Kummenti fuq il-Baġit mill-aspett tal-ambjent


il-Ħadd, 4 ta’ Novembru 2018

Tħawwil ta’ siġra għal kull wild

… kliem li aktar juri l-falliment tal-Minsteru tal-Ambjent

Alfred E. Baldacchino

Dwar l-ambjent u l-baġit li ġie ppreżentat smajna ħafna. L-argumenti ma jonqsux. IT-TORĊA tkellmet mal-ekoloġista Alfred E. Baldacchino, dwar il-ħsibijiet tiegħu rigward il-miżuri li ttieħdu fil-baġit dwar l-ambjent. Alfred E. Baldacchino jgħidilna li:  

Filwaqt li taqsima 5.0 ‘Ninvestu fl-Ambjent’ fiha daħla bi kliem sabiħ u ta’ tifhir, bħal: Il-Gvern jinsab konvint li investiment fl-ambjent se jfisser ukoll tkabbir u titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, imma ftit li xejn hemm indikazzjoni ta’ miżuri jew għajnuna finanzjarja għall-ambjent, fil-milja kollha tiegħu, “biex dan il-qasam daqstant importanti u sensittiv jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.”

“5.4 Aktar siġar”

L-unika miżura li tispikka dwar l-ambjent fid-diskors tal-Ministru tal-Finanzi hija li: “Biex inkomplu nsebbħu l-ambjent, mis-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jiżra’ siġra f’isem kull tifel u tifla li jitwieldu f’pajjiżna. Dan ifisser li kull sena se jkunu qegħdin jitħawlu madwar 4,000 xitel ta’ siġar.“

Għalija dan huwa kliem li aktar juri l-falliment tal-Minsteru tal-Ambjent milli xi ħaġa oħra.  U bil-viżjoni li bħalissa tirrenja fil-Minsteru tal-Ambjent, din tista’ tkun aktar ta’ ħsara milli ta’ ġid mill-aspett ta’ biodiversità.

5.3 Twaqqif ta’ Ambjent Malta

“Din is-sena qegħdin isiru preparamenti biex titwaqqaf Ambjent Malta bl- iskop li tindokra u tieħu ħsieb il-wirt naturali tagħna.” Pass tajjeb li jista’ jkollu riżultati pożittivi, dejjem jekk titmexxa fuq passi professjonali. Imma biex wieħed ikun jista’ jiffoka fuq “l-implimentazzjoni tal-immaniġġjar ta’ siti Natura 2000 filwaqt li se nkunu qegħdin nagħmlu l-kampanja tagħna aktar aċċessibbli għaċ-ċittadin” u “Permezz ta’ hekk se nkunu wkoll qegħdin nippromwovu infrastruttura ħadra għaż-żoni urbani tagħna.” hemm bżonn ta’ riżorsi, mhux biss finanzjarji imma anki kapitali.

Kif intqal ukoll l-Ambjent Malta sejra tkun responsabbli wkoll għat-‘tindif tal-widien’ u għat-tisbieħ tal-art jew kif inhu magħruf il-‘landscaping’.

Kont qed nistenna xi kumment x’se jsir bit-€8 miljun li qed jintefqu kull sena u li ftit li xejn qed ikun hemm riżultati professjonali u permanenti. Aktar u aktar issa li hemm l-Ambjent  Malta li qed tieħu ħsieb dan ix-xogħol. U aktar u aktar meta dawn it-€8 miljuni  qed jiqu amministrati fuq ftehim li mhux accessibli għall-poplu.

Meta wieħed iħares lejn it-tabelli li hemm mehmuża mad-diskors, isib li filwaqt li kien hemm xi żieda fl-ammont lill-Ministeru tal-Ambjent, ir-raġunijiet mogħtija għal dawn huma għall-“allowances” u għall-“Waste Management Strategy”. L-ebda referenza għall-Ambjent Malta.

Anki fil-qasam tal-infiq kapitali kien hemm tnaqqis ta’ madwar €4 miljun. U ma nafx kif dan kollu jista’ jwassal “biex dan il-qasam daqstant importanti u sensittiv jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.”

5.5 Enerġija u Ilma

Ħsieb li nnotajt huwa li “Il-Gvern bħalissa qed jaħdem ukoll fuq il-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima għall-perjodu 2020-2030” li wieħed jassumi li dan jinkludi wkoll lir-riżorsi tal-ilma ta’ dawn il-gżejjer. Veru daqsxejn tard wara l-isforzi kbar li saru minn għaqdiet u individwi f’dan il-qasam, l-aktar fuq il-ħela u t-teħid tal-ilma tal-pjan bla kontrol. Imma anki hawnhekk l-emfasi qegħda fuq is-settur domestiku. U dak industrijali, agrikolu, u ambjentali?

Huwa minnu li taqsima “5.7 Ilma”, titkellem fuq miżura li sejra “tipprovdi seba’ miljun metru kubu ta’ ilma ġdid, u b’hekk se tikkontribwixxi biex jinkisbu  riżultati sostenibbli tal-użu tal-ilma, parti kbira billi titnaqqas l-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art” li huwa ħsieb tajjeb.

Inħoss li ma hemmx miżuri biżżejjed fil-qasam ambjentali ħolistiku.  Ngħidu aħna mizuri ambjentali edukattivi, ekoloġiċi, u anki fil-qasam tas-saħħa ambjentali, u nistaqsi lili nnifsi: dan huwa nuqqas ta’ provisjoni tal-Minsteru tal-Ambjent, jew inkella nuqqas ta’ amministrazzjoni li qed iċċaħħad lill-Minsteru tal-Ambjent biex jaħdem “biex dan il-qasam daqstant importanti u sensittiv jingħata l-attenzjoni li jixraqlu?”

aebaldacchino@gmail.com

 

Advertisements

4 Responses to Kummenti fuq il-Baġit mill-aspett tal-ambjent

  1. BRIAN FARRUGIA says:

    X`qed isir biex New Water li jaqa mis-sema ma jigix mituf fil-bahar ?

    • L-ewwel dak l-ilma li jiġi b’xejn mis-sema nefqu madwar €57 miljun biex tħaffret mina ħalli dan jintrema l-baħar. Issa li l-politikanti qed jaraw xi żball sar u x’ħela ta’ riżorsi, naħseb li nonfqu xi €57 miljun ieħor biex narraw kif dan insalvawh. Ma għadniex xi ngħidu li ara kemm ċappsu subgħajhom nies, politiċi u mhux imsieken, f’dan il-proġetti, dejjem kif jgħidulna fl-interess tal-poplu u tal-ambjent! U dan meta għandna Authorita biex tfassal għall-ġenerazzjonijiet futuri, imħallsa minn flus il-poplu u mmexxija minn nies akkademici, l-aktar periti!

  2. Vincent Gauci says:

    Imma għaliex aġenzija ġdida ? Aħjar saħħaħna l-ERA u rajna li jkollha vuċi effettiva fl-ippjanar tal-art milli noħolqu aġenzija ġdida. Jew divide and rule?
    Rirward l-ilma, kif se jiġi konvint il-bidwi li juża n-NEW WATER flok l-ispiera li għandu fl-għalqa?

    • Vince, l-Ambjent Malta mhux agenzija. Hija flok il-P.A.R.K.S. u bħalma kienet il-P.A.R.K.S. taqa’ direttament taħt il-Ministeru tal-Ambjent. Tagħmel dak li jgħidilha l-Ministeru u fejn tmur xi ħaġa mhux tajba, jkun tort tal-Ambjent Malta. Speċi ta’ kontenitur fejn il-Ministeru jaħsel idejh!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.

%d bloggers like this: