Susa perikoluża għatba ‘l bogħod minn Malta


Alfred E. Baldacchino

Il-Ġimgħa, 9 ta’ Frar, 2017

Ħabib tiegħi poġġa l-ħolqa fuq il-facebook ta’ artiklu li deher fuq in-Newsbook dwar susa perikoluża, għatba ‘l bogħod minn Malta, li qed teqred is-siġar tal-ħarrub,

Skont Newsbook, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qal fi stqarrija li s-susa bl-isem xjentifiku ta’ Xylosandrus compactus ġiet innutata f’Ragusa Sqallija fir-rebbiegħa tas-sena l-oħra, fejn qerdet ħafna friegħi mis-siġra tal-ħarruba.

Filwaqt li l-awtoritajiet Taljani nedew miżuri sabiex dan l-insett jiġi kkontrollat, dan infirex matul is-sajf u l-ħarifa.

Id-Direttorat bħalissa jinsab għaddej b’kollaborazzjoni mal-Università sabiex jiġbor aktar dettalji u jkun armat jekk din il-ħanfusa titfaċċa Malta. Sa issa għadhom ma ġewx rappurtati każi ta’ dan l-insett f’Malta.

Il-kobor ta’ dan l-insett ivarja bejn il-1.4mm u l-1.9mm, u għandu forma kemxejn tonda u ċilindrika, u huwa ta’ lewn kannelli jew sewdieni.

Il-vittmi ta’ dan l-insett bosta drabi huma siġar u arbuxelli li jkunu diġa ddgħajfu minn qabel, iżda ġew rappurtati każi ta’ siġar friski li nqerdu mis-susa.

Id-Direttorat irrimarka li din hija waħda mill-ftit susi li jinfestaw u jeqirdu pjanti b’saħħithom, u tappartjeni għal familja ta’ susa li hi differenti mill-familji l-oħra minħabba l-mod kif tħaffer fiz-zokk.

———-0———-

Christian Borg fuq il-facebook kiteb hekk:

“Id-Direttorat bħalissa jinsab għaddej b’kollaborazzjoni mal-Università sabiex jiġbor aktar dettalji u jkun armat jekk din il-ħanfusa titfaċċa Malta. Sa issa għadhom ma ġewx rappurtati każi ta’ dan l-insett f’Malta.”

Tajjeb li jsiru studji, imma f’dak l-istadju ma jidrilniex li jkun daqxejn tard wisq?? Espert zgur li minix, imma cert li jistghu jittiehdu iktar mizuri biex nevitaw milli jidhol dan l-insett.

X’tahseb Alfred E. Baldacchino?!

———-0———-

Nirringrazzja lil Christian Borg li ġibidli l-attenzjoni u staqsini x’naħseb.

Xi tridni naħseb Christian? In-nies ta’ dan il-pajjiż jidhru determinati li jagħmluh deżert mingħajr ebda siġra. Naraw l-importazzjoni ta’ speċi invażivi bl-addoċċ u mingħajr kontrol, xi kultant ukoll imħallsa minn flus pubbliċi; nfiq ta’ €57 miljun minn flus pubbliċi u tal-EU wkoll biex l-ilma tax-xita narmuh il-baħar, waqt li dak tal-pjan jitella’ kif ġie ġie, bla kontrol ta’ xejn. Meta ħadd ma għandu l-ebda ħjiel, jew xi xewqa li jkun jaf bid-diżastru li qed inġubu fuqna, anzi nonfqu l-flus biex inġubuh b’idejna, x’tistenna?

Mill-esperjenza li għandi ta’ dan il-pajjiż, issa nistennew u nitolbu biex din is-susa ma ssibx ruħha hawn Malta. U meta tidħol imbagħad ngħidu li daħlet u nibku ftit ukoll u ngħidu ara x’ġaralna! Imbagħad inwaqqfu l-importazzjoni ta’ dawk is-siġar li din is-susa tista’ tiġi magħhom. Jew inkella nivvintaw xi bexx biex inbigħuh lil dawk li għandhom xi siġra tal-ħarrub biex inkomplu ngħinu lil dawk li l-għan tagħhom huwa li jagħmlu l-qliegħ mill-injuranza ta’ dawk li jmexxu.

Din il-ħanfusa hija indiġena għall-pajjiżi mill-orient, u nfirxet permezz tal-kummerċ. Hija tattakka madwar 200 speċi ta’ pjanta.
U jekk tgħidli li qed nesaġera, infakkret f’meta daħal il-Bumunqar Aħmar tal-Palm – ir-red palm weevil. Minkejja li kien hemm pariri biex ma jiġux importati siġar tal-palm minħabba dan il-bumunqar, xorta ġew importati. U minn fejn? Minn dawk il-pajjiżi fejn dan kien qed jagħmel ħerba bla rażan. Sallum inqerdu ‘l fuq minn 5000 siġra tal-palm.
U hekk naħseb li sejjer jiġri minn dan il-susa sewda tal-friegħi (black twig borer).
Ir-responsabbiltà biex jittieħdu passi hija tal-ERA – l-Awtorità tal-Ambjent u tar-Riżorsi). Din għanda l-għodda legali kollha biex twaqqaf id-dħul ta’ din il-ħanfusa. U magħha hemm ukoll is-Segretarjat tal-Agrikultura. Dawn it-tnejn qegħdin fil-Ministeru tal-Ambjent.
Issemma wkoll li “Id-Direttorat bħalissa jinsab għaddej b’kollaborazzjoni mal-Università sabiex jiġbor aktar dettalji u jkun armat jekk din il-ħanfusa titfaċċa Malta. Sa issa għadhom ma ġewx rappurtati każi ta’ dan l-insett f’Malta.”
Dan jgħati ‘l wieħed x’jifhem li d-Direttorat diġa qata’ qalbu li jwaqqaf id-dħul ta’ din il-ħanfusa f’pajjiżna, u qed jagħmel studju biex jikkontrollaha meta tidħol. Imma ma hemm l-ebda viżjoni, ħeġġa jew determinazzjoni biex din il-ħanfusa ma titħallhiex tidħol. L-istess kif ġara meta daħal il-Bumunqar Aħmar tal-Palm.
U ngħid jien, meta l-Università ħallset biex 60 siġra taż-żebbuġ inħasdu metru ‘l fuq mill-art, għax kif intqal kienu qed iwaqqgħu ftit weraq fuq il-karozzi, u qisu ma ġara xejn, taħseb li l-Università ta’ Malta, għandha xi viżjoni, ħeġġa jew interess fil-ħarsien tas-siġar u kif sejra titwaqqaf din is-susa sewda tal-friegħi milli tidħol hawn Malta?
Kull ma nista’ nagħmel jien, Christian, huwa li nitlob ‘l Alla biex jgħinna ftit ħalli nużaw imqar niskata intelliġenza minn dak li tagħna, forsi nbexxqu ftit għajnejna mill-għamad tal-kilba tal-flus li qed jaħkimna, jagħmina u li sejjer jeqridna.
aebaldacchino@gmail.com
ara wkoll:
Advertisements

2 Responses to Susa perikoluża għatba ‘l bogħod minn Malta

  1. Leli says:

    Bhassoltu Fred; kumment mirqum u ghandu jkun effettiv! L’Alla ta Malta sar biss il-Kummerc jew kif qieghdin isejhulha Ekonomija B’Sahhita. Taqtax qalbek, Fred, forsi jekk Alla jrid xi darba jintebhu!

    Sahhiet

    Leli

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: