L-­ISPEĊI INVAŻIVI… u l­-Mepa

April 14, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 14 ta’ April, 2014

L-­ISPEĊI INVAŻIVI… u l­-Mepa

 Alfred E. Baldacchino

  F’kumment ieħor rajna kif is­-siġra tal­-Akaċja tal-Ħarir, jew Albizia tista’ jkollha impatt ferm negattiv fuq il­-biodiversità Maltija. Dan minkejja l-­linji gwida fil-­pubblikazzjonijiet kollha tal-MEPA. Pjanta oħra li ddaħħlet f’pajjiżna u qed tagħmel il-­ħsara hija l-­Pjuma, jew Peniżetum (Penisetum setaceum) li matul dawn l­-aħħar snin tħawlet bi kwantità fit-toroq wara li ġiet importata minn barra. Wieħed jista’ jaraha fid­-dwawar fit­-toroq (roundabouts ­- ftit hemm minnhom  fejn ma ssibhiex) u f’kull roqgħa art matul it-toroq prinċipali. Quddiem il-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu hemm medda twila mhux ħażin minnha.

Il-Peniżetum jikber fil-Birgu.

Il-Peniżetum jikber il-Birgu.

Din il-pjanta tikber f’pajjiżi li ma għandhomx xitwa kiefra, u ma tiddejjaq xejn tikber fid-dell. Tant hija b’saħħitha li anki jekk tinħaraq tikber b’aktar ħerqa. In­-nar jgħinha biex tikkompeti ma’ pjanti indiġeni u tbiddel l-ekoloġija tal-post, tfaqqar l-ambjent mill-ispeċi indiġeni, tbiddel l­-ekoloġija tal-ħamrija, u anki tbiddel il-kompożizzjoni tal­-fawna u n­-numru tagħhom. Il-Peniżetum jew il­-Pjuma tkun bil-fjuri kważi s-sena kollha. Hija tista’ tgħix għal madwar 20 sena. Iż­-żerriegħa tagħha tinfirex bir-riħ, bil­-karozzi, permess tal-bniedem, bl­-ilma, bl-annimali li jġorruha meta teħel mal-pil tagħhom, u anki bil-għajnuna tal-għasafar. Il-karozzi u l-annimali jistgħu jeħduha distanzi twal.

Il-karozzi jgħinu biex iż-żerriegħa tal-Peniżetum tinferrex 'l bogħod fil-madwar

Il-karozzi jgħinu biex iż-żerriegħa tal-Peniżetum titferrex ‘l bogħod fil-madwar

Iż-żerriegħa tal­-Peniżetum tikber fejn hemm biżżejjed umdità u b’hekk mill-ewwel tiksi nħawi imqallba fejn ma jkunx hemm xita spissa. Hija tadatta malajr għall-ambjenti differenti.

Il-Peniżetum tikber kull fejn issib ftit umdità

Il-Peniżetum tikber kull fejn issib ftit umdità.

Din hija pjanta indiġena tal-Afrika u l-Lvant Nofsani. Fil­-pajjiżi fejn hija indiġena tikber f’ambjent nieqes mill-ilma. Infatti f’pajjiżha hija aktar rari milli fil-partijiet oħra tad­-dinja fejn ġiet imdaħħla u fejn invadiet. L-inħawi li tinvadi, fost oħrajn, jinkludu ambjenti naturali u mħarbta, għaram ramel, mal-ġnub tat­-toroq, f’kull xaqq fil-blat jew taħt il­-bankini. Biex namluhiela aktar faċli hawn Malta, fid­-dwawar fit-toroq u partijiet oħra fit-toroq inbexxuha bl­-ilma. Naturalment iħallas il­-poplu u l-ambjent.

Il-viżjoni pollitika u uffiċjali tal-MEPA

Il-viżjoni politika u uffiċjali tal-MEPA. U l-poplu u l-ambjent iħallsu.

Kif rajna f’artikli oħra, il-MEPA hija l-Awtorità Kompetenti responsabbli, għall-anqas fuq il-karta, biex tara, fost oħrajn, li l­biodiversità ta’ pajjiżna tkun imħarsa. F’wieħed mill-pubblikazzjonijiet tagħha l­-MEPA tgħid litagħraf il-fatt li l­-pjanti ornamentali huma magħrufa bħala r-raġuni ewlenija tal-pjanti invażivi fil-gżejjer Maltin. U għalhekk wieħed għandu jara li qabel ma jintroduċi speċi ġodda fil­-villaggi, bliet jew inkella jħawwilhom fuq skala kbira, wieħed għandu jikkonsulta l-linja gwida tal­-MEPA. Il-pubblikazzjoni tal-MEPA jgħidu li l­-firxa ta’ dawn l-ispeċi nvażivi qed tkun ta’ tħassib ambjentali. Tant illi huwa aċċetat li l-ewwel pass huwa li titwaqqaf id-dħul ta’ speċi invażivi. Iżda hemm bżonn li tittieħed azzjoni minħabba li l­-firxa  u l-impatti ta’ dawn l-ispeċi invażivi qed timmina sforzi għaddejjin biex tiġi mħarsa l­-biodiversità tal-gżejjer Maltin, tgħid il-MEPA! Tgħid ukoll li speċi ġodda qed jagħmlu ħsara kbira fl­-ambjent tagħna, kif ukoll huma ta’ tħassib għal Malta.

Ir-riżultat tal-użu ta' pjanti invażivi mingħajr ebda ħsieb ħlief dak ta' qligħ ta' flus.

Ir-riżultat tal-użu ta’ pjanti invażivi mingħajr ebda ħsieb ħlief dak ta’ qligħ ta’ flus.

Mill-kliem għall-fatti hemm baħar jikkumbatti jgħid il­-Malti. Il-MEPA hija magħrufa li qatt ma kellha qalbha taħraq għall-ħarsien tal-ambjent. U wara li d-dipartiment tal­-ambjent fl­-2002 tqiegħed f’ħoġorha, mill-ewwel ħakmithu, libsithu sarima, u għamlithu s­-Sindirella tagħha. Illum dan jinstab orfni fil-limbu tal­-MEPA. U llum il­-MEPA qed tistenna bil­-ħerqa kollha biex l-ambjent jitneħha minn ħdanha għax taħseb li hekk ma tħossx aktar il-piż tal-qerda tal-ambjent tal-gżejjer Maltin li hija qed tħalli jsir. Jekk wieħed iħares lejn il-proposti tagħha għall­-bdil fil-politika tal-ODZ (Żvilupp fiż­-Żoni barra l-Iżvilupp), dawk tal-iSPED (Pjan Strutturali għall-Ambjent u l-Iżvilupp), il-proposti għat­-twaqqif tal-Awtorità għall­-Iżvilupp tal-Ippjanar, u deċiżjonijiet meħuda mill­-MEPA, bħal fost ħafna oħra, ngħidu aħna d­-deċiżjoni tal-bini taċ­-ċimiterju tan-Nadur f’Għawdex, u l­-permessi tal-bini mostruż fil­-Mistra bl­-impatt ta’ ħsara kbira soċjali u ambjentali, wieħed jara kif u kemm il­-MEPA falliet fil-qadi ta’ dmirijietha lejn il­-ħarsien tal­-ambjent ekoloġiku u lejn is-soċjetà Maltija. Dan minkejja li l-poplu qed iħallasha biex tħarislu l­-ambjent tiegħu. Ara x’ġej meta ssir Awtorità tal­-Ippjanar tal-Iżvilupp! Sfortunatament l­-ambjent xejn ma hu fuq quddiem fuq l­-agenda politika tal­-partiti. Dan jidher ukoll mill­-fatt li llum l-hekk imsejjaħ landscaping li hija attività b’impatt kbir fuq il-biodiversità, qiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tat-Transport u l-Infrastruttura. U dan, mingħajr l­-għajnuna professjonali fil-qasam tal-biodiversità, u bil-MEPA ma tara, ma tisma’, u ma tgħid xejn, il-Ministeru japprova dan kollu, u l-poplu u l­-ambjent iħallsu.

Iż-żerriegħa tal-Peniżetum lesta biex tissiefaħ 'l bogħod u tikber fejn taqa' - dejjem bil-barka tal-MEPA

Iż-żerriegħa tal-Peniżetum lesta biex tissiefaħ ‘l bogħod u tikber fejn taqa’ – dejjem bil-barka tal-MEPA.

Huwa għalhekk li kull darba li ngħaddi mit-toroq fejn ikun hemm il­-Peniżetum tikber (fost pjanti invażivi oħrajn), kemm fid­-dwawar fit-toroq, kif ukoll taħt il-bankini, xagħri, wesgħat imqallba u postijiet oħra fejn ħarbet, inkompli nsaħħaħ il­-fehma tiegħi li l-MEPA falliet bis-sħiħ. U ma għandniex xi ngħidu l­-falliment tal-MEPA jkaxkar miegħu l­-falliment tal-politikanti responsabbli minnha. Dan minkejja liġijiet Maltin u dawk internazzjonali, inklużi dawk tal­-Unjoni Ewropea. Dan sejjer jagħmilna l­-aħjar fl-Ewropa għal mod kif niġu naqgħu u nqumu mill­-obbligj u viżjoni tal-ħarsien tal-ambjent u l-impatt soċjali. U filwaqt li kulħadd jgħajjat bid­-drittijiet tal-minoranzi, mid­-dehra il­-maġġoranza ma għandha l­-ebda dritt. Bla dubju Malta hija tagħna lkoll, imma nħoss li l­-viżjoni soċjali u ambjentali qiegħdin taħt muntanja ta’ flus. Illum naraw li huma l-ftit li qed jiddettaw u jistagħnaw għas-spejjeż tal-ħafna. Bħalma qed jagħmlu l­-ispeċi invażivi li qed jerdgħu kull roqgħa ta’ pajjiżna, bil-barka tal­-MEPA.

 

aebaldacchino@gmail.com  

Advertisements

L­-Akaċja tal­-Ħarir… ­ siġra invażiva

February 24, 2014

NewsBook

It-Tnejn, 24 ta’ Frar, 2014

L­-Akaċja tal­-Ħarir… ­ siġra invażiva

Alfred E. Baldacchino

 Kif rajna fl-­ewwel u fit­-tieni artiklu fuq is-­siġar, is-­siġar barranin jista’ jkollhom impatt negattiv ekoloġiku, soċjali u finanzjarju. Mhux biżżejjed li wieħed jgħid kemm huma sbieħ u kemm jagħmlu fjuri sbieħ, imma wieħed irid iqis jekk dawn hux sejjer ikollhom impatti, kemm diretti kif ukoll indiretti, liema ħsarat iħallsuhom l-­ambjent ekoloġiku u s-­soċjetà.

L-­Unjoni Ewropea għandha r-­regolamenti tagħha biex speċi invażivi jiġu kkontrollati, minħabba l-­impatt negattiv tagħhom. Kull sena l­-UE tħallas madwar €16 billion biex tikkontrolla speċi invażivi.

F’kull pajjiż imsieħeb fl-­UE hemm Awtorità Kompetenti biex tara li l-obbligi tal­-Unjoni Ewropea jkunu osservati u enforzati. Wieħed mill-aħjar kontrolli huwa li dawn ma jitħallewx jidħlu. F’pajjiżna din l­Awtorità Kompetenti hija l-­MEPA.

Mis-­sħubija tagħna mal­-Unjoni Ewropea fl­-2004 ’l hawn, il­-MEPA ħarġet numru ta’ pubblikazzjonijiet dwar dan is-­suġġett, bħal ngħidu aħna Malta’s National Biodiversity Strategy and Action Plan 2012-2020; Guidelines on managing non-native plant invaders and restoring native plant communities in terrestrial settings in the Maltese Islands; Major Plant Invaders and Possible Management Options Datasheets, fost oħrajn. Wieħed ma jistgħax jgħid li dawn ma humiex pubblikazzjonijiet kuluriti, sbieħ u b’kontenut mitqlu deheb, imma b’għafsa ta’ qalb wieħed jara li l-MEPA nnifisha ħafna drabi ma tagħtix każ ta’ dawn il­-pubblikazzjonijiet tagħha stess, b’deċiżjonijet jew nuqqas tagħhom, jew inkella b’nuqqas ta’ infurzar, minkejja numru ta’ kritika kontra dan id­-dħul f’pajjiżna ta’ speċi invażivi li wkoll qed iħallu l-impatt nagativ tagħhom.

Nagħtu ħarsa lejn xi speċi invażivi li qed jiddaħħlu f’pajjiżna minkejja obbligi nazzjonali u internazzjonali. Dan juri n-­nuqqas ta’ rieda fil-qasam politiku li jinjora l-­impatti negattivi soċjali u ekoloġiċi, filwaqt li jagħti appoġġ għami lill­-qasam kummerċjali. Dan juri wkoll li l-pubblikazzjonijiet tal­-MEPA ma jinħarġux b’konvinzjoni imma b’konvenjenza biex forsi jmewwtu xi ftit lil dawk li għandhom interess ġenwin nazzjonali u soċjali, u forsi jtaffu t­-toqol tal­-kuxjenza (dejjem jekk din għadha teżisti).

Akaċja-tal-Ħarir---Albizja

Il-fjuri tas-siġra tal-ħarir/albizia

Waħda minn dawn is-­siġar invażivi li qed tiddaħħal dan l-­aħħar, biex kif jingħad issebbaħ l-­art, hija l-­Akaċja tal­-Ħarir jew Albizia. Din hija indiġena għal­-lbiċ u lvant tal­-Asia. Tikber bejn ħamsa sa 12­-il metru għoli u tinża mill-­weraq fix­-xitwa. Tagħmel ħafna fjuri folti matul is-sajf kollu. U wieħed ma jistax jgħid li l-­fjuri ma humiex sbieħ. Imma ħafna fjuri jagħmlu ħafna żerriegħa, li jibqgħu tajbin anki f’perjodi ta’ nuqqas ta’ ilma. Kull fjura mdakkra tagħmel miżwed (jixbah lil dak tal-ħarrub). Kull wieħed ikollu madwar tmin żerriegħat. U s-­siġra tkun miksija b’dawn l-­imżiewed. Meta jsir il-­miżwed jispara ’l barra ż-żerriegħa ta’ ġo fih, biex l-ispeċi tkun tista’ tnissel siġar oħra. Din tinġarr distanzi twal. Dawk l-­imżiewed li ma jisparawx iż-­żerriegħa tagħhom, jaqgħu fl-­art u hekk iż­-żerriegħa tinfirex f’kull xaqq u rokna tal­madwar. Barra minn hekk iż-­żerriegħa tinġarr wkoll permezz tal-­ilma. Tista’ tinxtered ukoll minn dawk l-­annimali li jikluha.

Minħabba li tiflaħ għall-­mard u anki minħabba li hija aggressiva ħafna bħala siġra invażiva, fl-­Amerika ma għandhiex appoġġ biex tintuża bħala siġra ornamentali. Minbarra f’hekk l­-Albizia hija wkoll allepatika, jiġifieri minnha toħroġ kimika bioloġika li tgħakkes lill-biodiversità ta’ madwarha. Ukoll, minħabba d­-dell li tagħmel ma tħallix pjanti oħra jikbru taħtha.

Albiżia-miżwed

Iż-żerriegħa tal-akaċja tal-ħarir/Albizia. Mur ikkontrollahom dawn!

L-­Albizia jew l-­Alkaċja tal-­Ħarir hija wkoll siġra opportunistika u tikber anki fuq ħamrija u art imqallba, tikber fil-­ġnub tat-­toroq u tista’ ukoll toħloq problemi fil­-widien fejn iż-­żerriegħa tagħha tinġarr mill-­ilma.

Dan l-­aħħar kont sejjer lura d­-dar minn Wied il­-Qlejgħa. Għaddejt mill-Imtarfa u fil­-ġnien ġdid għat-­tfal li għadu kemm fetaħ il­-Ministru tat-Trasport u l-­Landscaping, ilmaħt tlieta minn dawn is­-siġar, f’roqgħa li tiflaħ waħda. Huwa ferm faċli u probabbli li jekk din is­-siġra titħalla tikber hemm, fi ftit żmien tibda tikber f’Wied il­-Qlejgħa bi ħsara kbira ekoloġika, soċjali u anki ekonomika. U wieħed jista’ bla tlaqliq jgħid li dan ikun sar jew bil-­barka kollha tal-­MEPA, jew inkella bin-­nuqqas ta’ inforzar tal-­obbligi tagħha.

Hemm siġar oħra minn din l-­ispeċi mħawwla dan l-­aħħar madwar il-pajjiż, bħal ngħidu aħna wħud fil-­Kotonera, fejn tħawwlu numru ta’ siġar minn kull parti tad-­dinja li swew lill-­poplu madwar €30,000, bil-possibiltà tal-impatt dirett u indirett tagħhom. Ara x’wieħed setgħa jagħmel b’dawn il-­flus biex jgħallem, ikattar u joħloq apprezzament lejn il-­biodiversità Maltija. Imma…

Dan kollu minkejja l­-kliem sabiħ fil­-pubblikazzjonijiet kuluriti tal-MEPA. Wieħed mill-­għanijiet f’dawn il­-pubblikazzjoni huwa li l­-MEPA tgħid li trid tieħu miżuri biex ma tħallix l­-introduzzjoni u t-­tixrid ta’ speċi invażivi li jidħlu u jistabilxxu ruħhom fl­-ambjent Malti, filwaqt li dawk li diġà hemm jiġu identifikati u kkontrollati u meqruda, u theddida ta’ speċi invażivi f’pajjiżna tkun imxejna.

Id-­dħul ta’ din is-­siġra u oħrajn bħala, u mil-­mod kif qed jiġu mħawwla mal-­pajjiż ma tantx jidher li l-­MEPA qed timxi fuq il-­pariri  tagħha stess, u lanqas juri li għandha xi rieda li tilħaq dan il­-għan.

Illum il-­MEPA hija taħt ir­responsabbiltà ta’ Segretarju Parlamentari fl­uffiċċju tal­-Prim Ministru. B’dispjaċir wieħed ma jistax jgħid li fil-qasam tal­-ħarsien tal-­ambjent qed isir xi titjib fuq l-­istat miskin li l-ambjent kien jinstab dawn l­-aħħar snin, minkejja li l-­partit fil-­gvern ġej mill­-kamp soċjalista. U l-­ħsara soċjali u ambjentali għadha għaddejja qisu mhu qed jiġri xejn. Ir-­rieda politika favur il­-ħarsien tal­-ambjent, minflok issaħħet iddgħajfet.

Aktar ’l quddiem naraw speċi invażivi oħrajn, kemm fawna kif ukoll flora, li jew iddaħħlu fil-­passat qarib, jew inkella iddaħħlu f’dawn l-aħħar snin, jew li minkejja li huma meqjusa li huma invażivi kemm mir-­regolamenti Maltin kif ukoll dawk tal­-Unjoni Ewropea, xorta għadhom jitħawlu, dejjem bil-­barka tad­-direzzjoni politika.

Sakemm il­-MEPA tibqa’  timxi bla skrupli dwar il-­qerda tal­-ambjent… miskin l-­ambjent u miskin il-­poplu Malti.

aebaldacchino@gmail.com

alfredbaldacchino.wordpress.com

ara wkoll

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2014/01/30/2-%C2%AD-is-%C2%ADsigar-barranin-l%C2%AD-impatt-dirett-taghhom/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2014/02/12/is-%C2%ADsigar-barranin-l-%C2%ADimpatti-ta-vizjoni-ghamja/

https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2012/10/29/eu-stand-on-invasive-species/?preview=true&preview_id=1428&preview_nonce=a567ef0e1b