Il-masterplan għal Paceville


il-mument

Il-Ħadd 4 ta’ Diċembru 2016

Amy Borg

Masterplan orkestrat mill-qiegħ

F’intervista ma’ il-mument, Alfred E. Baldacchino jitkellem dwar il-konflitti ta’ interess fix-xogħol biex sar il-masterplan għal Paceville, fuq min taqa’ r-responsabbiltà u x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem hekk kif ħamest ijiem oħra jagħlaq il-periodu tal-konsultazzjoni pubblika li kellha tiġġedded minħabba l-protesti u l-ilmenti tar-residenti u sidien ta’ negozji.

Kif għandu jsir masterplan għal Paceville? 

Paceville kiber mingħajr ebda pjan, għalhekk hemm bżonn wieħed illum qabel għada. Dan ma jfissirx li għandu jsir fuq xewqat dojoq kummerċjali mingħajr ħjiel ta’ risponsabbiltajiet soċjali, kummerċjali, saħħa fiżika u psikoloġika, ambjentali fis-sens wiesa’ kollha tal-kelma, kif ukoll għajxien ħieni u anki obbligi, kemm nazzjonali u internazzjonali, li l-pajjiż għandu.

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent, l-Awtorita’ għall-Ippjanar stiednet lill-konsulenti barranin li għamlu l-masterplan. Ma taħsibx li dawn kellhom jiltaqgħu mal-pubbliku qabel fassluh?

Fi kliem il-konsulenti barranin stess, dawn għamlu dak li ġew mitluba jagħmlu u xejn iżjed. Qalu li ma ħadux inkonsiderazzjoni ebda studju jew risponsabbiltà tal-carrying capacity tal-pajjiż, tal-externalities, jiġifieri dawk il-piżijiet u l-prezzijiet ekonomiċi moħbija; u ma taw l-ebda kas tal-ħsibijet, suġġerimenti, xewqat tal-istakeholders, lanqas tar-residenti.

F’kelma waħda dawn ma għamlu l-ebda konsiderazzjoni socioambjentali. Dan juri n-nuqqas ta’ responsabbilta’ u l-faqar tal-Awtorità tal-Ippjanar f’dan il-qasam, minkejja li hija mħallsa minn flus pubbliċi u mmexxija minn akkademiċi li suppost jifhmu u jafu li huma għandhom responsabbiltà lejn il-poplu Malti li qed iħallashom.

Taħseb li l-politiku għandu jerfa responsabbilità wara li ħareġ li jista’ jkun hemm konflitt ta interess għall-kumpanija li ntagħżlet mill-Gvern?

F’pajjiż demokratiku, il-politiċi magħżula mill-poplu jmexxu f’isem il-poplu li fdalhom ir-responsabbiltà. Dawn għandhom jagħmluh b’diskuzzjonijiet wiesgħa biex il-poplu kollu jħossu li huwa parti mid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Hekk dawn ikunu magħġuna biex ikunu ta’ ġid ekonomiku, soċjali u ambjentali, għall-ġid ta’ kulħadd.

Għandhom jaraw ukoll li dawk li jmexxu entitajiet uffiċjali f’isem il-poplu, jimxu fuq dan il-prinċipju. Għalhekk, il-politiku li fi ħdan il-portfolio tiegħu taqa’ l-entità li tieħu dawn id-deċiżjonijiet, huwa l-bniedem responsabbli politikament. Barra minn hekk, jekk dan il-politikant ma jerfax ir-responsabbiltà tiegħu, allura l-Kabinett huwa kollettivament responsabbli.

Allura x’kellu jkun l-irwol tal-Awtorità għall-Ippjanar fit-tħejjija għall-masterplan ta Paceville? 

pa-cartoon

Il-viżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar Maltija, imneżża minn kull viżjoni ambjentali u soċjali.

L-Awtorità tal-Ippjanar hija magħmula minn nies akkademiċi u b’esperjenza f’dan il-qasam, imħallsa minn flus pubbliċi, bir-responsabbiltà individwalment u kollettivament, li jaraw li deċiżjonijiet li jittieħu minnhom ikunu fl-interess nazzjonali, jiġifieri, fl-interess kollettiv wiesa’ soċjali, ekonomiku u ambjentali.

L-Awtorità għandha l-obbligu li tisma’, u tagħmilha ħafif u xejn diffiċli biex dawk l-istakeholders kollha li għandhom xi interess fuq is-suġġett, ikunu jistgħu jwasslu s-suġġerimenti u l-kummenti tagħhom, il-biżgħat u l-ħsibijiet tagħhom biex minn imexxi jkun jista’ jieħu deċiżjoni fl-interess ta’ poplu.

Milli wieħed jista’ jara, l-Awtorità tal-Ippjanar aktar ixxaqleb lejn idejat kummerċjali milli għandha xi interess minimu dwar l-ambjent jew li tagħti xi widen lill-leħen tal-poplu.

X’taħseb dwar il-high rise buildings f’dan il-masterplan?

Dan il-viżjoni tal-high rise buildings saret qisha ossessjoni, bħal ta’ dak it-tifel li ma joqgħodx kwiet sakemm bis-sewwa jew bid-dnewwa jaħtaf dak li jrid. Il-ftit studju li sar juri li dawn ma humiex adattati għal Malta mill-aspett soċjoekonomiku. Ma nafux x’effett sejrin ikollhom fuq il-carrying capacity tal-pajjiż, fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tal-poplu u fuq il-kummerċ taż-żgħir, fuq ir-riżorsi naturali tal-pajjiż, u anki fuq il-biodiversità.

Dan it-tip ta’ żvilupp, dejjem bl-għerf tal-Awtorità tal-Ippjanar fit-tmun, inħoss li aktar huwa bħal xi ħadd li jrid jimla’ vażett li jesa’ litru b’għaxar litri. Il-ħela ta’ riżorsi wkoll iddgħajjef l-istruttura ekonomika, soċjali u ambjentali li diġà teżisti.

Minn dik il-laqgħa l-pubbliku qajjem diversi kwistjonijiet u rabja wkoll. X’tikkumenta?

Veru li matul il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari msemmija kien hemm rabja li wasslet ukoll għall-ibbujjar. Din l-imġieba jien ma naqbelx magħha. Imma mill-banda l-oħra meta wħud iħossuhom marsusa f’rokna, imżebilha, iffrustati, ikkalpestati, inġurjati, u jaraw ħwejjiġhom li jistgħu jittieħdu għar-rejba tal-ftit, f’rapport uffiċjali li sewa €300,000, din hija r-reazzjoni li wieħed jistenna’ b’mod naturali. Aktar u aktar meta dan ir-rapport huwa mħallas minn flus pubbliċi li anki l-istakeholders mingħajr ma kienu jafu minn qabel, ħallsu għalih mingħajr ma kellhom l-iċken kontribut.

X’tikkumenta dwar kif wieġbu l-konsulenti barranin għall-mistoqsijiet tal-pubbliku?

Wieħed seta’ jara li l-konsulenti barranin kienu imbarazzati sewwa. Tant hu hekk, li meta kienu ssikkati bil-mistoqsijiet, qalu li huma għamlu dikjarazzjoni verbali lill-Awtorità tal-Ippjanar li kien hemm studji li l-kumpanija tagħhom għamlet għal xi żviluppatur li x-xewqat tiegħu dehru fil-masterplan.

Qalu wkoll b’mod ċar li kull masterplan ma jistax jirnexxi jekk ma jkunx hemm studji dwar l-externalities. Komplew żiedu li huma għamlu dak li ġew mitluba biss. Ma għamlu l-ebda studji li juru l-externalities tal-masterplan. Lanqas ma ngħatalhom xi rapport jew ħjiel tal-biżgħat tal-istakeholdres.

Dawn iwasslu biex ir-rapport xejn ma jidher profesjonali. L-istess bħal dak taż-Żonqor f’Marsaskala. Ħadmu fuq tagħrif mogħoddi lilhom mill-klient, l-Awtorità tal-Ippjanar, u tawh ftit kulur, dehra sabiħa u firma.

X’nuqqasijiet fih il-masterplan?

aeb-quote

Fir-rigward tal-qasam kummerċjali goff, ma hemm xejn nieqes: perfett. Ma nstema’ l-ebda kumment kontra dan il-masterplan minn dan is-settur. Minn naħa tal-istakeholders (mhux qed ninkludi lil ERA bħala stakeholder) mhux talli ma kienx hemm nuqqasijiet, talli ma kien hemm xejn li jitkellem fuq l-impatti negattivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali: kemm fuq ġewwa tal-masterplan, kemm tal-madwar, kif ukoll tal-pajjiż kollu. Bil-PA fit-tmun ma niskanta xejn. Anżi nistennihom.

L-ERA għada ma tidherx u bla vuċi. U qed jingħad li ma tistax tappella għax l-ERA qiegħda fuq il-board tal-Awtorità tal-Ippjanar!

Li kieku kelli niddeskrivi dan il-masterplan, kont ngħidlu Masterplan orkestrat mill-qiegħ.

Taħseb li l-ħsibijiet ta kulħadd jistgħu jkunu inkorporati fil-masterplan bla ma jkun hemm kunflitti bejn parti jew oħra?

Kif qalu l-konsulenti barranin, l-ebda masterplan ma jista’ jirnexxi mingħajr studji dwar l-externalities tiegħu. U kif qalu wkoll, ma kien hemm l-ebda talba minn għand il-klient tagħhom, il-Planning Authority, li suppost tippreżenta l-interessi tal-poplu, biex huma jagħmlu dan. Jekk il-mastserplan, bħal kull deċiżjoni oħra, ma jkollux, ma jiħux u ma jkunx irid jieħu l-kummenti ta’ kull stakeholder, din tkun deċiżjoni imposta fuq kulħadd.

Mingħajr dubju, il-kummenti, is-suġġerimenti u l-ħsibijiet tal-istakeholders jwassalu biex ikollhom sehem fid-deċiżjoni biex ikunu jistgħu jgħidu li huma parti mid-deċiżjoni li tkun fl-interess ta’ kulħadd. Dan ma tantx jidher li huwa l-interess tal-Planning Authority.

Il-Gvern qed jisħaq li qed joffri lill-pubbliku politika dwar l-ambjent b’saħħitha. Taqbel?

Dan smajtu. U anki qrajtu. Imma ma nista’ naraħ imkien, la fid-deċiżjonijet u lanqas fi proġetti.

Meta niftakar fiż-Żonqor f’Marsascala; fi pjani mressqa mill-MEPA li dgħajfu jew ħattew kull pjan li kien hemm u li fuqu setgħet kompliet tinbena l-politika ambjentali; fil-landscaping imsejjes fuq siġar eżotiċi importati bi dħul ta’ mard u speċi invażivi, ma nistax ma ngħidx li din hija aktar politika ta’ konvenjenża milli politika ta’ konvinżjoni.

Meta nqis li ħafna minn dawn l-attivitajiet huma mħallsa minn flus pubblici u bi ftehimiet sigrieti, ma nafx kif xi ħadd serju jista’ jsejjah din bħala politika ambjentali b’saħħitha.  Aktar naraha bħala waħda msewwsa b’deċiżjonijiet ta’ viżjoni kummerċjali mgħammda bil-barka uffiċjali.

X’għandha tkun il-politika dwar l-ambjent għall-pajjiżna?

Politika ambjentali b’saħħitha hija msejjsa fuq qafas li jiġbor fih id-direttivi, ir-regolamenti, u d-deċiżjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropa. Qatt ma jista’ jkun hemm politika ambjentali li tinjora dan il-qafas.

Lanqas ma jista’ jkun hemm politika ambjentali b’saħħitha fejn l-Awtorità tal-Ambjent tkun maħkuma mill-Awtorità tal-Ippjanar, u fejn anki  tlaqqa’ l-poplu għall-konsultazzjoni meta d-deċiżjoni tkun diġà meħuda, u xi kultant il-bidu tal-iżvilupp ikun diġà beda.

Dawn iż-żewġ awtoritajiet għandhom ikunu awtonomi u jaħdmu f’isem il-poplu u l-ġenerazzjonijiet futuri mingħajr ebda indħil. Qatt ma jista’ jkun hemm politika ambjentali b’saħħitha fejn dawn l-awtoritajiet aktar ikunu lesti biex jogħġbu lill-politikant milli biex jaqdu dmirhom lejn il-poplu u l-pajjiż.

aebaldacchino@gmail.com

Ara ukoll

Paceville’s hide and seek – https://alfredbaldacchino.wordpress.com/2016/11/08/pacevilles-hide-and-seek/

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: