorta dawn kienu jsiru!). Illum il­-Mepa mhix taħt ir-­responsabbiltà tal-­Ministru tal-­Ambjent imma taħt Segretarju Parlamentari fl­-Uffiċċju tal­-Prim Ministru (u xorta għadhom isiru). Mill-­2013 it­-tisbih tal-­art waqa’ taħt ir-­responsabbiltà tal-­Ministru tat­-Transport u l-Infrastruttura, minkejja li s-­siġar huma parti mill-­biodiversità u mhumiex sinjali tat-­traffiku jew lampi tad­-dawl. U l-MEPA… imħabbta bil-­ħruġ tal­-permessi tal-­bini u tara kif tibbilanċja dawn mal­-qerda tal­-ambjent li hija suppost li twaqqaf,  kif jingħad uffiċjalment

Sakemm hemm il­-qliegħ tal-­flus b’din l-­attività kummerċjali bis-­sigar; sakemm hemm numru ta’ ħaddiema li qed jitħallsu biex jagħmlu dak li jgħidulhom, anki jekk ma jaqblux miegħu; sakemm il­-flus biex dan isir, ħafna drabi bi flus pubbliċi wkoll; sakemm il-mexxeja politiċi u soċjali ta’ dan il-­pajjiż jibqgħu ma jagħtux każ il-­bżonn tal-­ħarsien tal­-ambjent u jkejlu l-progress biċ-­ċifri ta’ flus biss, u jibqgħu ma jridux jafu bil­-ħsara ekoloġika u soċjalil li qed issir, wieħed bilforsi jibqa’ jistaqsi kemm sejra tkun kbira din il­ħsara ekoloġika, soċjali, u ekonomika.

U hekk rajna l-­impatt indirett tas-­siġar barranin imdaħħla fil­-gżejjer Maltin. Aktar ’il quddiem naraw xi speċi li qed jgħinu f’din il-ħsara soċjali, ekonomika u ekoloġika, minħabba din il-­viżjoni għamja li qed twassal biex il­-ftit igawdu finanzjarjament u l­-poplu u l­-ambjent iħallsu.

ara wkoll:

Is-siġar barranin… u l-impatt dirett tagħhom

http://wp.me/pL6Mk-Bu

alfredbaldacchino@gmail.com


Breeding birds of the Maltese Islands – a scientific and historical review

October 12, 2012

A new publication
Breeding Birds of the Maltese Islands - a scientific and historicl review