Fjuri indiġeni Maltin 9 – In-narċis


In-narċis

Alfred E. Baldacchino

It-Tnejn, 11 ta’ Diċembru, 2017

In-narċis jagħmel parti mill-familja Amaryllidaceae, familja li tiġbor fiha speċi ta’ pjanti li ma jagħmlux injam, li jikbru minn sena għal sena fil-biċċa l-kbira tagħhom minn basla. In-narċis huwa speċi indiġena għall-Mediterran, għalkemm ġiet meħuda f’numru ta’ pajjiżi oħra fejn bdiet tikber fis-selvaġġ waħeda.

In-narċis huwa indiġenu wkoll għall-gżejjer Maltin u huwa komuni. Wieħed jista’ jiltaqa’ miegħu f’għelieqi, fil-widien, fi rqajja mhux maħduma bil-blat.

Il-fjura tan-narċis għandha sitt petali bojod, ovali wiesgħa, u f’nofsha għandha tazza qisa’ kuruna safra li tkun wiesgħa darbtejn aktar milli tkun għolja. Il-fjura tkun bejn 20 sa 40 mm diametru. Din tikber fuq magħseb li jista’ jogħla minn 30 sa 45 ċm. Fuq dan il-magħseb jista’ jkun hemm sa madwar tmien fjuriet, kollha jserħu fuq għonq żgħir, f’forma ta’ umbrella ħerġin minn fomm wieħed, jħarsu ‘l barra u kemmxejn imdendlin l-isfel. Huma għandhom riħa ħelwa tfuħ ħafna.

Ġot-tazza f’nofs kull fjura jkollha sitt għenuq qosra, ta’ żewġ daqsijiet, li fuqhom iġorru l-boroż bl-għabra tad-dakkra. In-narċis jidher għall-ħabta ta’ Ottubru sa Frar. Il-fjura għanda ħajja qasira ħafna.

Il-weraq joħroġ mill-basla. Dan huwa rqiq u ċatt qisu żigarella wiesgħa minn 3 sa 15-il mm,  u li jista’ jkun twil sa 40 ċm. Il-lewn ta’ dan il-weraq huwa jew aħdar jew aħdar jgħati fil-blu.

il-partijiet tal-pjanta tan-narċis

Meta l-fjura tiddakkar, jiġifieri l-għabra tad-dakra minn fuq l-għenuq żgħar bil-għajnuna tal-insetti, bħal ngħidu aħna, in-naħal, tasal fl-ovarju fejn ikun hemm l-għenieqed tal-bajd, tifforma l-frotta. Ġo din il-frotta jkun hemm iż-żerriegħa. Din il-frotta issir qisha bajda żgħira żengulija li meta tinxef tinqasam u titfa’ ż-żerriegħa sewda ta’ ġo fiha ‘l barra.

kif iż-żerriegħa tittajjar mill-frotta tan-narċis

Wara li jinxfu l-fjura u l-weraq, u ż-żerriegħa tkun waqgħet fil-madwar, il-basla taħt l-art torqod, u l-għeruq tagħha jiġbduha aktar l-isfel fil-ħamrija. Il-basla tkun kemmxejn ovali, ġejja għall-ponta u miksija b’kisja kannella. Ġo fiha din taħżen kemm karboidrati kif ukoll ilma. Il-basla terġa tqum is-sena ta’ wara. Dan jgħin lin-narċis kontra r-ragħa tal-annimali, kif ukoll iħarisha minn nixfa u s-sħana tax-xhur tas-sajf.

Meta terġa tasal il-ħarifa, il-weraq u l-magħseb jitfaċċaw fuq wiċċ l-art wara li joħorġu mill-basla.

 

In-narċis kienet waħda mill-ewwel fjuri selvaġġi li kienet tiġi mkabbra għall-bejgħ, kemm bħala fjura kif ukoll bħala pjanti li minna kien jittieħed likwidu li jkollu l-karatteristiċi tal-fwieħa tal-pjanta (essential oils). Dan l-aktar li kien issir fi Franza fejn kien jintuża għall-fwieħa, għas-sapun, għall-kosmetiċi, u anki biex jagħti togħma lill-ikel u x-xorb, kif ukoll biex iżid ir-riħa tal-inċens u prodotti oħra tat-tindif tad-dar.

Anki hawn Malta in-narċis kien jinqata’ bi kwantitajiet kbar, u tfal kienu ta’ spiss ikunu fit-triqat ibiegħu bukketti tan-narċis. Dan ma tantx kien jgħin lin-narċis għaliex kif nafu kull fjura maqtugħa mis-selvaġġ ma tkunx tħalliet iżżerrgħa u hekk kien jintilfu ħafna żerriegħa tan-narċis. In-narċis kompla jikber mingħajr ma jiżdied billi l-basla tiegħu tfaqqas u minn dawn jitilgħu pjanti ġodda. Imma minħabba li ma kienx ikun hemm tidkir minn fjura għall-oħra bil-għajnuna tal-għabra tad-dakra, ma kienx ikun hemm ġenerazzjonijiet ġodda aktar addattati għall-bidliet fl-ambjent. Tant li jekk wieħed iżur dawk il-postijiet fejn kienu jinqatgħu ħafna fjuri tan-narċis għall-bejgħ, wieħed jista’ jara li n-narċis ta’ dawk l-inħawi huwa ferm iżgħar fid-daqs u ma jfuħx daqs dawk il-fjuri tan-narċis minn fejn dawn ma kienux jinqatgħu.

Narcissus (1590s) by Caravaggio (Galleria Nazionale d’Arte Antica, Rome)

Jingħad li l-isem tan-narċis huwa mnissel minn kelma Griega li tfisser  traqqad lis-sensi – narkotika. Jingħad ukoll li l-isem ġej mill-twemmin li din ħadet l-isem ta’ dak iż-żagħżugħ Narcissus li kien kaċċatur magħruf għas-sbuħija tiegħu. Tant kien kburi bih innifsu li kien iwarrab lil dawk kollha li kienu jħobbuh. Meta ra x-xbiha tiegħu fl-ilma ta’ għadira, tant ħabb lil din ix-xbiha u baqa’ jħares lejha li fl-aħħar miet għax tilef kull rieda li jgħix. Anki llum meta xi ħadd ikun iffisat fih innifsu u kif iħossu kburi u kif jidher u jarawħ in-nies, ngħidulu li dan huwa narċissiżmu.

M’hemm l-ebda dubju li n-narċis hija fjura sabiħa li ssaħħar. Imma mhux kulħadd iħares lejn in-narċis l-istess. Hemm dik il-mentalità tal-punent li jħarsu lejn in-narċis bħala fjura simbolu tal-vanità. Filwaqt li l-kultura tal-lvant aktar tħares lejn in-narċis bħala simbolu ta’ ġid u risq. Hemm dawk ukoll fil-lvant, li jaraw in-narċis bħala simbolu ta’ għajnjen sbieħ.

Imma l-għidut u t-twemmin, nieqes minn kull raġuni xjentifika, jwassal ukoll biex uħud iqisuha bħala fjura li ma ġġibilhomx risq u ma jkunux iriduha fid-djar tagħhom, minħabba li l-blanzun tan-narċis ikun imdendel kemmxejn ‘l isfel. Tant li fi żmien il-Griegi tal-qedem, din kienet titqies li għandha rabta mal-mewt, u għalhekk kienet titpoġġa fuq l-oqbra għax kien maħsub li din twassal għall-mewt.

Minkejja dan kollu n-narċis dehret ħafna f’kulturi differenti kemm fil-letteratura u fl-art ta’ ħafna artisti kbar matul is-sekli.

Jibqa’ l-fatt li n-narċis hija pjanta Maltija, li meta jasal iż-żmien tagħha tikber, tiksi u twarrad l-ambjent naturali Malti. Hija tgħin biex tkompli turi s-seher ta’ dawn il-gżejjer, minkejja li dan mhux apprezzat minn ħafna. U b’din il-ġirja mgħaġġla konsumista tal-lum, ħafna minna qed jiġi maqlugħ, mirdum u meqrud.

In-narċis għadu mhux mogħti ħarsien f’pajjiżna. Dan minkejja li din tista’ mhux biss issebbaħ l-ambjent naturali tagħna, imma anki l-ambjent urban, fejn tista’ wkoll tikber u ssaħħar lil dawk kollha li jafu japprezzaw u li jafu jifhmu l-mirakli tal-ħlejjaq l-oħra slavaġġ, bħal f’dan il-każ fejn il-flora, li kull sena mingħajr ħadd ma jħallashom jew jieħu ħsiebhom, iżejnu pajjiżna.

 

In-narċis – Narcissus tazetta – French daffodil

aebaldacchino@gmail.com

Ara wkoll:

Fjuri indiġeni Maltin 8 – Il-kaħwiela

Fjuri indiġeni Maltin 7 – Is-sempreviva ta’ Għawdex

Fjuri indiġeni Maltin 6 – Għajn is-serduq

Fjuri indiġeni Maltin 5 – It-tengħud tax-xagħri

Fjuri indiġeni Maltin 4 – It-tengħud tas-siġra

Fjuri indiġeni Maltin 3 – Il-kappara

Fjuri indiġeni Maltin 2-Il-kromb il-baħar

Fjuri indiġeni Maltin 1 – Il-ħannewija

Advertisements

6 Responses to Fjuri indiġeni Maltin 9 – In-narċis

  1. Dr. Brian Farrugia says:

    Fil-bipass ta` Hal-Ghaxaq go traffik island hemm roqqa zghira, jitillu wahedhom u jiehdu hsieb taghhom stess. Dejjem nistenna li jfeggu f` dawn iz-zmienijiet, qatt ma jfallu, sena wara sena.

    • Grazzi tat-tagħrif Dr Farrugia. Nispera u nitlob li ma jiġux dawk li jgħidu li qed isebbħu l-pajjiż u jbexxuhom kew jaħartuhom għax iqisuhom bħala ‘ħaxix ħażin’. Imma għid il-verità, ma humiex sbieħ hemm jitilgħu meta jasal żmienhom u jsebbħu l-pajjiż mingħajr ħadd ma jħallashom. Li kieku jkun hawn aktar irqajja fl-ibliet bi fjuri indiġeni Malta ma jkunux sbieħ u jgawdihom kulħadd?

  2. Nadia Cassar says:

    Xi sbuhija! Grazzi hafna 🙂

  3. Godfrey Camilleri says:

    Proset Alfred ta’ artiklu irricerkat tajjeb; verament pjanta sabieha.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.

%d bloggers like this: