Il-Knisja u l-ambjent

August 17, 2019

Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija Mosta – Awwissu 2019

Il-knisja u l-ambjent

Alfred E. Baldacchino

Il-Ġenesis jgħidilna kif Alla ħalaq id-dinja u s-smewiet. Ħalaq id-dawl, is-sema, l-ibħra, l-istillel, l-art, il-pjanti u s-siġar, u l-annimali bħall-bhejjem u l-għasafar. U Alla fl-aħħar ħalaq il-bniedem biex ikun fuq il-ħut fil-baħar, fuq l-għasafar fl-ajru, fuq il-bhejjem u l-annimali l-oħra u fuq kull ħolqien ieħor li jimxi fuq l-art. U Alla ra lil dak li kien ħalaq kien tajjeb.

Imma l-bniedem jaħseb u jemmen li bħala l-aktar ħolqien intelliġenti fuq din id-dinja għandu dritt mingħajr limitu mingħand Alla biex jaħkem lin-natura. U dan anki kif kien jiġi mgħallem.

Papa-Gwann Pawlu II

Kien il-Papa Ġwann Pawlu II meta f’Nairobi kellem lill-ġemgħa msejħa mill-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda (UNEP) fejn qal li Alla ħalaq kollox u għabba l-bniedem bir-responsabbiltà biex jieħu ħsiebhom u mhux biex jagħmilhom tiegħu u jeqred kemm jiflaħ. Il-Papa għallem li huwa meħtieġ għad-dinjità tal-bniedem, u għalhekk huwa ta’ responsabbiltà kbira biex il-bniedem jsaltan fuq il-ħolqien b’governanza għaqlija. L-esplojtazzjoni tal-rikkezzi tan-natura irid isir bil-għan mhux biss tal-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, imma anki għall-bżonnijiet ta’ dawk ta’ għada. B’din il-direzzjoni li tana Alla imbiegħdu kull tmexxija ta’ kilba u ta’ gwadan personali, u twassalna biex nifhmu li dak maħluq minn Alla huwa għall-ġid tal-umanità kollha. Il-bniedem għandu r-responsabbiltà li jħares lin-natura.

Fil-kliemu, li llum huwa magħruf sewwa, li kien għamel fl-1 ta’ Jannar 1990, il-ġurnata dinjija għall-paċi, il-Papa Ġwann Pawlu II kien tkellem fuq ir-responsabbiltà tal-bniedem għall-ambjent. Tkellem fuq ir-rispett tan-natura, fuq l-egoiżmu kollettiv, fuq in-nuqqas ta’ rispett għall-ġirien, fuq id-diżonestà, fuq il-kriżi ekoloġika li tikxef in-nuqqas ta’ karattru morali u ta’ valuri etiċi tal-bniedem, fuq it-tbagħbis fl-ekosistema, fuq il-qerda bla kontroll tal-annimali u tal-ħajja tal-pjanti, u fuq ħtif u l-użu bla rażan tar-riżorsi naturali.

Il-Papa kompla jgħid li l-paċi fid-dinja hija mhedda, mhux biss bil-ġirja għall-armi, l-gwerrer u l-inġustizzji, imma anki bin-nuqqas ta’ rispett lejn in-natura, il-ħtif tar-riżorsi naturali, u bit-telf dejjem jiżdied tal-kwalità tal-ħajja. Dan l-istil ta’ ħajja jħaddan fih sens ta’ nuqqas ta’ kontrol u nuqqas ta’ serħan il-moħħ u, kif qal il-Papa huwa “ġuf ta’ egoiżmu kollettiv, nuqqas ta’ stima għall-oħrajn, u diżonestà.” Hawn il-Papa jgħid u jerġa jgħid u jwissi li l-kriżi ekoloġika “hija kriżi morali”.

Papa-Frangisku

Fuq dan il-pedament li firex il-Papa Ġwann Pawlu II, komplew bnew il-Papiet li ġew warajh. Tant li l-Papa Franġisku fl-24 ta’ Mejju 2015, ippubblika ittra pastorali Laudato Si li wieħed jista’ jsib fuq il-ħolqa http://thechurchinmalta.org/files/article/Enciklika_LaudatoSi.143514750116.pdf

Din tispjega, tgħallem, u twissi dwar ir-responsabbiltà li aħna bħala Nsara għandna lejna nfusna, lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, lejn id-dinja u l-aktar lejn Alla li ħalaqna.

aebaldacchino@gmail.com

 

Ara wkoll

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/09/22/l-enciklika-laudato-si-u-l-kummerc/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/03/16/it-taghlim-tar-religjonijiet-u-l-ambjent-9/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2015/06/25/a-prayer-for-our-earth-pope-francis/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/04/04/the-biblical-apple-tree/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/08/14/mother-earth-brother-sun-sister-moon-some-spiritual-teachings/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2010/08/16/458/

 

Advertisements

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1

November 24, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 24 ta’ Novembru 2014

It-tagħlim tar-reliġjonijiet dwar l-ambjent – 1

Alfred E. Baldacchino

Daħla

Fl-isem tal-Missier, il-bniedem wettaq numru ta’ oxxenitajiet, kemm fil-qasam politiku, f’dak reliġjuż, kif ukoll fil-qasam tal-biodiversità, minkejja li din hija sistema ekoloġika li twieżnu. Dawn imorru kontra t-tagħlim tar-reliġjonijiet qodma daqs il-bniedem innifsu, li kollha jgħallmu li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajr ma jkun imwieżen minn din l-ekosistema.

F’dawn l-artikli sejrin nagħtu ħarsa lejn x’jgħidu l-kitbiet ta’ reliġjonijiet ewlenin – l-aktar dawk li jemmnu f’Alla wieħed – kif ukoll xi tagħlim li jagħtu l-mexxejja jew studjużi ta’ dawn ir-reliġjonijiet. Dan biex wieħed ikun jaf aħjar li l-ħsieb wara t-tagħlim ta’ dawn ir-reliġjonijiet jaqblu sewwa ma’ xulxin u li l-għan ewlieni tagħhom huwa biex il-bniedem ikun jista’ jgħix f’armonija mal-ħolqien, kemm biex juri l-kobor u r-responsabbiltà tiegħu li ngħatatlu biex imexxi, kemm biex ikun jista’ jgħaddi din id-dinja bla mittiefsa lill-dawk li silfuhielu, kif ukoll biex jitbiegħed milli jeqred lilu n-nifsu, kif ukoll biex jimxi id f’id mal-Ħallieq u jgawdi u japprezza dan il-ġnien li tpoġġa fih.

Minħabba l-mod kif l-istorja tal-kreazzjoni miktuba fil-Ġenesi ġiet mgħallma b’mod xejn xjentifiku, huma ħafna dawk il-Kristjani li jaħsbu li l-bniedem huwa għola mill-annimali l-oħra kollha u anki minn natura. Mhux talli hekk, talli jaħsbu wkoll li l-bniedem ma għandu x’jaqsam xejn ma’ din is-sistema tal-ħolqien li twieżen kull ħajja fuq din id-dinja waħda tagħna.

Iżda, ir-reliġjonijiet kollha jgħallmu li l-bniedem għandu r-responsabbiltà biex jindokrra in-natura. Il-Kristjani għandhom obbligu biex iħarsu n-natura, bħala amministraturi tal-Ħallieq: “dak li jiġri lill-ulied il-bniedem u l-bhejjem, huwa l-istess, bħal kif wieħed imut hekk ukoll jiġri lill-ieħor… il-bniedem ma għandu l-ebda vantaġġ fuq il-bhejjem…” (Ecclesiasticus 3:19). Imma t-tagħlim differenti li ngħata matul is-snin kważi dejjem kien biex jaqdi l-bniedem fil-ġirja ta’ rgħiba tiegħu għall-materjaliżmu, aktar milli biex iwassluh eqreb lejn l-Alla li ħalqu.

Jekk wieħed iqalleb u jifli l-kitba tal-kotba reliġjużi – l-aktar ta’ dawk li jemmnu f’Alla wieħed – kemm jekk dawn huma Kristjani, Iżlamiċi, Ġudaisti, Buddisti, jew Hinduisti, wieħed isib li dawn il-kitbiet jgħallmu l-istess dwar l-ambjent (illum insejħulu biodiversità).

Ngħidu aħna, jekk naqraw il-Bibbja, insibu li wara li Alla ħalaq il-bniedem, ra li dak li għamel kien kollu tajjeb ħafna. U qal Alla: ̋Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art” (Ġenesi 1:26).

U Alla poġġa lill-bniedem fil-Ġenna tal-Art u qallu, biex jindukraha u jħarisha. U berikhom Alla u qalilhom: ̋Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art (Ġenesi 1:28).

genesi-1-28

Id-dinja tal-punent, li għandha l-għeruq tagħha msejjsa fuq it-twemmin Kristjan, mhux biss interpretat ‘aħkmuha’ u ‘saltnu’ ad litteram, imma wettqet dan, u għadha twettaq dan ad nauseam.

Niftakarni naqra u nisma’ tagħlim li l-bniedem huwa ewlieni u mhux parti mill-ekosistema li Alla ħalaq, għax din ħalaqha biex taqdi l-bniedem biex jużaha kif jixtieq!

Imma bil-għajnuna t’Alla, wara qawmien spitirtwali, dan it-tagħlim ġie mwarrab, għalkemm għad hawn minn għadu jemmen hekk. Il-Bibbja u kitbiet oħra sagri kollha jgħinuna biex nifhmu sewwa t-tagħlim tagħhom dwar l-ambjent, kif sejrin naraw minn dawn it-titwiliet meħudin minn reliġjonijiet differenti.

Fl-artiklu li jmiss nagħtu ħarsa lejn il-bilanċ delikat u xi jgħidu r-reliġjonijiet fuq dan.

aebaldacchino@gmail.com