Fjuri indiġeni Maltin 10 – Is-salvja tal-Madonna


Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard – Festa Santa Marija – Mosta

l-Erbgħa, 15 ta’ Awissu, 2018

Is-salvja tal-Madonna

Alfred E. Baldacchino

Is-salvja tal-Madonna hija waħda mill-ħafna speċi ta’ fjuri indiġeni Maltin li taqsam din l-art magħna. Iltqajna magħha fl-aħħar kitba li dehret f’din il-pubblikazzjoni s-sena l-oħra meta tkellimna fuq Wied il-Għasel.

Is-salvja tal-Madonna ilha tikber fil-gżejjer Maltin minn qabel il-bniedem rifes fuq dawn il-gżejjer. Għalhekk hija indiġena. Dan ifisser li din il-pjanta tinstab tikbr ukoll f’pajjiżi oħra. Din tinstab tikber ukoll fis-selvaġġ fl-għoljiet madwar il-Mediterran mill-Greċja sal-Iżrael. Tikber ukoll fl-Albanija, fl-Italja, fil-Bożnija Ħerzegovina, fil-Kroazja, fil-Maċedonja, fil-Montenegro, fis-Serbja u fis- Slovenja.

Din l-ispeċi tagħmel parti mill-familja Lamiaceae, familja li hija magħrufa bħala l-familja tal-menta. Din il-familja tħaddan fiha madwar 236 ġeneru li fihom jiġbru aktar minn 7,000 speċi mxerrda mad-dinja. Uħud minn dawn huma mkabbra kemm għall-weraq ifuħ u l-fjur li jiġbed l-għajn. Dan jagħmel il-familja Lamiaceae, waħda importanti għall-bniedem anki minħabba n-numru ta’ ħwawar li juża biex jgħinuh jagħti togħma aħjar lill-ikel, biex jagħmel il-fwieħa, jew fl-użu medicinali. Fost dawn insibu l-ħabaq, in-nagħniegħ, il-klin, is-salvja, il-merqdux, l-origano, l-issopu, is-sagħtar, il-ħabaq, is-sagħtrija u l-lavanda.

Wieħed mill-ġeneru f’din il-familja huwa l-Phlomis, ġeneru li jiġbor fih madwar 100 speċi ta’ pjanti. Dan il-ġeneru huwa magħruf ukoll għall-użu fil-mediċina tradizzjonali. L-ispeċi f’dan il-ġeneru għandhom kimika bioloġika li tintuża għall-kuluri, għall-fwieħa, u għall-mediċina tradizzjonali bħal kontra d-diabete.

Is-salvja tal-Madonna hija waħda mill-ispeċi f’dan il-ġeneru Phlomis. Fil-gżejjer Maltin tikber mal-ġnub tal-widien, qalb il-blat, fix-xagħri, fil-makkja u anki fl-isteppa. Hija tikber minn sena għall-sena, togħla minn metru sa tnejn u tinfetaħ madwar metru u nofs, daqs li tilħaq meta jkollha minn 5 sa 10 snin.

Il-magħseb tagħha huwa twil, muswaf, u jwieżen weraq griżi jagħtu fl-aħdar, bojod minn taħt, u li jinħassu qishom bellus. Il-werqa tkun forma ta’ qalb fejn taqbad mal-magħseb b’għonq twil madwar 4 ċm, u ġejja għall-ponta, twila anki sa 12-il ċm. Jingħad li l-weraq tagħha jintużaw kontra s-sogħla.

Il-fjuri tas-salvja tal-Madonna jkunu madwar 3 ċm twal, u jidhru fi troffof sofor b’leħħa oranġjo, qishom tubi minn 3 sa 9 ċm twal, f’saffi fuq xulxin. Dawn ikunu jfuħu u jidhru bejn Marzu u Ġunju jikbru madwar xulxin f’għaqda ta’ 20, fuq għonq qasir.

Is-salvja tal-Madonna kienet magħrufa minn Wied Inċita, Wied il-Għasel, il-Mellieħa, Misraħ Għonoq, il-Majjiesa, l-Aħrax, il-Buskett, Ħad-Dingli, Ħofret ir-Rizz, Wied Anglu, Binġemma, Wied Ħesri, matul il-Victoria lines, u fil-madwar ta’ Għar lapsi.

ir-ras tal-fjura niexfa biż-żerriegħa ġo fiha

Mhux diffiċli xejn biex tnissel is-salvaja tal-Madonna. Iż-żerriegħa li tinġabar għandha tinżera’ fir-rebbiegħa u, jew titpoġġa għall-ewwel f’serra, jew inkella f’qasrija mogħttija bi ħġieġa. Imma din ma għandhiex titħalla fix-xemx. Meta tnibbet u wieħed ikun jista bis-swaba’ jaqbad l-ewwel weraq li joħorġu miż-żerriegħa, għandha titpoġġa waħda waħda f’qasrija għaliha. Iżda ma għandhiex titħalla fix-xemx għall-ewwel sena. Din tista’ titħawwel fl-art fir-rebbiegħa ta’ wara, f’post fix-xemx imma li ma jżommx l-ilma.

Is-salvja tal-Madonna tista’ titnissel ukoll bil-biċċiet. Għandhom jintagħżlu biċċiet li jkunu sejrin jagħmlu l-injam u dawn jitħawlu bejn Lulju u Awissu.

Hija tiflaħ għan nixfa u ma għandhiex bżonn ta’ ħafna fsied. Tista’ tintuża biex iddawwar xi wesgħat, anki jekk dawn ikunu żgħar, kif ukoll tintuża fil-ġonna. F’pajjiżna hija mhedda u għalhekk hija mniżżla fil-ktieb l-aħmar ta’ Malta.

Hija ħasra li pjanta sabiħa bħas-salvja tal-Madonna hija daqshekk imwarrba. Hija tista’ tintuża anki biex isebbaħ l-ambjent urban tal-gżejjer tagħna, iżda minflok hekk, qed jinġabu pjanti eżotiċi barranin. F’pajjiżi oħra fejn tikber, din tintuża biex issebaħ il-ġonna kif ukoll għall-bukketti tal-fjuri. Hija fjura li tiġbed lejha numru ta’ naħal u friefet.

aebaldacchino@gmail.com

Ara wkoll:

Fjuri indiġeni Maltin 9 – In-narċis

Fjuri indiġeni Maltin 8 – Il-kaħwiela

Fjuri indiġeni Maltin 7 – Is-sempreviva ta’ Għawdex

Fjuri indiġeni Maltin 6 – Għajn is-serduq

Fjuri indiġeni Maltin 5 – It-tengħud tax-xagħri

Fjuri indiġeni Maltin 4 – It-tengħud tas-siġra

Fjuri indiġeni Maltin 3 – Il-kappara

Fjuri indiġeni Maltin 2 – Il-kromb il-baħar

Fjuri indiġeni Maltin 1 – Il-ħannewija

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.

%d bloggers like this: